Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-faraġ tan-Nisrani jinsab f’Ġesù u mhux fit-tlablib

Il-faraġ tan-Nisrani jinsab f’Ġesù u mhux fit-tlablib


Il-fidi li tkun konvinta mill-laqgħa aħħarija ma’ Ġesù, li hi aqwa mid-dubju u hi tant soda li ddawwal kull jum tagħna, m’għandhiex għeruqha fit-tlablib u s-superfiċjalità imma fil-faraġ li l-Insara għandhom ħila jnisslu f’xulxin, f’Ġesù.  Il-Papa Franġisku rrifletta dwar l-imġieba tal-komunità antika ta’ Tessalonika li nsibu fis-silta mill-ittra ta’ San Pawl moqrija waqt il-quddiesa tal-lum.

Kienet komunità mħassaba li tistaqsi lilha nnifisha u lil Pawlu kif u meta kienet se sseħħ it-tieni miġja ta’ Kristu, x’kienet se tkun ix-xorti ta’ min imut,  tant li l-Appostlu ħass il-ħtieġa jgħidlihom li min ma jaħdimx lanqas għandu jedd jiekol.

San Pawl, innota l-Papa Franġisku, jafferma li “jum il-Mulej” jasal għal għarrieda, bħal-ħalliel, imma jżid, li Ġesù se jiġi biex iġib is-salvazzjoni lil min jemmen fiH.  U jtemm iħeġġiġhom biex ifarrġu ‘l xulxin.  U huwa propju dal-faraġ, qal il-Papa, li jtina t-tama.

Il-parir huwa dan: Farrġu, farrġu lil xulxin.  Nitkellmu aħna dwar dan, dwar il-miġja tal-Mulej, dwar li se niltaqgħu miegħu, staqsa Franġsiku?  Jew nitkellmu dwar tant affarijiet, anki dwar it-teoloġija, dwar affarijiet tal-Knisja, dwar saċerdoti u, sorijiet, monsinjuri, u hwejjeġ bħal dawn?

Il-faraġ tagħna jinsab f’din it-tama?  Farrġu lil xulxin, farrġu lil xulxin fil-komunitajiet tagħkom.  Fil-komunitajiet tagħna, fil-parroċċi, nitkellmu dwar dan, dwar li qed nistennew il-miġja tal-Mulej?  Jew intaqtqu dwar dan u dak biex ngħaddu ftit ħin u ma niddejqux iżżejjed?

Fis-Salm responsorjali, żied Franġisku, tennejna: Jien nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.

Imma int, staqsa l-Papa, għandek din iċ-ċertezza, tikkontempla l-Mulej?  L-eżempju li għandna nimitaw hu dak ta’ Ġobb, li minkejja l-kuntrarju kollu kien jafferma b’mod deċiż: Jien naf li l-Mulej hu ħaj u għad naraH, u narah b’dawn għajnejja.

Hu minnu li Hu ġej biex jagħmel ħaqq u kull meta nidħlu fil-Cappella Sisitna naraw dik ix-xena sabiħa tal-ġudizzju universali.  Imma rridu niftakru wkoll li Hu ġej ifittex lili biex jien inkun nista’ narah b’għajnejja, ngħannqu miegħi u nibqa’ għal dejjem ħdejh.

Din hi t-tama li l-Appostlu Pietru jgħidilna biex nispjegaw lill-oħrajn permezz ta’ ħajjitna, li nkunu xhieda tat-tama.  Dan hu l-veru faraġ, din hi ċ-ċertezza vera:  Jien ċert għax nikkontempla t-tjubija tal-Mulej.

Bħalma għamel San Pawl ill-Insara ta’ żmienu, il-Papa Franġisku tenna l-parir lill-Knisja tal-lum: farrġu lil xulxin bl-opri tajba u għinu lil xulxin.  B’hekk nimxu ‘l quddiem.

Nitolbu lill-Mulej itina din il-grazzja: li dik iż-żrriegħa ta’ tama li żergħa f’qalbna, tibqa’ tikber sakemm tiltaqa’ miegħu: Jien ċert li għad nara lill-Mulej.  Jiena ċert li l-Mulej hu ħaj.  Jiena ċert li l-Mulej se jiġi għalija: dan hu x-xefaq ta’ ħajjitna.  Nitolbu din il-grazzja lill-Mulej u nfarrġu lil xulxin bl-opri tajba u bil-kliem u nibqgħu mexjin f’dit-triq, temm jgħid Franġisku.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: