Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Jaħfru d-dnub tal-abort

Jaħfru d-dnub tal-abort


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-Ġublew tal-Ħniena, ismu miegħu, hu tabilħaqq festa tal-ħniena ta’ Alla għalina l-bnedmin, midinbin. L-għaliex il-ħniena, biex tkun tassew ħniena, ma teskludi lil ħadd.

Dan deher ċar f’ittra li l-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku bagħat lill-Arċisqof Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, nhar l-1 ta’ Settembru 2015. F’din l-ittra Papa Franġisku ħabbar l-indulġenza li se jagħti fl-okkażjoni tal-ġublew straordinarju tal-ħniena. Fost il-kategoriji ta’ persuni li se jibbenifikaw minn din l-indulġenza nsibu l-maħfra ta dawk li wettqu d-dnub tal-abort.

Il-Papa qal li b’xorti ħażina, id-dinja tallum m’għandiex għarfien u apprezzament biżżejjed lejn il-ħajja tal-bniedem. Huwa qal li “qed ngħixu b’mentalità, il-lum il-ġurnata mifruxa ħafna, li kissritilna dik is-sensibbiltà personali u soċjali tant meħtieġa biex nistgħu nilqgħu ħajja ġdida”. Papa Franġisku sostna li “t-traġedja ta’ l-abort xi wħud qed jgħixuha b’għarfien superfiċjali, kważi bla ma jittendu bil-ħażen gravi li jġib miegħu att bħal dan.” Filwaqt li għal ħafna oħrajn, minħabba li s-sens tal-ħtija jibda’ jagħfas wisq fuq spallejhom, dawn qed “jgħixu dan il-mument bħala telfa, jaħsbu li m’għandhomx triq oħra ħlief dik”. Il-Papa ftakar, b’mod partikulari, f’dawk in-nisa li ċ-ċirkustanzi ġagħluhom jirrikorru għall-abort.

B’imħabba ta’ missier il-Papa niżel fis-sitwazzjoni tagħhom u empatizza mal-uġiegħ kbir li dawn ħutna jgħaddu minnu l-għaliex wettqu l-abort. “Naf tajjeb il-kundizzjonamenti li wassluhom għal din id-deċiżjoni. Naf li hi dramma eżistenzjali u morali. Iltqajt ma’ ħafna nisa li kienu qed iġorru f’qalbhom il-marka tal-feriti li ħalliet din l-għażla ta’ tbatija u diqa.  Dak li seħħ hu profondament inġust; madankollu, jekk nifhmuh fil-verità tiegħu biss nistgħu ma nitilfux it-tama”.

L-aħbar it-tajba li jagħti l-Papa Franġisku hija li l-“maħfra ta’ Alla ma tistax tiġi miċħuda lil min jindem, fuq kollox meta b’qalb sinċiera jersaq lejn is-Sagrament tal-Qrar biex jikseb ir-rikonċiljazzjoni mal-Missier”. Kien għalhekk li, b’imħabba tal-Missier tas-Sema, il-Papa għamel din id-deċiżjoni tant proprja għas-Sena Ġubilari tal-Ħniena. “Għalhekk ukoll iddeċidejt, minkejja kull ħaġa kuntrarja, li għal din is-Sena tal-Ġublew nagħti lis-saċerdoti kollha l-fakultà li jagħtu l-assoluzzjoni mid-dnub ta’ l-abort lil dawk kollha li wettquh u, niedma minn qalbhom, qed jitolbu l-maħfra tiegħu.  Is-saċerdoti għandhom iħejju ruħhom għal din il-missjoni għolja billi jagħrfu jpoġġu l-aħjar kliem biex jilqgħu b’mod ġenwin lil dawn il-penitenti, b’riflessjoni li tgħinhom jifhmu d-dnub li wettqu, u juruhom x’għandha tkun il-mixja ta’ konverżjoni awtentika biex jistgħu jilqgħu tassew il-maħfra vera u ġeneruża tal-Missier li kollox iġedded bil-preżenza tiegħu”. Dan l-għaliex il-ħniena u l-verità jimxu id f’id.

Kienu diversi r-rejazzjonijiet għal din l-aħbar tassew sabiħa li tana l-Papa Franġisku. F’kummenti li għamel dwar il-fatt li s-saċerdoti kollha se jitħallew jaħfru d-dnub tal-abort matul il-Ġublew tas-Sena tal-Ħniena l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles Scicluna, qal: “Hija aħbar sabiħa li ġġib il-ħniena tal-Mulej tant qrib tan-nies li għaddejjin minn tbatija kbira. Hija tisħaq il-fatt li l-abort huwa ħażin imma l-ebda persuna m’hija eskluża mit-tgħanniqa tal-Mulej. Hija temfasizza bl-aktar mod piżittiv l-effetti fejqana tal-ħniena ta’ Alla”.

Rejazzjoni oħra, din id-darba bil-miktub, ġiet mill-Kardinal Amerikan Seán P. O’Malley. Ta’ min jgħid li l-Kardinal O’Malley huwa l-Arċisqof ta’ Boston u kif ukoll chairman tal-Pro-Life Activities fi ħdan il-Konferenza tal-Isfqijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti, l-hekk imsejħa USCCB. Fit-tweġiba tiegħu li taha nhar l ta’ Settembru għall-ittra li ħareġ Papa Franġisku fejn fiha l-Papa ta l-permess li s-saċerdoti kollha tad-dinja “li jagħtu l-assoluzzjoni mid-dnub ta’ l-abort lil dawk kollha li wettquh u, niedma minn qalbhom, qed jitolbu l-maħfra tiegħu” l-Kardinal O’Malley qal li għax “irrikonoxxa id-dnub tal-abort u l-implikazzjonijiet li dan jista’ ikollu għal dawk involuti fih Papa Franġisku qed jagħmel outreach partikulari lin-nisa waqt li qed josserva li ħafna minnhom kienu taħt pressjoni kbira u ħassew li ma kellhom l-ebda triq oħra”. Kardinal O’Malley issokta jgħid: “Għal ħafna żmien fl-Istati Uniti, inkluż fl-Arċidjoċeżi ta’ Boston, isqfijiet djoċeżani taw lis-saċerdoti tagħhom il-fakultà li jagħtu l-assoluzzjoni lid-dnub tal-abort. Bħala parti mill-outreach tas-Sena tal-Ħniena l-Papa issa se jagħti din il-fakultà lis-saċerdoti tad-dinja kollha”. Kardinal O’Malley stieden lil dawk li għandhom bżonn il-fejqan biex jissieħbu fil-Project Rachel li jinsab f’website apposta u li ġġib dan l-isem. f’din il-website jeżiżti tagħrif dettaljat dwar il-ministeru li l-Knisja Kattolika qed twettaq wara li jitwettaq l-abort. O’Malley qal: “It-tama u t-talb tiegħi hu li dawk kollha li qed iġorru t-tagħbija tal-esperjenza tal-abort iduru lejn il-Knisja u s-sagramenti tagħha u jesperjenzaw il-ħniena u l-imħabba tal-Mulej”.

Din l-inizjattiva qaddisa tgħallimna li l-ħniena ta’ Alla hija għal kulħadd! Żewġ invokazzjonijiet sbieħ li hemm fil-Litanija tal-Ħniena Divina u li tant jitfgħu dawl fuq din ir-rejaltà importanti huwa dawn: “ Ħniena Divina, li l-anġli jistgħaġbu biha, u l-Qaddisin ma jistgħux jifhmuha”. U “Ħniena Divina, li ħadd ma jista’ jifhmeK fil-misteri kollha ta’ Alla”. Għal dawn iż-żewġ invokazzjonijiet ilkoll inwieġbu għalihom l-istess frażi: Jiena Nafda Fik.

Jalla l-Knisja tissokta tafda f’din il-Ħniena immensa tal-Mulej. Ħniena li ġejja minn qalbu. Ħniena li trid tidħol ferm aktar ‘il ġewwa fil-Knisja biex l-ambaxxatur stess jitfejjaq b’dak li jirrappreżenta!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: