Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Taf kemm j\titlob!

Taf kemm j\titlob!


Patri Mario Attard OFM Cap

Inkun għaddej miexi fl-isptar. Min isellimli minn hawn. Min irid ikellimni minn hemm. Nara biss dawk l-għajnejn miksura. Jitolbuni bil-ħniena: “Itlob għalija Patri!” Nista’ nibqa’ għaddej “bil-qalb magħluqa u bil-pass imgħaġġel?”

Mela nieqaf! Ikun fejn ikun. Basta nisma’ lin-nies. L-għaliex kulħadd irid jgħid tiegħu. Żgur li mhux biex isib it-tifsira għal dak li jkun għaddej minnu. U mela l-mard jifhmu xi ħadd? Kemm-il darba inqanfed l-erba xagħriet li fadalli fuq il-qurriegħa biex nipprova nifhem l-għaliex jomordu proprju dawk. U l-għaliex l-oħrajn, fit-tali żmien, ġralhom li ġralhom. Bil-mod Patri! Tmurx ‘il bogħod! Int lanqas meta imradt int ma fhimt! Min qatt kellu jgħidlek li, fl-aqwa ta’ ħajtek, proprju ta’ 39 sena, fejn ħaddieħor ikun qed itajjar in-nar, int kellek issib il-mewt ma wiċċek? Kellek issib kundizzjoni serja f’saħħtek? Imnalla li għandna speċjalisti mustaċċuni flimkien mal-mediċina biex nikkumbattu dan it-tip ta’ mard. Inkella bye bye il-ħajja sieħbi! U addijo l-ħolm kollu!

Imma l-Mulej tassew tal-ħniena. Anzi! Il-Ħniena Divina innifsha! Hekk hu l-punt ħbieb. Iċ-ċentru ta’ dak li l-Mulej jixtieqni inferra’ minn qalbi magħkom illum. Il-Ħniena ta’ Alla! Li hija n-nifs. U le! Ħafna iżjed minn hekk. Hija l-istess rejaltà spiritwali. Id-dirgħajn kbar li bihom iħaddanna miegħu. Hija dak l-ilma kbir u fond li lilna jġagħlna ngħixu fih. Ngħumu. U nimirħu. U aktar ma ninżlu fil-fond fih aktar insibu raġuni l-għaliex għandna nittamaw fih. Mela l-ħniena m’hija xejn għajr l-istess ħajja vera tagħna!

U, f’din il-Ħniena immensa tal-Mulej, niltaqgħu ma’ aspett importanti ħafna. Il-Ħniena qiegħdha hemm biex tingħata. Għalhekk teżiżti sa minn dejjem. U ma tistax ma tingħatax l-għaliex xi Ħniena tkun? “Patri! Itlob għalija!” Iva! Smajtha l-għajta. Hija l-għajta ta’ ħniena għall-Ħniena. “Mela sieħbi! Nitlob għalik minn qalbi. Imma għandi xi ħaġa għalik”. “Veru Patri?” U l-wiċċ jibda’ jixgħel bil-kuraġġ. U anki, għaliex le, bil-kurżità. “Mela x’għandek?” “Għandi x-xorti tax-xorti! Għandi din!”

U dlonk noħroġ ferħan mill-pettolina taċ-ċoqqa Franġiskana tiegħi l-Kurunella tal-Ħniena Divina. “Il-aħwa! Din għal ommi! Dik taf kemm titlob? Iffissata! Daqskemm titlob!” Ngħidilkom is-sewwa li din il-frażi smajtha fuq li smajtha. U aktar ma nismagħha aktar iġagħlni naħseb. “Din għal ommi!” Ommi li diġà titlob ħafna. Ommi li f’ħajjitha ma nafx kemm-il Rużarju titlob ma’ Radju Marija. Ommi li, nidħol meta nidħol, dejjem kont insibha fuq dik il-pultura titlob, titlob, titlob…

Il-Mulej żgur li japprezza t-talb ta’ ommi. U ħa ngħidlek, tant kemm japprezzah li min jaf kemm ġid għamel bih! Imma illum ried jagħmel xi ħaġa differenti. Illum ried jieqaf quddiemek. Ried jagħtik it-talba biex titlobha int. Tgħidli: “U mela jien raġel jew mara ħażina Patri?” U int min qallek li għax il-Mulej iħeġġek biex titlob, bħalma jħeġġeġ lili minn filgħodu sa filgħaxija, dak ifisser li int raġel jew mara ħażina? Proprjament il-punt m’huwiex dak! Il-punt huwa ferm isbaħ minn hekk!

Int għalih tiswa! Swejtlu Demm Ibnu Ġesù Kristu! U għadek tiswielu tant xogħol li qed jagħmel minn wara l-kwinti biex dejjem iressqek lejh. Bħalma jaħdem bis-sahra biex iressaq lili lejh tafux! Int prezzjuż u preżżjuża għalih. Għalik ħalaq dinja mill-isbaħ. Għalik għamel in-nhar u l-lejl. Il-ħut tal-baħar u l-għasafar tal-ajru. Għalik ħalaq il-baħar mill-isbaħ li jdawwar il-Gżira tal-ħolm tagħna. Għalik ħalaq il-kwiekeb. U jtella’ x-xemx ħanina kuljum. U biex tiekol ikel mill-aħjar ħalli tkun tista’ tgħix sewwa u mingħajr mard jibgħat fi żmienha x-xita. Ta lill-bnedmin ħutek għerfu ħalli int tgħix aħjar. Barra minhekk ta l-intelliġenza lit-tobba għaqlin tagħna biex jgħinuk tgħix ħajja b’saħħitha.

U, fost tant grazzji kbar li int, bħali, ma tindunax bihom, issa ried itik din ukoll. It-talba! Ħudha l-Ħniena Divina meta xi ħadd joffrihielek. Dik għalik! Ħalli ruħek tgħix aħjar. Fil-paċi miegħu! Għax il-fejqan li hemm f’qalbu jrid iferrgħu kollu f’qalbek!

Issa jrid lilek titlob għal dan il-fejqan. Bil-Kurunella tal-Ħniena Divina. Ħudha! Itlobha! Ibbenifika sewwa minnha!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: