Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Meta tkellimhom … itfiħ!

Meta tkellimhom … itfiħ!


Patri Mario Attard OFM Cap

Niftakarni kważi ħerġin għall-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka li kellna mal-Arċisqof din is-sena. Qbadnieha imma ma stajniex nissuktaw l-argument. Iżda id-diskors li kien intqal diġà kien interessanti. L-għaliex jibni!

Qalli: “Jidher li għandu messaġġ importanti. Araħ xi jtektek fil-mowbajl!” “Ħeqq illum mingħajr it-teknoloġija ma ngħaddux”, wieġbu l-qassis sieħbu. “Mitt darba u elf”, issokta dan il-qassis għaqli. “Iżda ma nippermetti qatt li xi ħadd ikun qed ikellimni u, fl-istess ħin, ikun qed itektek messaġġ. Dan hu insult!” Nifhmu! Għandu raġun. Anke jien inħossni urtat meta xi ħadd ikun qed ikellimni u f’dak il-ħin stess joqgħod jibgħat il-messaġġi. Mela jiena nista’ nagħmel żewġ affarijiet f’daqqa? Jew nibgħat messaġġ bil-kwiet. Inkella nibqa’ nitħaddet ma’ min inkun qiegħed nitħaddet. Ma ninsa qatt messaġġ li Papa Benedittu XVI kien ta f’wieħed mill-jiem dinjija tal-komunikazzjoni. F’messaġġ minnhom kien qal li l-komunikazzjoni personali, wiċċ imb’wiċċ, għandha tirbaħ fuq kull tip ieħor ta’ komunikazzjoni.

Veru li l-ħajja saret mgħaġġla. Veru wkoll li l-impenji kibru. Illum għidli min mhux magħsur bix-xogħol! Issa qadja l’hawn u mbagħad qadja l’hemm. Madankollu irridu nħożżu linja. Inkella se ngħarrqu saħħitna u dik ta’ ħaddieħor. Jiena stess bħalissa, waqt li qed nikteb dawn il-kelmtejn, qiegħed nitlob maħfra lill-Mulej ta’ dawk id-drabi fejn kelli nwieġeb xi messaġġ waqt li xi ħadd kien qed ikellimni. Veru! Kienet urġenza! Biss l-urġenzi nistgħu nillimitawhom ukoll.

Kull telefon tal-mowbajl fih fejn tixegħlu u titfiħ. Forsi l-ironija hi li taf tkun l-istess buttuna. Kif inhu fil-każ tiegħi. Tant l-aħjar! Kulma tmur tagħfisa. Imma ħej tagħfisa li taf tfisser ħafna kuraġġ u tama. Inkella mewt u qerda għall-persuna l-oħra li tkun qed titħaddet miegħi. Fejn tidħol il-persuna kollox għandu jieqaf. Inklużi li persuni oħra jċemplu. Sakemm, nerġa’ ngħid, ma jkunx każ estrem. Li, għall-grazzja ta’ Alla, dawn ikunu limitati. Irridu nwaħħluha f’rasna: ma nistgħux inlaħħqu ma’ Alla u max-xitan! Irridu niġbdu linja! Irridu nħarsu r-relazzjonijiet umani li diġà għandna mal-oħrajn. Inkella jekk se inħallu l-mowbajls jidħlu f’nofs id-diskursati tagħna se nibdew nippermettulhom li jagħmlulna ħafna ħsara.

Ma rridux ninsew kemm persuna tkun għamlet sagrifiċċju biex tibda’ titħaddet. L-aktar jekk tkun qed taqsam magħna xi ħaġa personali li tkun għaddiet minnha. Mhux sewwa li nħallu terzi persuni jtellfuna b’telefonati jew messaġġi f’dawn il-waqtiet daqshekk delikati. Dawk l-interruzzjonijiet jafu jkissru lil min, b’tant tbatija, ikun qed iwettaq l-akbar rebħa f’dak il-ħin: dik li joħroġ minnu nnifsu u jitħaddet. Dik li fl-aħħar ħarġet l-uġiegħ li kellha maħżun fiha għal ma nafx kemm snin!

Barra minhekk irridu nħarsu tip ieħor ta’ komunikazzjoni li għalina ilkoll hija importantissima. Dik mal-Mulej! Ħin mal-Mulej huwa sagrosant. Ma naffordjawx innaqruh bl-interruzzjonijiet. Għalhekk, biex nieħu l-frott tiegħu, irrid nagħmel ħaġa waħda: nitfi l-mowbajl. Ma nistax nitlob bil-mowbajl miftuħ! Kif nista’ nikkommunika sewwa mal-Mulej meta moħħi u ġismi qiegħdin fuq altert kontinmwu biex jirrispondu l-mowbajl? Impossibbli! Mhux ovvja li se nkun aktar moħħni fid-daqqa tal-mowbajl milli f’dak li l-Mulej ikun qed jgħidli fil-ġewwieni tiegħi!

U lanqas jekk ma jċemplulix xorta waħda ma nħossnix fil-paċi wara li nkun tlabt. Hemmhekk inkun intbaħt li ħallejt lix-xitan jisraqli dan il-ħin prezzjuż fejn is-sigriet tiegħu huwa wieħed: naħrab mill-ħin biex nidħol fl-eżiżtenza li m’għandhiex ħin. Anki għall-ħin hemm il-limitu. Hemm spazzju fil-ħajja fejn irid jitħalla barra. U, dak li jkun, b’responsabbiltà, jagħlaqlu l-bieb f’wiċċu!

Inkun bniedem u bniedma tassew meta l-interjorità tiegħi mal-Mulej u mal-bniedem nieħu ħsiebha. Nikber fiha. Inħarisha. Nipproteġieha. Ma nħalli lil ħadd jisraqhieli. L-għaliex naf li bniedem huwa bniedem daqskemm jikber fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu tiegħu. U ħadd daqs l-attenzjoni totali lill-Mulej u lill-proxxmu meta nkellmuhom ma jista’ jiggaranthielna!

Meta tkellimhom, tinsultahomx! Ħobbhom!… Meta tkellimhom … itfiħ!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: