Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Għalliema tal-Imħabba

Għalliema tal-Imħabba


Min ma semax b’Madre Margerita De Brincat? Mhux l-ewwel darba li meta ippreżentajt xi santa jew domna tagħha lil xi ħadd il-persuna li tkun tgħidli mbissma: “Eh! Madre Margerita!” It-tbissima tal-persuna tixhed biżżejjed kemm Madre Margerita hija magħrufa u maħbuba fostna l-Maltin u l-Għawdxin. Il-qdusija tagħha tinġabar fil-frażi li tant kienet tħobb tgħid: “Inħobbu l-Imħabba!”

Imwielda bħala Virġinja De Brincat, Madre Margerita twieldet nhar it-28 ta’ Novembru 1862 f’Kerċem Għawdex. Ta’ 15-il sena għamel vot tal-verġinità. Wara ħafna talbiet Virġinja ġiet milqugħa bħala Membru fi ħdan Kongregazzjoni Reliġjuża ġdida tat-Terzjarji Franġiskani. Sa minn meta kienet għadha żgħira Dun Ġużepp Diacono ħatarha bħala Segretarja Ġenerali tal-Kongregazzjoni. Meta fl-1885 infetħet uffiċjalment id-dar ta’ Birkirkara Madre Margerita tlaħqet superjura. Hija kienet tgħallem ukoll fl-iskola li hemm mad-dar. Ħajjet Madre Margerita hija totalment minsuġa ma’ dik tal-Kongregazzjoni li waqqfet flimkien ma’ Dun Ġużepp Diacono.

Iż-żelu ta’ Madre Margerita għal Ġesù kien jgħaġġeb lil kulħadd. Fl-1887, fi żmien fejn il-Kongregazzjoni kienet f’xifer li tiġi sopressata, Madre Margerita ħadet f’idejha r-riedni tat-tmexxija tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù. B’għaqal tas-sema Madre Margerita seħħilha tegħleb kull muntanja li kellha quddiemha, kemm barra u kif ukoll ġewwa l-Kongregazzjoni billi ħadmet id f’id mal-Isqof t’Għawdex ta’ dak iż-żmien Mons Pietru Pace.

Sa minn meta intagħżlet biex tmexxi l-Kongregazzjoni bħala Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù l-Kongregazzjoni bdiet tinfirex ma’ artijiet oħra. Biżżejjed insemmu postijiet bħal Corfù, Troina u Regalbuto fi Sqallija u saħansitra fl-Afrika, fl-Etijopja, fejn il-Kongregazzjoni ixxettlet. Minħabba li saħħitha bdiet sejra lura bħal granċ Madre Margerita għexet l-aħħar snin ta’ ħajjitha fis-sede tal-Kongregazzjoni ġewwa l-Belt Victoria, f’Għawdex. Hija baqgħet viċin ta’ Dun Ġużepp Diacono tant li b’sinjal ta’ rispett hija baqgħet issejjaħlu sal-aħħar bħala “l-Fundatur” tal-Kongregazzjoni. Wara li għexet ħajja qaddisa ta’ mħabba kbira lejn Ġesù fl-Ewkaristija, lejn ħutha s-sorijiet u lejn għajrha, Madre Margerita ittajret ferħana lejn il-glorja tas-Sema nhar it-22 ta’ Jannar 1952, fis-sede tal-Kongregazzjoni ġewwa l-Belt Victoria. Madre Margerita kellha l-età sabiħa ta’ 89 sena.

Il-qdusija li kienet tfur mill-qalb tagħha taħraq bl-imħabba lejn il-Qalb Qaddisa ta’ Ġesù tidher ċara mill-kitbiet li ħallitilna. Personalment inħobb ħafna insejjaħ lil Madre Margerita bħala għalliema tal-Imħabba. Meta taqra kitbietha tintebaħ kemm kienet persuna mimlija bl-imħabba ta’ Ġesù! F’ittra li kitbet lil waħda soru li ma nafux min hi, u li ġġib id-data tat-18 ta’ Mejju 1895, Madre Margerita tiktbilha hekk: “Inħobbu l-Imħabba. Inħobbu l-Imħabba. Ejjew, ejjew erwieħ ħalli nħobbu l-Imħabba!” L-istess ħsieb joħroġ b’tant qawwa f’ittra tat-22 ta’ Novembru 1925 li Madre Margerita kienet bagħtet lil waħda mill-komunitajiet tal-Kongregazzjoni. Madre Margerita kitbet hekk: “Iva, nħobbu, inħobbu lil dan l-aħjar Missier Etern tagħna, li jħobbna bla qies minkejja li aħna ħlejjaq imsejkna u ma niswew għal xejn”.

Jolqotni wkoll l-awgurju li għamlet lill-komunità tas-sorijiet fl-okkażjoni tal-Milied, sewwasew nhar it-22 ta’ Diċembru 1920. “Jiena wkoll, għeżież tiegħi, ma nixtieqx u lanqas ma nista’ nawguralkom ġid ieħor għajr din l-imħabba safja, ġeneruża u qawwija. U billi n-nar filwaqt li jsaħħan, idawwal ukoll, hekk ir-ruħ li tabilħaqq tħobb, fl-istess waqt tkun ukoll umli u ubbidjenti. Hekk issir l-għarusa ta’ Dak li, għax ħabbna, minn Ħallieq sar ħlejqa, minn Sid ta’ kollox, qaddej”.

Madre Margerita, l-għalliema kbira tal-Imħabba, jiġifieri tal-Qalb straordinarja ta’ Ġesù, kienet ħaġa waħda ma’ Ġesù, il-Maħbub tagħha. Isimgħu ftit x’kitbet lil Madre Nazzarena Gouder f’ittra li bgħatitilha nhar it-13 ta’ Marzu 1896 fl-okkażjoni tal-Professjoni reliġjuża tagħha.

“Oh! X’fortuna! Oh! Xorti ħienja! Iva, iva, maħbuba binti, filwaqt li tumilja ruħek għal kollox, għax tqis lilek innifsek indenja ta’ preferenza daqshekk kbira, tħallix li tgħolli sal-kwiekeb ir-radd il-ħajr ħiereġ mill-qalb lill-akbar u l-uniku Maħbub, int u titolbu, fl-istess ħin, li jagħmel dejjiema din ir-rikonoxxenza tiegħek b’ħajja mill-aktar qaddisa, mill-aktar safja u mill-aktar issagrifikata kif jixraq lill-għarusa fidila tal-Imsallab… U m’hemmx bżonn ngħidlek biex tagħmel kollox bl-imħabba, għall-imħabba u fl-imħabba għax taf aktar minni li l-Maħbub tagħna ma jogħġbuhx l-għemejjel mingħajr imħabba, anke jekk ikunu mill-aqwa”.

Il-kawża tal-beatifikazzjoni ta’ Madre Margerita imxiet ‘il quddiem ġmielha. Jonqosha biss miraklu li jkun approvat mill-Vatikan. Għalhekk jekk taqla’ xi grazzja bit-talb tagħha ikteb lis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù: ‘Betanja’, Triq Nazju Falzon, Msida. Jew ċempel 21312586.

Għażiża tfajla u mara. Togħġbok il-ħajja tal-Venerabbli Madre Margerita De Brincat? Taffaxxinak l-imħabba taħraq tagħha għal Ġesù? Jekk ippruvajt imħabbiet oħra u dejjem ħriġt b’togħma morra l-għaliex ma tippruvax imħabbet Ġesù li ma tiddiżappuntak qatt? Jekk int imħajra idduq imħabbtu fil-ħajja konsagrata l’Alla għaliex ma tagħtix bidu għal din l-avventura ta’ mħabba miegħu fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù? Tibżax! Madre Margerita tgħallmek kif tgħix din il-ħajja ta’ mħabba bl-akbar sempliċità u ferħ ġenwin tal-qalb!

Jekk inti interessata ikkuntatja lil Sr.Marica Agius jew Sr Elaine Spiteri: Betania, Triq Nazju Falzon,  Msida MSD 1720. Facebook: fcjvocations. Indirizz tal-email: fcjvoc@hotmail.com srmagius@gmail.com jew eljfan@yahoo.com Numru tal-mobile: 99224800. Jew dak tat-telefon: 21312586.

Madre Margerita, itlob għalina!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: