Mhux negozju?


Patri Mario Attard OFM Cap

In-negozju! Il-qliegħ tal-flus! L-investiment! It-tkabbir! It-tkattir tal-ġid! Kollha kelmiet sbieħ li jaħjru. Veru?

U mela le! Jekk għandi grazzja kif sold nagħmlu tnejn jien min jien biex ma ninxteħitx għan-negozju? U jekk kapaċi naqdi l-klijenti tiegħi, bl-aħjar mod possibbli, l-għaliex m’għandiex nagħmel lil ħaddieħor kuntent? L-għaliex m’għandix, bil-għaqal ta’ moħħi, niggarantixxi l-għejxien tal-familji tal-ħaddiema li jaħdmu miegħi? U mbilli nirrispondi għad-domanda li ssirli bil-prodotti li nbiegħ jew bis-servizz li nagħti, la jien kapaċi l-għaliex dan m’għandiex nagħmlu? Ma tkunx ħasra li, avolja għandi dan it-talent daqshekk sabiħ u meħtieġ, immur naħbiħ f’għalqa? Mhux ovvja li la nidher quddiem il-Mulej se nikkonfondi x’se nwieġbu ġaladarba tani talent u jien, jew minħabba l-għażż inkella minħabba l-biża’, ma nkunx ħadditmu?

Kollox sew! Veru! Imma b’daqshekk ma jfissirx li la ilsieni jinqala’ biex jikkonvinċi lin-nies ifisser li ħa nbiegħ il-prodott tiegħi akkost li nqarraq bihom l-għaliex inpasprilhom li l-prodott fih ħaġa meta fil-fatt ma fihx. Għax meta nagħmel hekk mhux il-ġebla fuq saqajja inkun qed inġib? U jekk il-Mulej ipprovdieli fuq li ipprovidieli fin-negozju tiegħi tgħid ma nkunx qiegħed fis-sewwa jekk inħaddem taħlita ta’ nies flimkien? Wara kollox mhux kulħadd irid jiekol? U mela ejja ma nkunx rgħib u rgħiba billi ningaġġa biss miegħi lil dawk li nħallashom bix-xejn. Noħdilhom saħħithom u, minn fuq, nheddidhom li nkeċċihom jekk ifettilhom jiftħu ħalqhom. Tgħid dan huwa sewwa?

U jekk, għall-grazzja ta’ Alla, il-qliegħ tiegħi qiegħed jispara dejjem ‘l fuq allura dan ifisser li għandi nara kif nimmanuvra ħalli nevadi t-taxxa? Inkella, jekk xi ħadd tal-kuxjenza jiġbidli l-attenzjoni, arani nhedded li se nagħlaq in-negozju u nitfa’ l-ħaddiema jiġru fit-triq bla xogħol? U, biex inżomm il-familja tiegħi għaddejja tajjeb, dan ifisser li għandi nagħsar lil dawk li nħaddem? Jew lill-klijenti bi prezzijiet li bwiethom ma jaffordjawx?

U, la qed nara l-gelgul dieħel fi bwieti hekk li ma nafx se naqbad nagħmel bihom, ikun għaqli jekk noħlom biss fuq il-profitti tiegħi u daqshekk? Meta se nitgħallem li n-negozju tiegħi għandu bżonn jitbierek? Meta beħsiebni nbierku billi nagħti perċentwal mill-qliegħ tiegħu għall-karità? Ma naħsibx li jaħbatli aħjar meta nagħmel hekk? U bilħaqq, x’inhu n-negozju mingħajr il-barka? L-għaliex, kull tant żmien, ngħidu kull xahar ħa, ma nġibx lil xi saċerdot u jqaddes xi quddiesa għalija u għall-ħaddiema tiegħi? Wara kollox in-negozju qiegħed hemm mhux biex jibqa’ in aeternum imma biex il-Mulej, li pprovdieli fuq li ipprovdieli, ipprovdieli ħalli bija jimla’ ħluq il-ħaddiema bil-familji tagħhom. U anki biex bin-negozju tiegħi itaffi t-tbatija tal-fqar ta’ żmienna. Kemm dan qiegħed tassew nirrejalizzah jien? U n-negozju tiegħi kemm qed jirrispetta l-ambjent naturali? Qed nibża’ għall-ambjent?

Kemm għandi swied il-qalb bħalissa! L-għaliex qed niftakar li meta kelli minflok ma investejthom fin-negozju u fil-karità lill-batuti, ta’ iblaħ u ta’ belha li kont qbadt u lagħbthom. Jew ħlejthom f’kapriċċi li wara ma kellix saħħa li nżommhom għaddejjin. Naf. B’riħet hekk issa missejt il-qiegħ! U wasalt f’pużizzjoni li ħaddiema li ilhom is-snin miegħi issa qed narahom żejda u għandi ġenn biex infittex neħles minnhom. Imma insejt kemm ħadmu għalija? U kemm, bil-lejaltà tagħhom lejja, jiena stajt nasal fejn xtaqt? Itolbu naqra għalija ħalli ma naqbadx u nagħfiġha din ukoll issa

Ara Mulej! Jiena meta kelli minflok ippruvajt ngħin lil ħaddieħor tħanżirt fuq li tħanżirt. Ħsibt biss għalija u ta’ madwari u l-bqija tajthom bis-sieq. Imma illum, niedem u niedma quddiemek nitolbok din il-grazzja: għinni nqum fuq saqajja mill-ġdid. Imma din id-darba n-negozju se nikkonsagrah lilek. Se nagħti perċentwal mill-profitt lill-fqar. Se nibdew nitolbu aktar fuq il-post tax-xogħol. U t-taxxi se nibda’ inħallashom kollha. Se nħaddem lil kulħadd. U lill-klijenti se nibda’ inqishom b’dinjità, b’ġustizzja u b’lejaltà.

Mulej, grazzi li qed tagħtini l-kuraġġ li nerġa’ inqum. Il-kuraġġ li n-negozju nużah biex inwessa’ s-Saltna tiegħek fuq din l-art! Għax in-negozju mhux negozju! Imma missjoni. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: