Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Wara kull applaws

Wara kull applaws


Patri Mario Attard OFM Cap

Id-diskors li għamel Papa Franġisku f’Seduta Aġġunta fil-Kungress Amerikan, nhar l-24 ta’ Settembru li għadda, irċieva għadd kbir ta’ applawsi.

Fl-ewwel applaws il-Papa stieden lill-politiċi biex jiddefendu u jippreservaw id-dinjità taċ-ċittadini ħuthom. L-għan aħħari tal-politika huwa t-tfittxija impenjattiva għall-ġid komuni. Bħala politiku qed niddefendi biżżejjed lill-vunerabbli tas-soċjetà? Nipproponi u nappoġja liġijiet li jgħinuna ngħixu ta’ aħwa? Liġijiet li jressquna aktar lejn Alla? It-tieni applaws jafferma l-importanza tad-djalogu. Bħala politiku, ċittadin u Nisrani\ja qed infittex li niddjaloga ma’ kulħadd? It-tielet applaws huwa apprezzament tal-libertà. Il-Papa qal li l-libertà vera twassal “għall-imħabba tal-ġid komuni u għall-koperazzjoni fi spirtu ta’ sussidjarjetà u solidarjetà”. Kemm il-libertà tagħna qiegħdha tipproteġina mill-vjolenza? Anki dik magħmula f’isem ir-reliġjon, ideoloġija jew sistema ekonomika? Il-libertà qiegħdha tħaddan il-libertà intellettwali u individwali? Ir-raba applaws jiftħilna għajnejna minn “riduzzjoni simpliċistika li tara biss it-tajjeb jew il-ħażin; jew it-tajbin u l-ħżiena”. Kemm qed naħdmu biex infejqu l-polarizzazzjoni bejna u bejn l-oħrajn?

Fil-ħames applaws jħeġġeġ lill-politiċi biex “jirrestawraw it-tama, isewwu l-ħażin, li jżommu l-impenji tagħhom, u hekk jippromovu l-ġid għall-individwi u l-popli”. Bħala politiċi qiegħdin naħdmu biżżejjed biex inkabbru l-ispirtu sabiħ u fejqan tal-fraternità u s-solidarjetà f’pajjiżna? Is-sitt applaws ifakkarna fir-rwol tar-reliġjon fil-ħajja soċjali. Jgħidilna l-Papa: “Huwa importanti li illum, bħal fil-passat, il-leħen tal-fidi jissokta jinstema’. L-għaliex huwa l-leħen tal-fraternità u tal-imħabba li jipprova jġib l-aħjar f’kull persuna u fis-soċjetà”. Bħala politiċi, fi djalogu veritier mal-kuxjenzi tagħna, qiegħdin nagħtu piż biżżejjed fuq x’tgħidilna l-fidi Nisranija tagħna fuq kwistjonijiet soċjali, familjari, ekonomiċi, politiċi u etiċi?

Is-seba’ applaws ifakkarna fil-ħolma ta’ Martin Luther King li jwettaq il-“ħolma” tiegħu li jikseb id-drittijiet ċivili u politiċi tal-Afrikani Amerikani. Hija din il-ħolma tiegħi bħala politiku, jiġifieri li l-vulnerabbli ikollhom id-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom? F’applaws numru tmienja l-Papa jgħid li “l-ħolm iwassal għall-azzjoni, għall-parteċipazzjoni, għall-impenn. Il-ħolm li jqajjem dak li hu fil-qalb u li hu veru fil-ħajja ta’ poplu”. Kemm, bħala politiċi u ċittadini, qiegħdin nifhmu r-responsabbiltà tagħna li naħdmu għall-ġid ta’ xulxin?

Applaws numru disa’ u għaxra ifakkruna fl-immigrazzjoni. Bħala poplu aħna mbeżża’ mill-barranin? Fil-familji tagħna m’għandniex persuni li emigraw f’pajjiżi oħra? Ma nafux x’jiġifieri tħalli pajjiżek u tmur f’art oħra ħa tibni futur aħjar? Applaws numru ħdax u tnax ifakkruna fl-uġiegħ li għaddew l-ewwel immigranti fil-pajjiżi li laqgħuhom. Kemm qed inġibu dan quddiem għajnejna meta naraw l-immigranti fostna? Qed nilqgħuhom ħalli l-iżbalji tal-passat ma jirrepetux ruħhom?

L-applaws numru tlettax jgħidilna li biex pajjiż jinbena jeħtieġ “nagħrfu li rridu nirrelataw kontinwament ma’ xulxin billi nwarrbu mentalità ta’ ostilità biex nadottaw sussidjarjetà reċiproka, f’impenn kontinwu biex nagħmlu l-aħjar”. Qegħdin nimpenjaw ruħna f’dan? Il-qalba tal-erbatax-il applaws hija r-regola tad-deheb: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom” (Mt 7:12). Irrid jien min jilqagħni meta bla dar? L-għaliex mela ma nilqax lil dawk li huma bla saqaf fuq rashom?

Applaws numru ħmistax iħeġġiġna “nittrattaw lill-oħrajn bl-istess passjoni u kompassjoni li aħna nixtiequ li niġu ittratti… Il-kejl li nużaw għall-oħrajn se jkun l-istess kejl li ż-żmien se juża’ magħna”. Kemm aħna konxji minnu dan? Fl-applaws numru sittax il-Papa jfakkarna li din “il-Liġi tad-Deheb tfakkarna wkoll fir-responsabbiltà li nipproteġu u niddefendu l-ħajja umana f’kull stadju tal-iżvilupp tagħha”. Aħna l-politiċi ħa nibqgħu niddefendu l-ħajja f’kull stadju tagħha bil-liġijiet li ngħaddu jew le? F’applaws numru sbatax il-Papa jafferma l-impenn tiegħu kontra l-piena tal-mewt. Il-ġustizzja nqisuha fis-sens restawrattiv tagħha?

F’applaws numru tmintax il-Papa jgħid li “s-soċjetà tista’ biss tibbenifika mir-rijabilitzzjoni ta’ dawk li wettqu xi rejat”. Kemm qegħdin niftħu qalbna u ngħinu fl-isforzi li qed isiru mill-politiċi tagħna biex jirrijabilitaw lil min ħabbat difru mal-liġi? Lil dawn ħutna qegħdin noffrulhom tama? Fis-dsatax-il applaws il-Papa għamel sejħa biex “il-faqar u l-ġuħ jibqgħu jiġu missielta bla waqfien fuq ħafna fronti”. Kif nistgħu nibqgħu inkattru l-postijiet tax-xogħol f’pajjiżna biex lill-fqar ngħinuhom joħorġu mill-faqar tagħhom? L-għoxrin applaws iħeġġiġna biex nieħdu ħsieb l-ambjent naturali. Kemm aħna kuraġġużi u responsabbli biex l-ambjent nibżgħu għalih ħalli ma jinqeridx?

Applaws wieħed u għoxrin jippreżentalna l-kultura tal-ħarsien. Qiegħdin nużaw it-teknoloġija biex nieħdu ħsieb xulxin u l-ambjent ta’ madwarna? L-applaws tnejn u għoxrin isemmilna l-valuri tat-talb, tad-djalogu u tal-paċi. Kemm, bħala politiċi u ċittadini, aħna miftuħin għal kull persuna li tgħix f’pajjiżna? Xi strutturi politiċi jistgħu jinħolqu biex id-djalogu u l-għejxien tad-diversi persuni ta’ nazzjonalitajiet, kulturi u reliġjonijiet jagħmilna aħwa? Fit-tlieta u għoxrin applaws il-Papa jagħmel sejħa għall-kontroll tal-armi qerrieda. Kif nistgħu nikkontrollaw l-armi f’pajjiżna? Fl-erba’ u għoxrin u l-ħamsa u għoxrin applaws Papa Franġisku jgħid: “Kemm kienet essenzjali l-familja għall-bini ta’ dan il-pajjiz!” Dan id-diskors kemm qed jgħinna biex niddefendu l-familja f’Malta? Inqisu l-familja bħala “arrikkiment u sbuħija” għas-soċjetà tagħna?

Fis-seba’ u għoxrin applaws il-Papa jgħid li liż-żgħażagħ, “il-membri tal-familja l-aktar vulnerabbli”, jinħtieġ li “naffaċċjawhom flimkien, li nitħaddtu dwarhom u li nfittxu soluzzjonijiet effettivi” għalihom. Kif nistgħu ngħinuhom jibnu futur hieni?

Jalla dawn l-applawsi jgħinnuna nibdlu ħajjitna bħala ċittadini, politiċi, Insara u soċjetà!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: