Mill-pulptu


Patri Mario Attard OFM Cap

Minn dejjem kienet ix-xewqa ta’ qalbi. Ix-xewqa li kull patri jew qassis ikollu. Jiġifieri dik li jinseġ il-paniġierku tal-belt jew raħal li minnu jkun ġej.

Ħafna ħarġu sorpiżi li demmi Karkariż. Imma hekk hu. U ma stajtx, minkejja l-kummenti imqarba ta’ xi wħud, ma nsemmax l-għajta tiegħi biex nagħmel il-paniġierku! Kull darba li nara lil Santa Liena ħierġa mill-Knisja, eżattament għat-tmiena u seba’ minuti, qalbi tkun trid tinfaqa’. L-emozzjonijiet li jkolli huma kbar. Issa jekk qalbi tkun ħa toħroġ meta nara lix-Xemx t’Awwissu ħierġa mill-Bażilika Kolleġġjata Elenjana aħseb u ara kif kien se jħossni jekk nitla’ fuq il-pulptu ħa ninseġ il-paniġierku!

Imma l-leħen irqiq u veritier, li m’għandux x’jaqsam mal-ilsna ħżiena u ġudikanti ta’ xi wħud, dak li ried minni. U dan li jien b’qalbi kollha għamilt. Il-ferħ li ġarrabt nhar it-23 ta’ Awwissu ta’ din is-sena kien kbir. Il-paniġierku li l-Mulej innifsu u Santa Liena tant xtaqu li nagħmel kienet esperjenza tas-sema. Ara taħsbu li biex tinseġ paniġierku xi ħaġa taċ-ċajt tafux! Kemm jinvolvi xogħol! Mhux biss tfittix il-moħħ. Fuq kollox jinħtieġ ħafna xogħol il-qalb. Il-paniġierku jibda’ b’qattra ilma. Imma mbagħad jispiċċa jsir bħajra, xmara u … oċejan! Le! Mhux kif jaħsbu xi wħud li ilsienhom jikolhom basta jpatptu fil-vojt. Il-paniġierku m’huwiex qabda ftaħir fieragħ. Anzi! Il-paniġierku huwa nisġa ta’ tifħir tal-mod tal-għaġeb kif il-Mulej jinseġ il-ħajja tal-qaddis u l-qaddisa.

Fil-ġimgħa qabel insiġt il-paniġierku ta’ Lieni tagħna nista’ ngħid li kienet waħda mill-isbaħ ġimgħat ta’ ħajti. Kemm ħassejtha viċin tiegħi lil ommi tas-sema speċjalment meta, fil-kamra għażiża tiegħi tal-kunvent, għal ħafna ħin spiċċajt inxerred tant dmugħ. Id-dmugħ meta kont nisma’ fuq You Tube l-antifona li ma tmut qatt: Manum Suam. Inkella kont nara l-purċissjonijiet b’Lieni tagħna ta’ snin differenti. Dak il-briju u l-ferħ ta’ ulied li qed jgħajtu lil ommhom Lieni: “Mà! Aħna ferħana bik! Ħu ħsiebna!”

Lil Lieni ma tistax ma tħobbhiex. Batiet fuq li batiet. Għaddiet fuq li għaddiet. Imma dejjem baqgħet ankrata mal-Kelma ta’ Alla f’ħajjitha. Veru li fil-bidu bdiet bħala sempliċi stabularia bona, jiġifieri “lukandiera umli”. Imma fl-aħħar spiċċat bil-kbir! Spiċċat bit-titlu nobilissima femmina. Sultana. Imperatriċi. Mhux biex tpappieha tafux! Jew biex tiddandan. Imma biex isservi. Lieni tagħna ma kinitx miġbuda. Anzi! Kienet titħallat ma’ kulħadd. Kien tagħmel biss il-ġid! Kif jgħidu tant tajjeb il-kliem tal-antifona tagħha: “Feħtet idejha mal-fqir, meddet idejha lejn l-imsejken u l-ħobż ma kilitux ma tagħmel xejn”.

Mill-pulptu lil Lieni stajt naraha. Inħossha. Stajt inħoss is-sħana tat-tgħanniqa tagħha. U nisma’ il-leħen ħlejju tagħha. Xi ġmiel l-aħwa l-imħabba tal-omm! L-imħabba bla kundizzjoni lejn uliedha. U ara taħsbu li se tagħmel xi distinzjoni tafux bejn dawk bil-għaqal u l-imqarrbin! Le! Kollha uliedha! Kollha tagħha! U għal kull wieħed u waħda minnhom lesta issaqqaf wiċċha quddiem it-Tron tal-Mulej basta jidħlu kollha magħha fis-Saltna ta’ dejjem!

Mill-pulptu stajt nara qalb kbira tinfetaħ quddiemi. Rajt il-qalb Karkariża. Ferħana. Qalb ġeneruża. Qalb li taħfer u tinsa’. Qalb storjbuża l-għaliex mimlija bit-tjubija li tfejjaq. M’għandhiex le x’taqsam mal-qalb ‘edukata’ li flok taħfer tivvendika. Minflok tifhem ħsiebha biss biex twaddab il-ġebel. Il-qalb Elenjana, il-qalb ta’ Lieni, tfisser il-qalb ta’ Alla! Mimlija ħniena u qatt kundanna.

U mill-pulptu l-Mulej, bl-Ispirtu tiegħu li tgħidx kemm rajtu jleqq fix-xbieha għażiża u mimlija ħajja ta’ Lieni tagħna, għallimni waħda kbira: Id-dinja għandha tiddawwal minn Lieni għal Lieni. Minn Lieni l-imperatriċi għal Lieni Kowalska. Waħda sabet is-Salib u l-oħra tatna t-talba tas-Salib. Is-sabiħa hi li ż-żewġ Linijiet kienu qiegħdin iwasslu l-istess messaġġ: ĠESÙ JIENA NAFDA FIK!

Kien għalhekk li l-Mulej urieni biex inxammar il-kmiem taċ-ċoqqa f’dik l-għodwa għażiża Elenjana. Ejjew ħa nitolbu u nxerrdu l-Kurunella tal-Ħniena Divina! Ejjew ħa nduqu mill-benna tal-Ħniena ta’ Alla li tfarraġ, tħeġġeġ, timla bit-tama u tfejjaq il-ġrieħi ġewwiena ta’ qalbna!

Għalhekk VIVA SANTA LIENA ma tfisser xejn għajr VIVA L-ĦNIENA DIVINA! Għanjieti mill-pulptu!…

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: