Xi dlik!


Patri Mario Attard OFM Cap

Uff x’temp! Ċombi! Griż! Dan it-temp se jifqagħli rasi bl-uġiegħ! Kemm idejjaqni! Ommi Mà! Ngħidlek li joqtolni qiegħed! U int x’tippretendi Patri? Mhux f’Settembru qiegħdin? X’tistenna?

Settembru. Kollox sew! Id-disa’ xahar tas-sena. Ix-xahar li issir fih il-magħrufa regatta. U jsiru wkoll l-aħħar festi tal-istaġun tas-sajf. Mingħajr ma noqgħod insemmihom waħda waħda  li ma mmurx, fost l-entużjażmu li jkolli, ifettilli ninsa’ lil xi ħadd! Le ħej! Niffrankaw weġgħa dejjem aħjar! Settembru. Xahar il-għeneb. U, bħalma ngħidu aħna l-Maltin, l-għenba Maltija dejjem tibqa’ l-aqwa u l-aħjar. Daqsha ma jimpressjonakx. Imma ħej meta tikolha tkun taf x’int tiekol. L-għaliex vera! Bnina! Ġejja mill-għelieqi bieżla ta’ Din l-Art Ħelwa, L-Omm li tatna isimha.

Imma Settembru jfisser ukoll dak il-mingħul! Issa la ħarġet ħarġet! Jiġifieri r-riħ isfel! Ir-riħ li mhux biss ġej minn naħa t’isfel. Mid-deżert tas-Saħħara. Imma li jitfagħna ‘l isfel. Iġagħlna nħossuna ħażin. Qisu bħal iġagħlna nroddu xi ħaġa li qatt ma konna ħadna qabel. Inkella li niġbru fejn ma xerridniex. Jew li naħsdu fejn ma żrajniex. Ir-riħ isfel li jħawwad il-wajers ta’ moħħna. Iġagħlna nħossuna funny, a la Ingliża. Jew imħawda, bil-Malti. Lanqas nafu biss fejn naqbdu nagħtu rasna. Ir-riħ isfel li jneħħilna kull aptit għal dak li hu tajjeb. Sabiħ. Li jagħtina kuraġġ u tama. Ir-riħ isfel! Uff!

Ara tipprova tagħmel il-ħġieġ f’dan it-temp jew imqar ifettillek timsaħ l-art l-għaliex kollox jiġik tidlik. Mela tidlik mal-art. Mal-ħġieġ. Tidlik fuqna stess. Ħwejjeġ jeħlu magħna. Imbagħad ovvja li nħossu l-istonku jitqalla’. L-għaliex mix-xejn l-istonku jimtela’ għalkemm vojt. Inkella vojt għalkemm mimli. Ma nafx. Inħossni bla kontroll. Kollox imħawwad ġewwa fija. Ir-riħ isfel iġagħlni nħares ċass u ċassa ‘l quddiem. Mingħajr ma ħarsti tintrabat ma xi imkien partikulari. Ħalli almenu tiffoka u tieħu imqar naqra direzzjoni!

Dawn huma l-mumenti tad-dlik f’ħajjitna. Il-mumenti fejn inħossuna nduru u nagħqdu f’nofs ta’ baħar. Nixtiequ kieku nieħdu direzzjoni. Xejn xejn ħalli ma nibqgħux noħduha kontra ċerta kalma li mhix kalma. Mank dik il-kalma kienet naqra ta’ mewġa. Nitfa ta’ żiffa. Kieku kien hekk fiha u ma fihiex. Imma xejn! Kollox mejjet. Sħana imma temp ċombi. Qisu anki t-temp ma jafx xi jrid. La jaf jagħmilx xemx u lanqas jekk iqattarx ix-xita. Ma jaf proprju xejn! Imma x’ħa nagħmlu? Se nibqgħu sejrin hekk?

Is-sabar! Irrid nistenna. L-għaliex il-bnazzi ma joħroġx biss wara l-maltempati imma wkoll anki wara r-riħ isfel. Iż-żiffa terġa’ tiġi u ġġib dak il-frisk melliesi li jtellagħlna l-moral tagħna ‘il fuq ‘il fuq. Mela tibżax! Ir-riħ se jerġa idur mill-ġdid. Imma se nibqa’ hekk? Niċċassa sakemm jinbidel ir-riħ?

U int l-għaliex ma ddurx lejn il-Mulej u tgħidlu, bis-sinċerità ta’ qalbek, kif taf titlob int: Ara Mulej! Qed nistenna u ma jiġri xejn. Moħħi mixrub. Imma se nħalli f’idejk dawn il-mumenti fejn ma nafx fejn se naqbad nagħti rasi. Ħa nagħtihomlok f’idejk iva dawn il-mumenti ta’ dlik! U jekk jogħġbok iftaħli triq fejn issa triq f’ħajti m’hemmx. Niżik ħajr minn qiegħ qalbi li diġà smajtni. Amen.

Ara!… Id-dlik fejn mar?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: