Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ir-Rikonċiljazzjoni

Ir-Rikonċiljazzjoni


Patri Mario Attard OFM Cap

Waħda mit-temi ewlenin tal-vjaġġ appostoliku li Papa Franġisku wettaq f’Kuba bejn is-Sibt 19 sat-Tlieta 22 ta’ Settembru, kienet ir-rikonċiljazzjoni. Dan il-vjaġġ appostoliku, li aktar tard ħa ukoll lill-Papa fl-Istati Uniti u kif ukoll fil-Kwartieri tal-Ġnus Maqgħuda, kellu bħala qofol tiegħu l-parteċipazzjoni tal-Isqof ta’ Ruma fit-Tmien Laqgħa Dinjija tal-Familji f’Philadelphia. Il-vjaġġ ġie fi tmienu nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru.

Mal-wasla tiegħu f’Kuba, fejn intlaqa’ uffiċċjalment mill-President tal-pajjiż Rafael Castro, Papa Franġisku qal li t-titjib tar-relazzjonijiet bejn Kuba u l-Istati Uniti huwa proċess. U dan il-proċess huwa ta’ eżempju mhux biss għad-dinja kollha imma ukoll għall-politiċi biex jimxu fuqu.

“Għal xi xhur issa assistejna għall-ġrajja li timlina bit-tama: il-proċess tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn żewġ popli wara żmien ta’ allontanament minn xulxin. [Huwa proċess]. Huwa sinjal ta’ rebħa tal-kultura tal-laqgħa u tad-djalogu, ‘is-sistema tal-kobor universali’ fuq ‘is-sistema mejta darba għal dejjem ta’ gruppi u dinastiji’ (José Martí). Inħeġġeġ lill-mexxejja politiċi biex jipperseveraw fuq din il-mogħdija u li jiżviluppaw il-potenzjalitajiet tiegħu bħala prova tal-qadi għoli li huma msejħa biex iwettqu għall-paċi u għall-ġid tal-popli tagħhom, tal-Amerika kollha, u bħala eżempju tar-rikonċiljazzjoni għad-dinja kollha. [Id-dinja għandha bżonn ir-rikonċiljazzjoni. F’din l-atmosfera tat-Tielet Gwerra Dinjija f’biċċiet li aħna qiegħdin ngħixu].”

Fl-istess indirizz il-Papa ippreżenta lil Marija, il-Virgen mambisa, bħala għalliema tar-rikonċiljazzjoni u tad-dinjità tal-bniedem għall-poplu Kuban.

“Kienu l-veterani tal-Gwerra tal-Indipendenza li, immexxija mis-sentimenti ta’ fidi u patrijottiżmu, riedu li l-Virgen mambisa tkun il-padruna ta’ Kuba bħala nazzjon liberu u sovran. Sa minn dak iż-żmien hija akkumpanjat l-istorja tal-poplu Kuban. Hija sostniet it-tama li tippreserva d-dinjità tal-poplu fl-aktar sitwazzjonijiet diffiċli. Hija tiddefendi u tippromovi dak kollu li jagħti d-dinjità lill-persuna umana. Id-devozzjoni dejjem tikber tal-Verġni hija xhieda viżibbli tal-preżenza tagħha fir-ruħ tal-poplu Kuban. F’dawn il-jiem se jkolli l-okkażjoni li inżur El Cobre, bħala iben u pellegrin, biex nitlob lil Ommna għall-ulied Kubani kollha tagħha u għal dan in-nazzjon għażiż ħalli jterraq fil-mogħdijiet tal-ġustizzja, tal-paċi, tal-libertà u tar-rikonċiljazzjoni”.

Interessanti wieħed jinnota li fl-istess vjaġġ appostoliku Kuba saret il-pjattaforma fejn il-messaġġ tar-rikonċiljazzjoni dewa mhux biss f’dan il-pajjiż imma wkoll fl-Amerika Latina. Speċjalment fil-Kolumbja. Ta’ min hawnhekk wieħed isemmi l-messaġġ li Papa Franġisku ta qabel llAngelus eżatt wara l-quddiesa Papali li saret fil-Belt Kapitali tal-Pajjiż Havana nhar il-Ħadd 20 ta’ Settembru.

“F’dan il-ħin inħossni fid-dmir li nindirizza l-ħsibijiet tiegħi lill-art għażiża tal-Kolumbja, ‘konxju mill-importanza kruċjali tal-mument preżenti meta, bi sforzi imġedda u ispirati mit-tama, uliedha subjien u bniet qiegħdin ifittxu jibnu soċjetà paċifika’. Jalla d-demm imxerred mill-eluf ta’ nies innoċenti matul id-deċenni twal ta’ konflitt armat, maqgħuda ma’ dawk tal-Mulej Ġesù Kristu msallab, jgħinu l-isforzi kollha li qiegħdin isiru, inklużi dawk fuq din l-art sabiħa [Kuba] biex tintlaħaq rikonċiljazzjoni dejjiema. Għalhekk jalla l-lejl twil ta’ uġiegħ u vjolenza jista’, bil-għajnuna tal-Kolumbjani kollha, isir jum li ma jintemmx ta’ armonija, ġustizzja, paċi, fraternità u mħabba, fir-rispett għall-istituzzjonijiet u għall-liġi nazzjonali u internazzjonali sabiex jkun hemm paċi dejjiema.”

Imbagħad il-Papa ħeġġeġ bil-qawwa kollha: “Jekk jogħġobkom, m’għandniex id-dritt li nħallu lilna nfusna infallu għal darba f’din il-mogħdija tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni”. F’dan id-dawl il-Papa iżża ħajr lil Rafael Castro tas-sehem tiegħu għall-isforzi tal-paċi. “Grazzi Sur President għal dak kollu li twettaq biex tikseb din ir-rikonċiljazzjoni”.

Madankollu Papa Franġisku qgħad ferm attent li ma jillimtax ir-rikonċiljazzjoni biss għall-qasam politiku nazzjonali u internazzjonali. Anzi! Huwa afferma li l-Knisja stess għandha tkun il-bejta għal din ir-rikonċiljazzjoni. L-għaliex huwa meta l-Knisja tinżel f’din ir-rikonċiljazzjoni fi ħdanha stess li tista’ tassew tħaddan magħha dawk kollha li għaddejjin minn żmien diffiċli f’ħajjithom. Fl-omelija li għamel nhar it-Tlieta 22 ta’ Settembru fis-Santwarju ta’ Sidtna tal-Karità ta’ El Cobre f’Santiago de Cuba Papa Franġisku qal:

“Bħal Marija, irridu nkunu Knisja li taqdi. Li tħalli darha u toħroġ ‘il barra. Li tmur lil hinn mill-kappelli u s-sagristiji tagħha bil-għan li takkumpanja ħajjiet, li tissapportja t-tama u li tkun sinjal ta’ għaqda. Bħal Marija, Omm il-Karità, aħna rridu inkunu Knisja li timxi ‘l quddiem biex tibni l-ponitijiet, iġġarraf is-swar u tiżra ż-żerriegħat tar-rikonċiljazzjoni. Bħal Marija, irridu nkunu Knisja li tista’ takkumpanja dawk is-sitwazzjonijiet ‘imbarazzanti’ tan-nies tagħna. Li tkun Knisja impenjata għall-ħajja, għall-kultura, għas-soċjetà. U mhux li taħsel idha imma, u fuq kollox, li timxi ma’ ħutna subjien u bniet. Kulħadd flimkien, kulħadd flimkien. Kulħadd iben u bint ta’ Alla, ta’ Marija”.

Iċ-ċavetta għar-rikonċiljazzjoni hija r-rivoluzzjoni tal-ħlewwa, li trid turi ruħha kif inġibu ruħna ma’ xulxin. F’din l-omelija l-Papa fissirha hekk: “Aħna imsejħa ‘li nħallu djarna’ biex niftħu għajnejna u dawk tal-oħrajn. Ir-rivoluzzjoni tagħna isseħħ permezz tal-ħlewwa, tal-ferħ li dejjem issir viċinanza u kompassjoni. U li tmexxina li nieħdu sehem u li naqdu l-ħajjiet tal-oħrajn. Il-fidi tagħna iġġagħlna nħallu lil djarna ħa mmorru niltaqgħu mal-oħrajn. Biex naqsmu l-ferħ, it-tamiet u l-frustrazzjonijiet tagħhom. Il-fidi tagħna ‘tistedinna nħallu djarna’ sabiex inżuru lill-morda, lill-ħabsin u lil dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż. Tagħmilna kapaċi nidħku ma’ min jidħak u nifirħu mal-ġirien li jifirħu.”

Il-qawwa tar-rikonċiljazzjoni!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: