Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Bil-PH.D wara!

Bil-PH.D wara!


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-PH.D! Il-Profs. Insomma! Illum ħafna qiegħdin jeħduha l-lawrja ta’ dottorat. Donnhom anki d-dottorati saru ħerġin bħall-pastizzi! Tgħid anki l-kennies se jispiċċa bid-dottorat? Taħlifx! Imma mhux dan il-punt tallum.

Darba żgħażugħ għallimni din il-biċċa għerf il-ħajja. Qalli: “Patri! Bil-PH.D wara!” Personalment qatt ma kont smajtha din il-frażi. Għalhekk, kurjuż għaliex inħobb u nitgħallem, imma mhux biex inkun naf x’għamel dak jew x’għamlet dik, staqsejtu: “Tista’ jekk jogħġbok tfissirhieli naqra?” “Infissirhielek Patri!” weġibni. Weġibni: “Il-PH.D tan-nisa qiegħdha fil-qried. Filwaqt li tal-irġiel qiegħdha fit-tgergir”.

Minn moħħi bdew għaddejjin ruxxmata ħsibijiet. Veru. In-nisa jeqirdu. Imma mhux kollha? Veru. L-irġiel jeqirdu. Imma mhux kollha. Bħalma veru wkoll li xi nisa jgergru. U xi rġiel jeqirdu. Mela ħallata ballata l-istorja. Imbagħad, dan iż-żgħażugħ simpatiku, qalli xi ħaġa oħra li issuktat titfagħni aktar fid-dinja tal-ħsieb. “Biex ma tisma’ xejn tista’ toqgħod eremit!” Veru wkoll!

Imma moħħi issokta jtektek. Bil-PH.D wara!… Imbagħad moħħi ikklikja. U kollox beda’ jidher ċar kristall fuq il-kompjuter ta’ moħħi! Eħ! Mela din tal-PH.D wara! tfisser li fil-ħajja kulħadd għandu xi diffett. Min iħobb iparla. U tiħ iparla u jparla. U jekk jibqa’ iparla. Imbagħad min iħobb jidher. Ara għaddej jipoppa. Basta jidher! U jarawh! Imbagħad min jibla’ u jiekol kulma ma jsib quddiem għajnejh. Ara tafdalu xi naqra ħelu jew xi biċċa torta għaliex lanqas it-turtiera ma ssib! Insomma, l-PH.D jikbru fis-suġġetti. L-għaliex il-bniedem dak li hu, dgħajjef. Jiżbalja!

Imma issa f’idejna x-xogħol jekk aħniex se nagħmlu kapital minn żball ta’ persuna. Inkella se ngħinu lil dak li jkun jirbaħ l-iżball li għandu ħa jimxi ‘l quddiem. Nammetti. Ċertu żbalji koroħ aktar minn oħrajn. Tant li hemm marbuta magħhom il-piena tal-liġi. Ħu, ngħidu aħna, is-serq. Imma ara taħseb li għax żbalji oħra m’hemmx marbuta maghhom piena legali huma anqas fil-gravità. Int ħu, ngħidu aħna, id-difett tal-botti. Kollox sew! Safejn naf jien m’hemm l-ebda liġi li tirregola l-botti jew l-ilsien ħażin. Imma ħej l-istraġi li jagħmel ilsien ħażin, li l-ħin kollu jirsen, jaf ikun bil-wisq ħafna agħar milli wieħed jagħmel serqa. Il-ħsara li jaf jagħmel ilsien mhux ikkontrollat hija inkalukabbli. Mela attenti ħbieb! Mhux li hemm fil-penali tal-liġi li jaf ikun att kriminali!

Il-bniedem bħal munita li għandha żewġt uċuħ. Hemm naħa mhux daqshekk sabiħa. Iżda għandu wkoll naħa oħra li hija sabiħa. Li tieħu gost tħares lejha. Int ħu, ngħidu aħna l-Papa Franġisku. Ara kemm hu Papa li jaf iħobb u jinżel għall-livell ta’ dak li jkun. Kemm nisimgħu kummenti sbieħ fuqu. U għaliex inħobbuh daqshekk? Għaliex nisimgħu biss it-tajjeb tiegħu! Mela anki int u jien. Irridu nitħaddtu fuq xulxin qisna qiegħdin nitħaddtu fuq il-Papa. Irridu naqbdu strateġija ġdida tal-kliem! Irridu nibdew nitgħallmu insemmu t-tajjeb li għandha l-persuna l-oħra u mhux neħlu biss fid-dgħjufijiet tagħha.

Illum ilkoll inħossu ċertu dwejjaq fis-soċjetà tagħna. Issa veru m’għandniex għalfejn inkunu imdejqin. Għaliex ħdejn popli oħra hawn Malta qiegħdin fit-tajjar. Imma huwa aħna li ġibnieha din id-dieqa. Bil-mod diżażtruż li bih nitħaddtu fuq xulxin. Kemm se ndum inpiġ ikraħ. U ikraħ. U ikraħ. Fl-aħħar dawk li jisimgħuni, jarawni, jaqrawni, jibdew jemmnu l-velenu li ngħid, nikteb u nxandar kontrik. U x’jiġri? Jiġri li int tibda’ tispiċċa b’lista ta’ laqmijiet. U għaliex dan? Għaliex jien fettilli, forsi l-għaliex m’għandiex demm miegħek, inħammiġlek ismek u l-fama tiegħek!

Le ħbieb! Ejjew naqbdu triq oħra. Naqbdu t-triq li nsemmu t-tajjeb ta’ xulxin. Infaħħru id-doni ta’ xulxin. Niktbu fuq il-kwalitajiet li Alla tana f’xulxin. Inxandru x’kapaċi nagħmlu meta nħallu l-Ispirtu s-Santu jużana għall-ġid tal-oħrajn.

Iva! Bil-PH.D wara! Imma PH.D fit-tjubija. Fil-ħniena. Fil-maħfra. Fis-sabar. Fil-għerf. Fil-għaqal. Fit-tama. Fis-sliem. Fit-tħeġġiġ. Fir-Radd ta’ ħajr lill-Mulej. Fir-rispett. Fid-djalogu! Halleluiah! Bil-PH.D waraI

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: