X’velenu!


Patri Mario Attard OFM Cap

Tafu li jeżiżti tip ta’ velenu li joqtol lin-nies? Mhux il-velenu li qed taħseb int. Ġieli dan il-velenu ikun fi lsieni u lsienek. Avolja maħniex cobra! Dan il-velenu jissejja tgergir!

It-tgergir hu Susa ta’ ħażen. Xibka ta’ qerq. Baħar ta’ ħsara! Jidher dnub żgħir. U mhux kulħadd igerger! Anki l-imsaren fiż-żaqq … igergru! Imma tgergir l-imsaren ħsejjes ta’ din id-dinja. Filwaqt li t-tgergir huwa ħsejjes l-infern fil-widnejn. It-tgegir ħobż ix-xewwiexa. Ix-xorb il-qattiela.

L-Ittra lill-Filippin twissina fuqu: “Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tlaqliq, ħalli tkunu nies bla għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs bnedmin ta’ ħajja mgħawwġa u mħassra; fosthom intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb” (Fil 2:14-15). Mela! Int u jien imsejħa biex niddu quddiem l-oħrajn bħall-kwiekeb! Imma t-tgergir ixejjaħna. Ikerraħna. Għaliex jitfagħna fil-kumpanija tax-xjaten tal-infern! It-tgergir iġib toqol kbir fuqna. Għaliex jikkundannana!

It-test mid-Dewtoronomju 1:26-38 jikxef seba’ modi ta’ kif l-ispirtu ħażin jaħdem fina kull darba li niftħulu għaliex ingegru. Araw kif il-Kelma ta’ Alla tikxef beraħ il-pjan tal-biża’ tal-ispirtu ħażin tat-tgergir. It-tgergir isir fil-ħabi. Jgħidilna vers 27: “U bdejtu tgergru fit-tined tagħkom”. Kemm-il darba gergirna fil-widnejn? Fil-kmamar ta’ ġewwa?

It-tieni, it-tgergir huwa dnub li jferi lill-Mulej f’qalbu. Il-vers 27 jgħid: “U bdejtu tgergru fit-tined tagħkom u tgħidu: ‘Għax jobgħodna l-Mulej ħariġna mill-Eġittu biex jerħina f’idejn l-Amurrin, u jeqridna” (Dt 1:27). F’Esodu 16:8 nsibu hekk: “U qal Mosè: ‘Għax il-Mulej sama’ t-tgergir tagħkom li intom gemgimtu kontra tiegħu – għaliex aħna x’aħna? Mhux kontrina gergirtu, imma kontra l-Mulej’” (Eż 16:8). It-tgergir giddieb. Xewwiex. Ikabbaraha. Igiddeb. Joskura. Inassas kontra l-innoċenti. Għaliex inassas kontra Alla!

It-tielet, it-tgergir jifhem ħażin il-pjan tal-Mulej. Jgħidilna vers 27: “U bdejtu tgergru fit-tined tagħkom u tgħidu: ‘Għax jobgħodna l-Mulej ħariġna mill-Eġittu biex jerħina f’idejn l-Amurrin, u jeqridna’” (Dt 1:27). Kif jista’ qatt il-Mulej jobgħod lill-bniedem? Mhux l-ispirtu velenuż tat-tgergir jaqla’ dawn il-qlajjiet? Saħansitra kontra il-Mulej? Wiċċu itiħ! Għax giddieb. Mela spirtu mxajtan.

It-tgerġir jikxef qalb ribelluża. Jgħidilna vers 26. “Imma intom ma ridtux titilgħu, u ħadtuha kontra l-kelma tal-Mulej, Alla tagħkom”. Jekk min igerger ma jistħix joħodha kontra Alla, għaliex itappanlu qdusietu bit-tgergir tiegħu, ara x’jagħmel lili u lilek li, ħdejn il-Mulej, lanqas nibdew? Min igemgem qatt m’għandu kwiet! Ma jissettilja imkien. Ribelluż! Għandu xi jħabbtu! Qalbu eluf ta’ mili ‘l bogħod mill-Mulej!

It-tgergir jaqta’ qalb l-oħrajn. Jgħidilna vers 28: “Ħutna qatgħulna qalbna u qalulna: ‘Hemm poplu kbir u nies itwal minna; bliet kbar u mdawwra bi swar għoljin sas-smewwiet; u saħansitra rajna hemmhekk ulied Għanak’”. X’ġerħa dik! Xi ftuħ dak għall-agħar xitan li jeżiżti: dak tal-qtiegħ il-qalb! Nirrejalizza li meta ngerger qed naqta’ qalb l-oħrajn? L-għaliex qed inferra’ ġo fihom il-biża’ li hemm fija stess? Mela insejt li l-biża’ ġej mix-xitan?

It-tgerġir inessi kompletament l-għeġubijiet li Alla għamel magħna s’issa f’ħajjitna. Fil-vers 30 sa 31 insibu hekk: “‘Il-Mulej, Alla tagħkom, jimxi quddiemkom, u hu stess jitqabad għalikom bħalma għamel magħkom fl-Eġittu quddiem għajnejkom. U bħalma għamel fid-deżert, fejn rajtu kif il-Mulej, Alla tagħkom, refagħkom bħalma bniedem jerfa’ lil ibnu, fit-triq kollha li mxejtu sakemm wasaltu hawn’”. Imma l-poplu ta’ Iżrael x’għamel? “Imma intom, madankollu, ma ridtux tafdaw fil-Mulej, Alla tagħkom… Il-Mulej sama’ kliemkom, u xegħel bil-korla” (Dt 1:32. 34).

It-tgergir juri qalb li ma temminx. Jgħidilna vers 32: “Imma intom, madankollu, ma ridtux tafdaw fil-Mulej, Alla tagħkom”.

Intix saċerdot? Patri? Miżżewweġ jew miżżewwġa? Għażeb u għażba? Xandȃr jew xandȃrha tal-Kelma? Tifel? Tifla? Żgħażugħ? Żgħażugħa? Int min int. Jekk fik u fija hemm dan l-ispirtu tal-infern tat-tgergir soluzzjoni waħda għandna: Indiema u qrara tajba! Ħalli bil-ġiri nerġgħu insibu postna fil-Ħniena bla tarf tal-Mulej għalina!

Għall-erwieħ! Ħlist mill-velenu … tat-tgergir!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: