Bla kmiem


Patri Mario Attard OFM Cap

Kull ħin u kull mument niżżi ħajr lill-Mulej li sejjaħli biex ngħix fil-kunvent. L-għaliex, minkejja t-tlajja’ u l-inżul tagħha bħal kull ħajja oħra, il-ħajja tal-kunvent tabilħaqq tgħallimni bosta ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mhux biss mal-ħajja personali tiegħi imma wkoll mal-ħajja kollha kemm hi.

Dan l-aħħar smajt storja li għamlitli ħafna ġid u kuraġġ. Għalhekk qtajtha li naqsamha magħkom. Wieħed mill-qaddisin tagħna l-Kapuċċini huwa San Leopoldu Mandiċ. Jekk tmorru Padova, l-Italja, hemmhekk issibuh imlaqqam bħala s-secondo grande santo. U bir-raġun! L-għaliex qablu hemm il-magħruf qaddis li jsib il-ħwejjeġ mitlufin, Sant’Antnin. Issa l-missjoni li l-Mulej kien taha lil San Leopoldu kienet dik li, permezz tas-sagrament tal-qrar, il-Mulej isib bih għadd ta’ nies li kienu ntilfu bi dnubiethom. Kamartu ċkejkna ma kien fiha xejn għajr il-konfessinarju li fih kien iqatta’ tista’ tgħid parti kbira mill-ġurnata tiegħu jqarar. Mhux ta’ b’xejn mela li l-Knisja għażlietu bħala l-qaddis padrun tal-konfessuri!

Mela dan San Leopoldu għandu storja tassew mill-aktar interessanti. Meta l-Provinċjal tiegħu kien Ruma u kellu laqgħa mal-Papa Piju XII, dan il-Papa kbir ħa l-okkażjoni u ħeġġu ħalli jgħid lil Patri Leopoldu biex ikollu komma idjaq fil-qrar. Meta l-Provinċjal wassal dan il-messaġġ lil Leopoldu dan il-qaddis, b’għerf kbir, ħares lejn is-superjur tiegħu u qallu: “Kristu fuq is-salib lanqas kmiem ma’ kellu! Għax kien għeri!”.

X’tagħlima dik hux! Kristu, Alla Qaddis, it-Tieni persuna tas-Santissma Trinità, il-Ġust, lanqas komma ma kellu fuq is-Salib. Ħafer kollox! Forsi int u jien, ta’ bnedmin li aħna, din ma nifmuhiex. L-aħħar darba kont f’każin tal-banda u wieħed raġel ma seta jniżżel b’xejn il-fatt kif il-Mulej jaħfer persuna proprju fl-aħħar ħinijiet ta’ ħajjitha. Fl-isptar mhux l-ewwel darba li rajt dan iseħħ quddiem għajnejja. Nies li kienu ilhom ma jqerru ħamsin u anki sittin sena tarahom jitħabbu mal-Mulej fl-aħħar naqra. Is-sabiħa hi l-Mulej, b’tant paċenzja, baqa’ jistenniehom! U tassew! L-għaliex ftit jiem wara tarahom sejrin ferħana fid-Dar tal-Missier tas-Sema!

Imma l-għaliex hux il-Mulej jaħfer lill-bniedem fil-pont tal-mewt tiegħu? Jien tweġiba għandi. L-għaliex hu biss jaf minn xiex ħelisna. Jiena u int l-infern ma nafux xi jsarraf. Taf li anki x-xjaten ma jridux imorru fl-infern daqskemm hu post tat-tkexkix? Int x’taħseb li lil Ġesù qalulu l-ispirti l-ħżiena fir-rakkont tal-imxajtan ta’ Ġerasa? Isimgħu x’jgħid it-test: “Mela kien hemm merħla kbira ta’ ħnieżer jirgħu fuq l-għolja, u l-ispirti talbuh biex iħallihom jidħlu fihom; u hu ħalliehom.  U x-xjaten ħarġu minn dak il-bniedem u daħlu fil-ħnieżer. U l-merħla nxteħtet għal ġo l-għadira mill-għoli tax-xaqliba u għerqet” (Lq 8:32-33). Ippreferew jidħlu fl-annimal imniġġeż għall-Lhud, jiġifieri l-ħanżir, milli jmorru fil-belliegħa! Mela jekk l-ispirti ma riedux li jmorru l-infern kif niġi jien jew tiġi int u ngħidu lill-Mulej biex jibgħat lil xi ħadd l-infern? Lanqas lill-aktar bniedem li jaħmilnix pinġut u li jagħmilli l-ħsara ma nixtieqha din! Issa dan nirraġunah hekk jien, il-Patri, midneb. Aħseb u ara l-Missier tas-Sema li bagħtilna lil Ibnu biex ma nintilfux imma biex bih ikollna l-ħajja ta’ dejjem!

Tajjeb din il-biċċa ta’ bla kmiem niftakruha ilkoll kemm aħna. Nibda’ jien bħala Patri. Ħa niftakarha fis-sagrament tal-qrar. Diġà bniedem ikun għamel ħafna kuraġġ biex ġie iqerr dnubietu. Min jaf minn kemm barrikati li jkun għamillu x-xitan ikun għadda minnhom! Mela ħa nieħdu bil-ħlewwa. U hawnhekk jidħol il-parir għaqli tal-ħabib tiegħi Ġorġ, l-għannej tal-Mulej: “Patri (jew qassis) bid-daħka f’wiċċu l-midneb imur ifittxu”. Ejjew ħuti saċerdoti inkunu ħelwin zokkor mal-penitenti. Niftakru li minn dik il-qrara bniedem jista’ jieħu qadfa sewwa ‘l quddiem fil-ħajja tar-ruħ!

U bejnietna ejjew ninżgħu l-kmien! Ejja nitgħallmu naħfru. Fil-ħajja kulħadd jiżbalja. Mela ejja nitgħallmu nitolbu l-maħfra u nagħtuha aħna wkoll. U ħallina mill-vendetta. Dik indannazzjoni biss iġġib!

Wara kollox il-Mulej qatt ma fittex ix-xagħra fl-għaġina magħna. Dejjem ħafrilna. U hekk iridna nagħmlu. Ħallik mill-kmiem! Kun bla kmiem jekk ma tridx li l-Imgħallem iżommlok fil-komma! Imbagħad veru tkun miskin\a!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: