Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Għan-naqra qari!

Għan-naqra qari!


Patri Mario Attard OFM Cap

Aktar ma qed nikber, forsi wkoll l-għaliex, bil-grazzja ta’ Alla, sirt naffaxxina ruħi mill-ħajja tal-imqareb-qaddis Santu Wistin, aktar qed ninduna kemm hu meħtieġ li nfittex. U nibqa’ infittex! Ngħid li kieku Wistin kien għadu jgħix fostna ħaġa waħda żgur li kien jibqa’ jgħid: “Għallmuni! Għaliex ma naf proprju xejn!” U mhux għalhekk kien umli! Ħeqq! Kien saqajh mal-art hux!

L-esperjenza tallum toħodni f’Ħadd il-Palm ta’ din is-sena. Niftakar li dakinnhar, wara li qrajna r-rakkont tal-Passjoni skont San Mark, ħassejt f’qalbi li lin-nies fil-Knisja ngħidilhom joqgħodu bilqiegħda. Naħa minni nnifsi irribellat għal din l-istedina tas-sema. “Joqgħodu bilqiegħda għalfejn? Mela mhux diġà għamlu għaxar minuti jisimgħu l-Passjoni tinqara’! Issa se tagħmel l-omelija minn fuq? Din mhux moħqrija?” Jaħasra! Kemm iħobb il-poplu ta’ Alla hux dan il-leħen! Jidher ġej mid-dawl. Isimgħu! Qed jitħassarhom lin-nies! Imma, meta tagħrblu sewwa fit-talb, mill-ewwel tintebaħ li hu leħen mimli qerq u ħażen. Mela l-leħen taparsi mimli ħniena mhu ta’ ħadd għajr il-leħen infernali tax-xewwiexi. Tax-xadina. Tal-ikraħ. Tal-ħażin. U hekk kien tafux! U se ngħidilkom l-għaliex.

Meta n-nies poġġew bilqiegħdha u tlabna lill-Ispirtu s-Santu ħa jagħtina kelma qawwija u qasira l-kelma ħarġet! Mhux għalhekk tlabna? Fil-Passjoni tiegħu Ġesù talab. B’hekk seta’ joqgħod għal dawk it-terturi kollha! Tifkakru fil-film ta’ Mel Gibson, The Passion of the Christ, x’talab Ġesù lil Missieru qabel iflaġellawħ? “Missier! Qalbi imħejjija”. U mħejjija kienet! Daqskemm talab!

F’dak il-waqt għedt lili nnifsi l-ewwel u mbagħad lin-nies li kelli quddiemi: “Ħbieb! Meta ngħaddu mill-inkwiet tal-ħajja l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu mhux li immorru għall-flixkun tax-xorb. Lanqas għas-sokor. Inkella għat-tbaħrid. Ħa ninsew. Le! L-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hi li nitolbu. Fl-inkwiet ejjew niftħu l-Bibbja u naqraw bil-mod Salm 91. Biex ma ninsewx ejjew niftakru fin-numru tal-karozza tal-linja antika ta’ Ħal Qormi. Il-91!” Kien hemm min tbissem. Forsi l-għaliex Qormi jew Qormija. Inkella għoġbu jew għoġobha t-tixbiħa.

Qabel spiċċajt l-omelija, li damet minuta kollox, erġajt fakkart lill-miġemgħa: “Tinsewx! Fl-inkwiet naqbdu l-karozza ta’ Ħal Qormi! Naqraw Salm 91!” Mela x’ħin spiċċajt u dort biex ninżel minn fuq l-ambone inħoss lil xi ħadd jimbuttani. Ipprova jwaqqagħni. Għall-ewwel ixxukjajt ruħi. Imma x-xokk bdejt nirraġuna. “Naħseb li dort bis-saħħa”, għedt. Imma le! Inżilt bħas-soltu. Normali. Bil-kalma. Imbagħad bdejt nifhem. U nitbissem! Tant li għedt lin-nies: “Kien hawn xi ħadd li l-biċċa tan-numru tal-karozza ta’ Ħal Qormi ma’ għoġbitux! Għax jibża’ mill-kliem qawwija tas-Salm 91. Tajjeb! Mela din kienet konferma eċċellenti li fl-inkwiet tagħna aktar għandna nitolbu s-Salm 91! Għax l-ikraħ u l-ħażin, li moħħu hu li jaqlagħlna l-inkwiet u jikkumplikalna ħajjitna, jagħmel taħtu bil-biża’ meta nitolbu Salm 91”.

Din l-esperjenza fakkrittni fi storja tassew ħelwa li kont smajt żmien ilu tal-Patrijiet tad-deżert. Darba kien hemm taħdita bejn ix-xjaten. Xitan żgħażugħ qal lix-xitan ix-xiħ: “Isma’! Qed taraħ lil dak il-Patri? Għaliex ma tqajmux billejl ħa twaqqgħu fid-dnub”. Imma x-xitan ix-xiħ, b’ħarsa mimlija biża’ fl-għajnejn infernali tiegħu, dar lejn ix-xitan iż-żgħir u qallu: “U mela ma nqajmux! Huwa meta qajjimtu biex jidneb beda jaqra’ s-Salmi u ħaraqni!”

Trid taħarqu lix-xitan? Trid tkiddu? Meta jinqalgħulhek l-problemi aqbad Salm 91 u aqraħ. X’saħħa fih! Ħa ndewwqek xi frażijiet minnu ħalli meta tkun fl-għawġ tmur mill-ewwel għalih.

Għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.”… Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek... La tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu... Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu (Salm 91:2.10.14-15).

Sabiħ hux! U kemm hu qawwi! U mela tisħet xortik fl-inkwiet! Aqbad in-numru tal-Karozza ta’ Ħal Qormi sieħbi! Il-91! Mhux naqra qari mill-qalb imur fin-nofs?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: