Home > Leħen is-Sewwa > Velenu qerriedi

Velenu qerriedi


J.M. Bonnici

Id-demokrazija hi sistema ħażina…m’hawnx waħda aħjar minnha kien jgħid Winston Churchill li wara li rebbaħ lill-Ingliżi l-gwerra ġie mitfugħ fl-oppożizzjoni bil-verdett popolari. Fil-fatt, id-demokrazija meta titħaddem tajjeb hi sistema b’ħafna preġji u suppost twassal biex il-poplu jkun protagonista fil-ħajja tan-nazzjon. Imma bħal kull ħaġa oħra fiha l-perikli u t-theddid tagħha. Hemm tliet għedewwa tad-demokrazija li huma l-injuranza, l-apatija u fuq kollox il-korruzzjoni.

L-injuranza tnissel il-preġudizzju. Bħalissa f’pajjiżna bil-ġurnali u l-istazzjonijiet televiżivi tal-partiti għandna sitwazzjoni fejn ħafna nies huma lsiera ta’ preġudizzji li ma jħalluhomx jagħmlu ġudizzju seren meta jkun il-waqt. U allura, il-vot isir biss espressjoni ta’ fanatiżmu partiġġjan u mhux eżerċizzju liberu tas-setgħa demokratika taċ-ċittadini.

L-istess l-apatija taċ-ċittadini ma tgħinhomx biex jgħarblu sew il-proposti li jsiru fil-vot tagħhom. Għax l-apatija u n-nuqqas ta’ nteress – forsi motivati wkoll mill-isfiduċja fin-nies tal-politika – ma jagħtux ċans li ċ-ċittadini jkunu verament jafu għalxiex se jivvutaw u jħossu r-responsabbiltà tal-vot tagħhom.

Imma l-ikbar theddida għad-demokrazija hi l-korruzzjoni li hi bħal velenu li jeqred dak kollu li jsawwar soċjetà demokratika u libera. Sfortunatament, hu fenomenu mxerred mad-dinja sħiħa. F’ħafna pajjiżi ġodda waqt li għandhom il-ġid inħolqot soċjetà li fiha ftit nies jistagħnu u l-kotra m’għandhiex dak li hu essenzjali għall-ħajja.

Imma anki fil-pajjiżi tal-punent u fl-Ewropa li suppost huma xempju tad-demokrazija, il-korruzzjoni hi mifruxa fl-istituzzjonijiet bħala brimba li għandha ħafna għanqbut.

F’Malta t-taqtigħa politika bejn iż-żewġ partiti kbar ħadet xejra li għandha tiftħilna għajnejna u nippruvaw nirreaġixxu għaliha. Għax demokrazija tfisser is-setgħa għand il-poplu. Il-korruzzjoni tfisser li s-setgħa tispiċċa għand ftit nies tal-flus li għandhom kollox f’idejhom.

Tħammar wiċċek bħala Malti meta tisma’ kliem il-politiċi tagħna bħala meta “min jitfa’ l-ħmieġ” isibu lura wara biebu jew inkella deputati jgħidu lil xulxin “tiegħek tasal ukoll”. Flok il-bini ta’ soċjetà verament demokratika, il-politika Maltija saret tikkonsisti fi tfiegħ ta’ tajn, allegazzjonijiet ta’ skandli u tgħajjir.

Reazzjoni

Poplu għassies tas-sistema demokratika jirreaġġixxi għal dan. Il-korruzzjoni għandha tiġi miġġielda bil-policy ta’ zero tolerance imma qatt m’għandha tiġi wżata bħal għodda politika għal ksib tal-voti u xejn iżjed.

Għandu jkun hemm Kummissarju kontra l-korruzzjoni magħmul minn żewġ terzi tad-deputati li malli jara ħjiel ta’ korruzzjoni jagħmel l-ewwel investigazzjonijiet u jekk jara li hemm ħjiel t’affarijiet mhux f’posthom jirrapporta lill-pulizija li mbagħad jagħmlu xogħolhom. Dawn il-ħafna inkjesti li jsiru u li jaħlu ż-żmien, ir-rapport quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar dak li qed isir fil-każ taż-żejt m’hemmx lokhom.

Filfatt, jekk nibqgħu sejrin hekk sal-elezzjoni se jkollna numru kbir ta’ inkjesti u rapporti u ħadd ma jkun refa’ responsabbiltà t’egħmilu. Donnu flok ġlieda għall-korruzzjoni qed jinħoloq makkinarju fejn kollox jibqa’ għaddej. U l-akkużi fuq korruzzjoni tal-bieraħ u tal-lum m’għandhomx isiru f’attivitajiet politiċi biex il-partitarji jitpaxxew imma għandhom isiru fl-istituzzjonijiet proprju tagħhom.

Il-virtù tal-ġustizzja titlob li mhux kull allegazzjoni li ssir tixxandar u tingħata prominenza fil-media imma qabel isir skrutinju jekk hemmx fundament f’dak li qed jiġi allegat.

Moralità

Naturalment, dan ma tistax tippretendih mill-media tal-partiti li m’għandhomx kodiċi ta’ etika u jinteressahom biss il-partit. Imma almenu fil-media indipendenti għandu jkun hemm sforz ġenwin ta’ Kodiċi ta’ Etika li jirregola l-imġieba tal-ġurnalisti.

Sfortunatament wieħed mill-ġurnali hekk imsejjaħ indipendenti issa għandu bħala editur attivist tal-Partit Laburista li tixtieq temmen fl-indipendenza tiegħu. Diġà għal snin twal kellna l-orizzont li kien iġib fl-ewwel paġna ġurnal indipendenti li filfatt kien skjerat politikament b’mod l-aktar aggressiv kontra l-Partit Nazzjonalista. Minħabba l-partiġjaniżmu politiku ħafna drabi ma jiġu osservati l-ebda regoli ta’ mġieba u jsiru nuqqasijiet kbar kontra l-ġustizzja u naturalment kontra l-imħabba.

It-tgħajjir – xi kultant fil-limiti tal-vulgarità – żgur mhux sostenn għad-demokrazija b’saħħitha. Wieħed jiftakar f’suġġeriment li għamel l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. f’wieħed mill-jiem nazzjonali għal task force li ssaħħaħ il-moralità fl-aġir pubbliku. Dakinhar kien hemm min ma fehemx jew ma riedx jifhem. Imma m’hemmx dubju li kien suġġeriment li jmissu ġie studjat b’ċertu urġenza.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: