Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-brazzuletta

Il-brazzuletta


Patri Mario Attard OFM Cap

Kemm saru komuni illum hux! Hawn minnhom tad-deheb. Illelxu! Jiswew il-flus. Oħrajn minnhom tal-fidda. Mela jiswew anqas. Hawn anki tal-metall. Qishom tal-fidda biex niftehmu. Is-sabiħa hi li jeżiżtu wkoll dawk tal-ġilda. Ħelwin tafux! L-aktar jekk jintlibsu fuq iż-żgħażagħ. Inkella minn dawk li tant jixtiequ jibqgħu żgħażagħ minkejja li s-snin ikunu qiegħdin jitgerrbu minn fuqhom.

Fil-pellegrinaġġ li għadni kemm wettaqt f’Medjugorje inzertajt kont f’Pansion fejn fiha kien hemm monaku Lebaniż. Ir-raġel laqagħtni. Għaliex umli. Tħossok ferħan u mbierek fil-preżenza tiegħu. Mela ma jifgakx bl-arja li tħossha trid tgħallqek. L-umiltà, imżejna b’qalb kbira mimlija ħniena ta’ dan il-monaku, għallmuni ħaġa tassew kbira dwar l-umiltà: qalb umli bħal kalamita! Kemm tiġbed nies lejha! Kemm tiġbed qlub! Mela għalhekk Ġesù qalilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.  Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11 :28-30)! Rajtu! Smajtu! L-umiltà iġġarraf is-swar! U żewġ persuni li, sa ftit qabel, ma kienux jafu lil xulxin minn Adam, arahom qajla qajla isiru midħla ta’ xulxin u jsiru ħbieb. Xi ġmiel hux!

Is-sabiħa hi li meta bdejt nitħaddet ma’ dan il-monaku, mingħajr ma ntbaħt, kelli x-xorti wkoll li nibda’ insir aktar midħla tal-grupp tal-pellegrini sħabu. Wara ftit sirt naf li dan il-monaku Lebaniż kellu miegħu aktar minn 40 persuna mill-Libanu. Il-Libanu! X’pajjiż! Minn ġenna tal-art, kif ħafna jitfakruh, il-gwerra ġabitu letteralment borġ ġebel! Il-gwerra lill-Libanu fnietu! U mhux hekk taf tagħmel il-mibegħda ħbieb? Imma mhux il-Bibbja tafux! Ajma! L-aktar il-ktieb magħruf tal-Għanja tal-Għanjiet li għalih ir-Rabbi Akiva kien qal li aqwa mill-Għanja fil-Bibbja Lhudija kollha qatt ma nkiteb! Isimgħu kif isejħilha l-għarus lill-għarusa fl-Għanja: “Ejja minn fuq il-Libanu, għarusa tiegħi, ejja mil-Libanu għad-daħla tiegħek. Ħares minn fuq il-qċaċet ta’ Amana, minn fuq dawk ta’ Senir u ta’ Ħermon, minn dawk l-għerien tal-ljuni, muntanji tal-ljupardi. (Għan 4:8).

U, għall-istedina ta’ mħabbtu, xi twieġbu l-għarusa? “Qum, tramuntana, riħ isfel, ejja, onfoħ fuq il-ġnien tiegħi, ħalli s-siġar tal-balzmu tiegħu jqattru! Ħa jiġi l-maħbub tiegħi fil-ġnien tiegħu u jiekol mill-frott tiegħu kollu benna!” (Għan 4:16). U mhux bilfors li, skont ir-Rabbi Akiva, ktieb iprem minn dan qatt ma jista’ jinkiteb? U mela tista’ teżiżti xi ħaġa iprem mill-imħabba x’kull waħda? Is-sabiħa hi li aktar ma noqgħodu inkejluha, infissruha, nippreċiżawha u nikkategorizzawha, li ma jmurx Alla ħares qatt nieħdu xi żball, aktar l-imħabba tiżolqilna minn idejna! “Alla hu mħabba” (1 Ġw 4:8). U min minna, bil-għerf kollu li tgħallem, jista’ qatt jagħti parir lill-Mulej kif għandha tkun l-imħabba? L-imħabba tibqa’ misteru. U, infissruha kemm infissruha, aktar nintilfu u nitjassru mit-tifsir li nagħtuha! L-imħabba hija misteru. Bħalma Alla hu misteru. “Ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna” (S 118:23).

“Tagħraf, jismik, ħamsa u għoxrin, erbgħin” u l-bqija. Dan il-kliem smajtu ħiereġ minn fommhom. Fraħt bih! U għedtilhom: “Qed nifimhkom ħbieb!” Tibżax! Anki huma ferħu. Għax fehmuni wkoll! Int u jien, Maltin minn Malta, minnhom imnisslin! Min-nies tal-Lebanon u s-Sirja. Issa l-għaliex uħud minnha jilgħabuha tal-Ingliżi jew l-Amerikani? Veru tad-daħk! Aħna, bħala Maltin, mqiegħdin fil-qalba tal-Mediterran. Il-lewn tal-ġilda u l-fiżonomija tagħna jikxfuna. Ilsienna jixkef beraħ il-ġewwieni Malti tagħna. Int u jien Semitiċi! Mela ħa nifirħu! U napprezzaw dan ir-rigal kbir!

Qatt ma nafni noqgħod b’seba’ għajnejn biex nuża’ il-kliem Malti li fih jien ġejt imnissel, imwieled, imrobbi u immexxi. Jekk għandix nuża kliem Ingliż jew Taljan u nagħmlu Malti! Fit-taħdita tiegħi ma’ ħuti l-Lebaniżi, ulied missirijietna l-Feniċi, tgħallimt biex “qatt ma nbarri lil min hu ta’ ġewwa!” Sewwa għannejt għażiż ħija Dun Karm!

Ifraħ li int Malti u Maltija. U tħaddet bil-Malti! Ħallik milli tgħawweġ ħalqek bl-Ingliż! Din hija t-twissija li nieħu kull darba li nħares lejn il-brazzuletta tal-ġilda sewda li tani l-monaku Lebaniż.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: