Home > Knisja f'Malta > DOKUMENT TA’ POŻIZZJONI DWAR ID-DEKRIMINALIZZAZZJONI TAT-TKASBIR PUBBLIKU TAR-RELIĠJON U TAL-PORNOGRAFIJA

DOKUMENT TA’ POŻIZZJONI DWAR ID-DEKRIMINALIZZAZZJONI TAT-TKASBIR PUBBLIKU TAR-RELIĠJON U TAL-PORNOGRAFIJA


7 ta’Awwissu, 2015  –  Ref:87/2015

Qegħdin ngħixu f’dinja li, kull ma jmur, qiegħda dejjem issir akar pluralistika, fuq kull livell. Dan ġab miegħu żieda fl-għarfien tal-valur tal-libertà kemm dik individwali kif ukoll dik ta’ gruppi, u dan qed jagħti firxa dejjem usa’ ta’ possibiltajiet ta’ għażla.

Ċertament, din hi xejra pożittiva, imma f’kuntest ta’ libertajiet individwali li qegħdin dejjem jiżdiedu, l-isfida reali donnha tinsab fil-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja normali tagħna, imsejsa fuq valuri komuni. M’hemm ebda dubju li t-twemmin reliġjuż jiġi minn ta’ quddiem fost il-valuri li kull poplu jqis bħala l-aktar għeżież, billi dan jikkostitwixxi l-aħħar bażi li fuqha jsiru l-għażliet, kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq dak kollettiv.  Huwa għalhekk fl-interess tas-soċjetà, speċjalment ta’ soċjetà li hi radikalment pluralistika, li tiddefendi u tippromwovi r-rispett lejn twemmin jew nuqqas ta’ twemmin reliġjuż.

Huwa f’dan il-kuntest li aħna nixtiequ nesprimu l-opinjonijiet tagħna dwar L-Emenda tal-Att tal-Kodiċi Kriminali tal-2015:

Id-Dekriminalizzazzjoni tat-Tkasbir Pubbliku tar-Reliġjon.

  1. L-Emenda tal-Att tal-Kodiċi Kriminali tal-2015 se tkun qiegħda tħassar is-sanzjonijiet kriminali kontra t-tkasbir tar-reliġjon Kattolika Rumana u ta’ reliġjonijiet oħra. L-ipotesi donnha hi li t-tkasbor tar-reliġjon Kattolika Rumana (Artiklu 163) u ta’ kull kult ieħor ittollerat mil-liġi (Artiklu 164) mhux se jkun hemm bżonn li jibqa’ meqjus bħala att kriminali, għaliex is-sanzjonijiet kriminali li sussegwentement ġew imposti kontra l-istigazzjoni ta’ mibegħda reliġjuża jew ta’ forom oħra ta’ mibegħda (preżumibbilment permezz tal-proviżjoni taħt Artiklu 82 A (1) u (2) tal-Kodiċi Kriminali) irrendew superluwi l-proviżjonijiet li ġew qabel dwar it-tkasbir tar-reliġjon.
  2. Aħna nemmnu li l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet legali aktar reċenti kontra delitti ta’ mibegħda ma jiġġustifikax it-tneħħija ta’ Artikli 163 u 164, billi dawn l-artikli jagħmlu referenza speċifika għall-abbuż tat-tkasbir tar-reliġjon li ma jinstab f’ebda miżura leġiżlattiva oħra. Artikli 163 u 164 jipprojbixxu t-tkasbir tar-reliġjon, u dan hu differenti għal kollox milli wieħed jikkritika, jirridikola, jiċċensura, jew saħansitra jbaxxi jew jobgħod. Li tkasbar ifisser li “tirrendi disgustanti” u għalehekk, dak li l-liġi tipprojbixxi huwa d-degradazzjoni b’mod malizzjuż u abbużiv tar-reliġjon, ħwejjeġ relatati magħha jew tal-mexxejja tagħha.
  1. Il-projbizzjoni tal-istigar tal-mibegħda reliġjuża jew ta’ forom oħra ta’ mibegħda hi ċertament essenzjali għal soċjetà verament demokratika fejn il-bnedmin jirrelataw ma’ xulxin fil-libertà u l-paċi, irrispettivament mill-isfond u mit-twemmin differenti tagħhom. Imma soċjetà deċenti m’għandha tittollera lil ħadd milli jkasbar lil xi persuna jew grupp li jappartjeni lil xi reliġjon partikulari jew lir-reliġjon innifisha. L-istigar għall-mibegħda reliġjuża hi ħaġa, it-tkasbir tar-reliġjon hi ħaġa oħra. It-tkasbir ta’ kwalunkwe reliġjon hija inkompatibbli ma’ kwalunkwe soċjetà deċenti.
  2. Wieħed għandu jinnota wkoll li Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta m’għandux jiġi meqjus għalih waħdu, imma bħala parti minn Kapitlu Wieħed li jiddikjara x’inhuma s-sitt valuri ċiviċi u fundamentali l-aktar qaddisa. Dawn huma: il-governanza Republikana ta’ Malta, ir-Reliġjon ta’ Malta, il-Bandiera Nazzjonali, l-Innu Nazzjonali, l-Ilsien Nazzjonali u l-Kostituzzjoni nnifisha. Il-Kostituzzjoni tqis indaqs u speċjali dawn il-valuri u għandhom ikunu ggvernati minn regoli differenti minn dawk li jiggvernaw valuri subordinati.
  3. Diffiċi tara, mill-punto di vista tal-Kostituzzjoni, kif l-Istat jista’ jittollera, bil-liġi, it-tkasbir ta’ wieħed minn dawn is-sitt valuri fundamentali pproklamati mill-Kostituzzjoni tiegħu stess. Ir-Reliġjon Nazzjonali hi daqs kull wieħed mill-ħames valuri l-oħra. Wieħed ma jistax jagħżel bejniethom b’mod li ħamsa minnhom ikunu ttrattati b’riverenza waqt li s-sitt wieħed ikun suġġett għat-tkasbir.
  4. Artikli 163 u 164 m’għandhomx, għalhekk, jiġu mħassra. Madankollu, fil-kuntest li għandu jintwera l-istess rispett lid-dritt ta’ kulħadd għall-ħelsien tal-kuxjenza u tar-reliġjon, m’għandu jkun hemm ebda differenza bejn is-sanzjonijiet imposti fuq dawk li jkasbru r-reliġjon Kattolika Rumana u dawk li jkasbru xi reliġjon oħra jew lil min m’għandu ebda twemmin, u dan bi qbil mad-dikjarazzjonijiet reċenti ta’ qrati kostituzzjonali Ewropej oħra.

Id-Dekriminalizzazzjoni tal-Pornografija

  1. L-Emenda tal-Att tal-Kodiċi Kriminali tal-2015 se tkun tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tqegħid għall-wiri ta’ kull tip ta’ materjal pornografiku (i) f’postijiet li l-pubbliku jkollu aċċess għalihom biss jekk iħallas u li għalihom jista’ jkollu aċċess biss wara li jaqbeż tabella b’avvertiment adegwat (f’dan il-każ, il-minuri ma jitħallewx jidħlu sakemm il-wirja tkun għadha sejra); (ii) waqt servizz ta’ xandir televiżiv irregolat mill-Awtorità tax-Xandir u fil-parametri tat-tifsira tal-Att tax-Xandir; (iii) f’gallerija tal-arti jew f’mużew fejn ikunu ttieħdu l-prekawzjonijiet raġonevoli għall-ħarsien tal-minuri; (iv) f’wiri ta’ film suġġett għall-Att dwar il-Klassifikazzjoni tal-Età taċ-Ċinema u tal-Palk u (vi) f’dawk il-każi fejn il-wiri ta’ materjal pornografiku jista’ jservi ta’ ġid pubbliku billi jkun fl-interess tax-xjenza, tal-letteratura, tal-arti jew tat-tagħlim, jew ta’ oġġetti oħra ta’ interess ġenerali.
  1. La darba approvati, dawn l-emendi jagħmluha possibbli li kwalunkwe materjal pornografiku jista’ jitqiegħed għall-wiri għal numru ta’ skopijiet. Se jitqiegħed għall-wiri mhux biss f’kuntesti li jistgħu,forsi b’mod laxk, jiġu deskritti bħala ‘artistiċi’ jew li jkunu fl-interess tax-xjenza, tal-letteratura, tal-arti jew tat-tagħlim jew għal skopijiet oħra ta’ interess ġenerali. Se jitqiegħdu għall-wiri wkoll għal skopijiet ta’ negozju jew purament għal skopijiet ta’ qligħ tal-flus. Dan hu lil hinn għal kollox mill-iskopijiet u r-raġunijiet ta’ din il-Liġi. Il-Liġi tgħid li r-raġuni wara l-emenda u l-iskop li għandu jintlaħaq hu li “jipprovdi għal implementazzjoni aħjar tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni sabiex jintlaħaq il-bilanċ neċessarju bejn id-dritt ta’ kulħadd li jirċievi u jibgħat informazzjoni u ideat, u l-bżonn li s-soċjetà u l-persuni vulnerabbli b’mod partikulari, ikunu protetti minn ċerti forom ta’ pornografija u indeċenza.”  Il-ħsieb wara r-riforma legali li tikkonċerna d-dekriminalizzazzjoni tal-pornografija huwa, presumibbilment, biex jimmassimizza l-libertà individwali tal-espressjoni jew id-dritt li wieħed jeżerċita kontroll sħiħ tal-preferenzi tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ divertiment u gratifikazzji sesswali.  Jingħad li l-adulti għandhom ikunu trattati ta’ adulti, u għal din ir-raġuni l-libertà tagħhom li jieħdu sehem f’diversi forom ta’ gratifikazzjoni sesswali għandha tkun legalizzata u regolata.
  2. Aħna ma nistgħux naraw dan il-provvediment bħala pass ’il quddiem. Interpretazzjoni individwalistika tad-drittijiet tal-bniedem qiegħda, sfortunatament, tissepara d-drittijiet umani minn dawk il-valuri li flimkien joħolqu “kultura ta’ dinjità”. Soċjetà li timmassimizza il-libertà individwali tal-għażla f’materji sesswali tkun tissogra li tispiċċa vittma ta’ forzi tas-suq fejn il-profitt, u mhux id-dinjità umana, jiddetta dak li għandu u m’għandux isir. Il-kommerċjalizzazzjoni tal-ġisem tal-bniedem hi dejjem ta’ ħsara għad-dinjità tal-persuna umana, anke meta din sseħħ bil-kunsens ta’ dak li jkun.  Is-sess u s-sesswalità huma aktar minn sempliċi gratifikazzjoni jew pjaċir.  Huma don u stedina għall-għotja personali u għal relazzjoni interpersonali mal-oħrajn. L-ekonomija tal-pjaċir sesswali u l-industrija tas-sess jittrasformaw dawn il-valuri umani f’komodità, lussurja bi bdil mal-profitt.  Barra minn hekk, l-esplojtazzjoni ta’ nies vulnerabbli u l-tixrid ta’ attitudnijiet qodma li jistrumentalizzaw gruppi partikulari ta’ individwi qegħdin ibaxxu d-dinjità umana u għandu jkun id-dmir tal-istat li jipprevjeni t-tkasbir tad-dinjità umana.
  3. Pereżempu, il-liċenzjar tal-ħwienet tas-sess m’għandux x’jaqsam mal-“libertà tal-espressjoni” jew id-dritt li “wieħed jirċievi jew jibgħat informazzjoni”. Hi sempliċement parti mill-industrija u l-kummerċ tas-sess. Sfortunatament, il-materjal u l-oġġetti pornografiċi diġà jistgħu jiġu akkwistati minn fuq l-internet. Mhux tant għaqli li wieħed jippromwovi aktar din l-industrija li tħalli tant qligħ imma li hija essenzjalment waħda esplojtativa.  Jekk nagħmlu hekk, inkunu żgur qegħdin nibagħtu messaġġ li l-flus u l-profitt huma aktar importanti mill-benesseri tal-bniedem.
  4. Anke minn punto di vista purament kostituzzjonali, wieħed għandu jistaqsi kif din il-bidla proposta tinfilsa f’dak li l-Kostituzzjoni ta’ Malta espressament tistabbilixxi dwar “il-moralità u d-deċenza pubblika” (ara Artikli 38, 40, 41, 42) u dak li l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani (li Malta rratifikat bħal li torbot taħt liġi internazzjonali u inkorporata bħala waħda li tiġi inforzata fil-liġi domestika) tistabbilixxi fuq “morali” (ara Artikli 8, 9, 10, 11). Is-salvagwardja tal-moralità pubblika tad-deċenza u tal-morali hi tant fundamentali f’dawn il-liġijiet supremi, li tissupera il-godiment tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, bħad-dritt tal-privatezza, id-drittijiet tal-libertà tal-kuxjenza u tal-adorazzjoni jew reliġjon, il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni, il-protezzjoni tal-libertà tal-moviment, u il-protezzjoni tal-libertà tal-assoċjazzjoni.
  5. F’kunflitt bejn dawn id-drittijiet fundamentali fuq naħa, u l-protezzjoni tal-moralità pubblika u d-deċenza fuq l-oħra, il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea espressament jagħtu l-mandat tagħhom sabiex tkun il-protezzjoni tal-moralità pubblika jew tad-deċenza li tirbaħ.
  1. Kemm lokalment u kemm barra mill-pajjiż hemm għarfien dejjem jikber dwar il-ħsara reali li l-pornografija li tista’ tiġi akkwistata faċilment tħalli fuq soċjetà, permezz tat-tkasbir tal-ġisem uman u tar-relazzjonijiet in ġenerali. Għaliex m’għandhiex tkun ħaġa evidenti minnha nnifisha li l-argumenti favur id-deċenza pubblika jkunu aktar impenjattivi minn dawk favur l-indiċenza pubblika?

Rev Professor Emmanuel Agius (chairperson)

Professor Kevin Aquilina

Dr Austin Bencini

Judge Giovanni Bonello

Dr Nadia Delicata

Rev Professor George Grima

Rev Dr Richard-NazzarenoFarrugia

Rev Dr Paul Pace

 

Miġjub għall-Malti mill-Ingliż minn Carm Cachia

Categories: Knisja f'Malta
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: