Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > X’entużjażmu!  

X’entużjażmu!  


Patri Mario Attard OFM Cap

Li l-poplu Karkariż, bħal kull poplu ieħor f’Malta u Għawdex tagħna, jaf jiċċelebra bil-kbir il-festa ta’ raħlu jew beltu huwa fatt li jistqarru kulħadd. Madankollu l-entużjażmu li rajt fil-festa tal-għażiża ommna Santa Liena kien tassew kbir. Għaġġibni.

Apposta ħallejt din is-sentenza miftuħa u ma għedtx “ta’ din is-sena”. Ma rrid bl-ebda mod nagħti l-impressjoni li din is-sena biss kien hemm entużjażmu kbir. Biss din is-sena kelli ċ-ċans li napprezza aktar din il-ħeġġa kbira li kien hemm tħeġġeġ fl-art Karkariża għall-Mulej u Lieni tiegħu u tagħna l-għaliex messitni l-grazzja, mingħajr ma jistħoqqli, li ninsġilha l-paniġierku.

Aħna l-Karkariżi lil Lieni tagħna nħobbuha bil-kbir. U bir-raġun kollu! L-għaliex fiha naraw ħaj u jiddi dak li jiktbilha l-poeta Nazzjonali tagħna Dun Karm Psaila. Meta b’fommu mimli ħlewwa ta’ imħabbet is-sema jinseġ dan il-kliem lill-qaddisa u s-sbejħa Lieni: Għaġeb kbir O Santa Liena, kien ir-risq li int ġibt, meta mort fuq il-Kalvarju u s-Salib ta’ Kristu sibt. Kien id-dawl tal-Ħniena t’Alla, illi nebbħek kif iġġib, sliem u saħħa lill-imperu, minn dik l-għuda tas-Salib. Issa dak li biex jifdina, fuq dik l-għuda bata u miet, tellgħek tiddi bħala kewkba, ta’ saltnatu fis-smewwiet. Insellmulek ja Sultana, inti ġieħ tal-Knisja tagħna, xempju ħaj tal-ommijiet.

Il-kelma entużjażmu timlieni b’ferħ kbir. Għalkemm nammetti li għal xi żmien ilsna sarkastiċi gerrxuni bla ħniena minnha. Mhux l-għaliex il-kelma fiha x’tikkundanna tafux. Imma daqskemm dawn l-ilsna frustrati aktar urew il-miżerja tal-frustrazzjoni tagħhom milli l-għaliex fehmu x’inhu l-veru entużjażmu! Il-kelma entużjażmu jew aħjar enthousiasme bil-Franċiż ġejja mill-kelma Griega enthous li tfisser “maħkum jew imnebbaħ minn Alla”.

F’ħafna modi u manjieri l-festa ta’ Santa Liena kienet maħkuma jew imnebbħa minn Alla. Fit-tħejjijiet kollha kien hemm din l-intenzjoni qaddisa li l-Mulej jiġi imfaħħar bil-kbir permezz tal-ħajja straordinarja ta’ din il-mara li mhux biss ħallietu jidħol fil-kamra ta’ ġewwa nett ta’ ħajjitha iżda talli tagħtu dak kollu li kienet basta twettaq ir-rieda tiegħu. Fl-esperjenza tal-ħkiem jew tnebbieħ ta’ Alla nintebħu b’għadd ta’ ħwejjeġ li juru aktar min hu tassew il-Mulej quddiem għajnejna l-għaliex aktar iniżluna fil-qalb mimlija mħabba bla tarf tiegħu għalina.

Fil-każ ta’ Lieni tagħna l-festa għallmitni nammira l-maternità ta’ l-Mulej tagħna. Meta tara x-xbieha għażiża u materna ta’ ommna Lieni ma tistax ma tħossx is-sbuħija tal-qalb materna ta’ Alla! X’imħabba tal-għaġeb toħroġ minnha! Mela aħseb u ara x’joħroġ mill-qalb ta’ Dak li qal: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt! Ara! Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ idejja” (Is 49 :15-16) ?

Ħassejt ukoll xi ħaġa kbira ħafna fil-festa ta’ Lieni tagħna : l-omm tilqa’ lil kulħadd ! Ridt nibki bil-ferħ nara Knisja ħa tixpakka bin-nies lesti biex jisimgħu miegħi l-imħabba ta’ Alla għalina ilkoll! Ommna Lieni kienet qed tħarisna flimkien mat-telespettaturi tat-televiżjoni u mas-semmiegħa tar-radju.

Hija biss qalb ħanina u miftuħa biex tagħti u tirċievi l-imħabba li tista’ tiċċelebra ħbieb! Mela ejjew niftħu ħajjitna għall-imħabba l-għaliex il-ħajja festa! Entużjażmu! Basta l-Mulej jibqa’ l-King tagħha!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: