Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > X’balla neħħejtli!

X’balla neħħejtli!


Patri Mario Attard OFM Cap

Fi tnax-il sena li l-Mulej s’issa tani li nkun saċerdot tiegħu, m’għandniex xi ngħidu, mingħajr ma jistħoqqli, hemm xi ħaġa li, ngħaddi kemm ngħaddi minnha, qatt ma nista’ nifimha. Il-Mulej l-aktar li jaħdem f’ħajti għal ħaddieħor hu meta naħseb li m’hu qed jagħmel xejn!

Darba minnhom, waqt li kont qed indur il-morda, wasalli messaġġ li kien hemm persuna li riedet tkellimni. Meta bdejt nitħaddet magħha intbaħt li din il-persuna kienet ġiet riferuta għandi minn persuna oħra. “Ħa nqerr Patri!”, qaltli. U qerret. Wara li qerret ħadet nifs twil ‘il ġewwa. Stajt ninduna li minn għajnejha beda nieżel id-dmugħ! “Għall-erwieħ jaħasra! Neħħejt balla minn fuq l-istonku!” qaltli. “Ma nafx kif ħa naqbad nirringrazzjak!”

Illum niftakar f’din l-esperjenza u nitbissem bil-bosta. Ta’ xiex trid tirringrazzjani? Jiena minn tiegħi ma tajtek xejn. Imma minn dak li ġejt mogħti qiegħed nagħtik! Il-maħfra ta’ Ġesù Kristu! U bilħaqq! Għax din tgħidx kemm hi importanti: tajthielek b’xejn! Ma ħadtlekx flus għaliha! Ma kellekx tħallas l-imbierka fee li ġieli, għall-bnadi oħra, jaf ikollok toħroġha qalb balla demm! Le! Ismagħha mill-ġdid! Il-qrar bla flus! “B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10:8). Imma l-qrar għani bl-imħabba u l-ħniena ta’ Alla l-Missier li jilqgħana għandu lura mill-ġdid. Jagħmlilna festa! Jifraħ magħna! Ilibbisna mill-ġdid il-libsa ta’ ulied li aħna nkunu armejna biex niġru wara d-dnub!

Xi grazzja hux li, wara ħajja mtajra l-għaliex inkunu għamilna lil xi ħadd ieħor alla falz tagħna, inkella igglorifikajna l-passjonijiet tagħna, huma x’inhuma, jasal dak il-mument fuqna li, tant kemm ma nkunux nifilħu aktar fil-ħażen li bilfors ikollna nitolbu biex ninħelsu. L-għaliex il-ħażen, nirraġuna kemm nirraġuna b’moħħi li hu “naturali”, fil-fatt m’hu naturali xejn! Ngħid kemm ngħid li d-dgħjufija hija dgħjufija, m’hemmx post għaliha f’ħajti. Li kieku kif meta nqerr inħossni nistrieħ? Issa jiena, fil-ħajja normali ta’ kuljum, nistrieħ minn xi ħaġa li ma nħossnix komdu biha. Mela d-dnub mhux kumdità ħbieb! Imma skumdità mill-kbar! U, l-għaliex id-dnub huwa toqol li qiegħdin inġorru fina l-uniku mod ta’ kif nistgħu neħilsu minnu huwa meta nistqarruħ! Jiġifieri bil-qrar!

Imma ħafna jsibu problema bil-qrar. Għaliex għandi immur nikxef għajni ma bniedem bħali? Ħabib, dak ix-xi ħadd mhux xi ħadd. Imma x-XI ĦADD! Jiġifieri, f’dak il-patri jew qassis li qed tara f’dak il-konfessinarju jew is-sedja hemm Ġesù Kristu nnifsu! Lilu qiegħed jirrapreżenta! Huwa Ġesù, li fis-saċerdoti tiegħu jgħidlek il-kelmiet ta’ fejqan kbir fl-assoluzzjoni: “Naħfirlek dnubietek fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Amen.” Barra minhekk, l-għaliex id-dnub jifridni mhux biss mill-Mulej imma wkoll mill-komunità Nisranija, jiġifieri mill-Knisja, is-saċerdot, li hu l-bniedem ikkonsagrat li jirrapreżenta l-Knisja, jerġa’ jilqagħni fi ħdanha mill-ġdid! X’fejqan hux!

Il-post fejn wieħed jista’ iqerr ivarja. Fil-knejjes tagħna għad għandna l-grazzja tal-konfessinarji. Tistkanta kemm għad hawn nies li jħobbu jqerru fil-konfessinarju! Il-konfessinarju huwa komdu biex tqerr fih. Ikun hawn min jippreferi li jqerr mingħajr il-bżonn li jara lis-saċerdot li qed iqarru u jqarrarha. Għandhom dritt! Mela, jekk tħossok aktar fil-paċi b’dan il-mod ta’ qrar, agħmel hekk. Biss, hemm min iħoss il-bżonn li jara jew tara lis-saċerdot fil-qrar. Dan l-għaliex jippreferu li jkollhom konverżazzjoni magħhom. Għandhom dritt ukoll! Allura tista’ tqerr billi toqgħod għarkupptejk fuq wieħed mill-ġinokjaturi moderni u tqerr għall-affari tiegħek il-qrara tiegħek.

Il-qrar inħobb inxebbħu mal-vista għand it-tabib. Jiena ma nafdax kull tabib, ħlief f’każi serjissimi. Li huma ftit. Mela sib il-konfessur tiegħek li int l-aktar tħossok komdu u komda li tqerr għandu. Konfessur li jifhmek u li jagħtik il-ħin li għandek bżonn biex tiftaħ qalbek.

Qrara kull tlett ġimgħat hija għajnuna kbira biex tgħix ħajtek fil-paċi. Huwa bil-qrar li ninħelsu mill-ħażen li jgħassarna u nimtlew bil-ħajja ta’ Ġesù Kristu li tferraħna!

X’balla neħħejtli!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: