Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Passiġġata max-xmara Vistula

Passiġġata max-xmara Vistula


Patri Mario Attard OFM Cap

Qomt filgħodu. Qabel kulħadd. Tmattart fis-sodda komda. Għalkemm mhix żgur waħda tal-għonja. U ħriġt …

L-arja Krakovjana ħaddnittni magħha f’dan il-jum. ‘Il bogħod minn kull ħoss tat-triq ewlenija rħejtilha ferħan u ħafif minn Triq Przedwiośnie dritt lejn il-pont żgħir li jwassal għax-xmara Vistula. Dakinnhar it-temp kien kemxejn imċajpar. Madankollu ma stajtx ma napprezzax is-skiet u l-ħemda li kienu bħall-kutra smewwija jgħattu b’mod li jgħaġġbek dan l-għaġeb ta’ xmara li ħareġ minn id il-Ħallieq.

Issa tgħaddi Agnieszka tiġġogja, ħamra nar għalkemm bajda karti. Imbagħad jgħaddi Pavel bil-kelb li miskin jieħdu fejn irid. U wara li jieqaf ikollu jagħmel xogħlu bħall-kelb li jkollu f’idejh.

Is-skiet tal-Vistula fakkarni fil-ġlieda siekta tar-reżiżtenza li għadda minnha l-poplu kbir Pollakk. L-ewwel fl-istorja qarsa taħt l-id kiefra Nażista. Imbagħad taħt ir-reġim komunista. Biss lil hinn minn kull sejħa jew slogan politiku fil-qalb Pollakka stajt nilmaħ tinfetaħ quddiemi, bħas-separju tejatrali, il-ħemda tax-xmara. Jiġifieri dik il-ħemda li fis-skiet etern li jsawwarha tant iseħħu ħwejjeġ kbar! Fis-skiet tal-Vistula stajt nintebaħ bil-ponitijiet sbieħ u magħmula bl-ifjen inġinerija Pollakka. Basta jgħaqqdu din il-belt sabiħa u jagħmluha ħaġa waħda. Imma x’ironija ħej din l-istorja! Kif dawn il-ponijiet spiċċaw biex intużaw ħalli minnhom jittieħdu tant nies għall-qatla? Dawn l-istess nies, mogħnija b’tant snajja’, li ġew ikkunsidrati agħar mill-bhejjem?

Il-ħemda tal-Vistula reġgħet semmegħtli f’widnejja l-għerf Pollakk: “Baqra tgħajjat ħafna tagħti ftit ħalib”. U le! M’għandix għalfejn nintilef fid-dinja ta’ diskors li ma jwassalni għall-imkien ħlief għal ħafna kliem fieragħ u f’għemejjel bla sens. U lanqas m’għandi għalfejn nibni x’imperu jew qima personali sempliċiment għaliex naf infendi xi kelma jew, għaliex ix-xorti riedet, tiġini ħelu ħelu x-xoqqgħa f’moxtha u d-diskors isirli biċċa artikettura mill-isbaħ. Mela insejt ja Patri li l-qalba ta’ ruħek m’hijiex kliemek imma x’joħroġ mill-qalba ta’ qalbek?

U la taħseb qatt nitolbok li, wara l-wiċċ imqarras ta’ min jaħdem u jirsisti għall-familtu f’Art Wojtyła m’hemmx moħbija fih u fiha qalb mimlija mħabba li tingħata l-ħin kollu! Tinsiex le ja Patri li t-tbatijiet ta’ dan il-poplu jirriflettu wkoll il-bżulija u l-qlubija tal-poplu Malti tagħna tul iż-żminijiet. Tgħid b’kumbinazzjoni li aħna u l-Pollakki għandna l-istess ilwien u tqassim fil-bnadar nazzjonali tagħna?

Ħalluni hawnhekk nitbissem. Għalkemm b’demgħa nieżla taħraq minn għajnejja. Is-Salib ta’ Malta, ippreżentat b’mod mill-aqwa fuq il-bandiera għażiża tagħna, m’huwiex ukoll maħżuż f’kull paġna imdemmija tal-istorja Pollakka? Imma dak is-Salib daqshekk leqqien u jiddi huwa tabilħaqq is-sinjal li qatt ma jintefa tal-Qlubija li dehret darba għal dejjem fuq il-Għolja tal-Kalvarju. Dik il-Qlubija li tgħajjat bis-skiet mimli mħabba tagħha: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34).

Huwa l-istess Salib li mill-istorja Pollakka, bħal dik Maltija, għadu jsellem lili u lilek kull darba li nżuru dan il-pajjiż kbir, paċifiku u mimli poeżija. Bóg zapłać. Jew aħjar “jalla l-Mulej jippremjak għal xi ħaġa tajba li għamilt!” Iva sieħbi! … Il-Mulej jippremjak!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: