Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > X’parroċċa għandna!

X’parroċċa għandna!


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-parroċċa! Żgur li se ssemmili San … jew Santa … Inkella Alla u Ommu! Le sieħbi! Agħfas il-brejk! Ikkalma! U ħallik mill-baned! Mill-murtali! Mill-armar ta’ barra u ġewwa! M’għedltekx li huma ħżiena. Lanqas li rridu narmhuhom. Għedtlek biss, ikkalma! Ejja naraw l-affarijiet kif inhuma!

Dan l-aħħar ġiet f’idejja talba mill-isbaħ li nkitbet għall-Assembleja Parrokjali. Meta tlabtha bil-mod ma stajtx ma naqbadx il-pinna u nikteb dak li l-Mulej poġġhieli fil-qiegħ tal-qiegħ nett ta’ qalbi. Inkella, jekk ma nagħmilx hekk, jew għax nibża’ mill-kritika inkella għax nittraskura leħen il-Mulej fija x’naqbad ngħidlu meta ġurnata se nidher quddiemu għall-ġudizzju personali tiegħi? Xi skuża se naqbad inġiblu? Liema diskors għaqli, prudenti u kollu sengħa jista’ jeħlisni mis-sinċerità eterna tiegħu?

It-talba tibda’ b’sentenza qawwija ta’ Ġesù: “Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18:20). Imbgħad, eżattament wara, tissokta titlob: “Nitolbuk biex tkun fostna li qegħdin nippruvaw inkunu ħaġa waħda fl-imħabba tiegħek f’din il-Komunità Parrokjali”. It-talba umli! Qalet “qegħdin nippruvaw inkunu ħaġa waħda” fil-imħabba bejnietna fil-parroċċa tagħna. Tgħid wasal iż-żmien li nilbsu bla kmiem? Jew li nqassruhom? Qisu ma tantx jagħmel sens hux li kulħadd iżomm fil-komma! Int x’taħseb?

It-talba titlob hekk lill-Mulej: “Agħtina mħabba speċjali għall-morda, ix-xjuħ, dawk li jinsabu waħedhom u dawk li jeħtieġu l-għajnuna”. Tajba din! Darba, f’parroċċa li ma niftakarx liema hi, mara xiħa qaltli: “Ħadd ma jiġi jarani! Għajr il-qassis jew il-patri li jiġi jqarbinni!” X’weġgħa hux!. Iva din ġirien m’għandhiex? Jekk iva fejnhom? Illum kif sirna? Kulħadd maħkum mid-dinja tiegħu! Din ħajja? Allura lill-morda u lix-xjuħ tagħna tat-triq se ninsewhom ħajjin? Tgħid għalhekk f’ħajti ma nistax nieħu ruħ? Għaliex ġejt ċippitatu tal-problemi tiegħi?

Tissokta t-talba: “Agħmel li kull wieħed u waħda minna nagħmlu ħilitna kollha biex kuljum  ngħixu l-Vanġelu, biex b’hekk dawk li huma ‘l bogħod minnek, dawk li huma ndifferenti, ċ-ċkejknin jagħrfu l-imħabba tiegħek u s-sbuħija tal-ħajja Nisranija”. Din veru tajba! Mela t-tali l-għaliex, li ilu ż-żmien ma jidher il-Knisja għall-quddies, tgħidx kemm qalu bih! Kixfulu għommtu ma’ kulħadd! L-aktar fuq iz-zuntier tal-Knisja u għand tal-ħanut! Miskin! Kif ħaġġruh! Għalli jista ikun minn meta l’hawn sirt Alla jien? Min qiegħed tassew qiegħed ibegħdhom lin-nies mill-Knisja?

U t-talba tissokta: “Agħtina l-kuraġġ u l-umiltà biex nagħrfu dejjem u nersqu lejn min jitbiegħed minna. J’Alla moħħna jkun dejjem fil-ħafna li hemm jgħaqqadna mhux fil-ftit li jifridna. Ħallina naraw lilek f’kull persuna li niltaqgħu magħha u f’kull salib jew tbatija tal-ħajja”. Tajjeb! Mela dak iħobb il-festa! U, l-għaliex iħobb il-festa, dak għalija fanatiku! U la fanatiku jien, għaliex mingħalija qaddis u qaddisa għaliex ma nħobbx il-festi, niġġudaħ! U meta niġġudika lill-fanatiku mhux Ġesù inkun qiegħed niġġudika jien? Mela Ġesù mhux qiegħed preżenti wkoll f’min iħobb il-marċi, l-armar u l-baned ukoll? Bilħaqq! U għax lilek inħobbok se ngħidlek biex ma tesaġerax fil-festa. Imma nkellmek! Nirrispettak! U nitgħallem mingħandek! U mela nwarrbek! Minn mindu l’hawn sirt xi buli jew stirjat issa?

It-talba tgħidlu lil Ġesù: “Agħmel li qalbna tkun dejjem lesta biex tilqa’ bil-ferħ kull Kelma tiegħek u kull Grazzja tiegħek. Nissel fina fiduċja dejjem ġdida u qawwa biex ma naqtgħux qalbna quddiem il-fallimenti u l-limiti tagħna, u kull meta l-oħrajn ma jifhmuniex u nirċievu xi ngratitudni”. Veru! Fil-parroċċa tagħna l-piki ġrew bina! Ħija! Oħti! B’daqshekk ma spiċċatx id-dinja! Ara x’nagħmlu! Meta se nibdew nagħmlu xi quddiesa, adurazzjoni u penitenzjal f’żoni differenti tal-parroċċa? Ġesù ma jgħallimniex naħfru lil xulxin ħa niġu maħfura? (ara Luqa 6:37).

Issa itlob miegħi għal kull parroċċa f’Malta u f’Għawdex tagħna lill-Mulej bi kliem it-talba stess: Agħmel Mulej li l-Parroċċa tagħna tkun tabilħaqq familja waħda fejn kulħadd jagħmel ħiltu biex nifhmu, naħfru u ngħinu lil xulxin, u naqsmu kollox bejnietna; fejn l-unika liġi li iżżommna flimkien u tagħmilna dixxipli tiegħek tassew tkun l-imħabba ta’ bejnietna. Amen.

X’parroċċa għandna!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: