Home > Leħen is-Sewwa > L-għanqbuta

L-għanqbuta


It-Tabib Carmelo Palmier Cecy

Kreatura żgħira bi tmien saqajn, b’ħafna għajnejn miftuħin beraħ u, f’ċerti speċi, bid-drawwa waħxija li l-mara tiekol lir-raġel tagħha meta tispiċċa minnu, tinstab imxerrda mad-dinja kollha. Din hi l-brimba, magħrufa għall-għanqbut li ssawar kull fejn tersaq. Mhux il-brimb kollha jaħdmu l-għanqbuta iżda dawk li jagħmluha juru s-sengħa naturali tagħhom. Biċċiet mill-ħjut tal-għanqbuta huma mdellka biex iwaħħlu u oħrajn niexfa biex tużahom il-brimba stess.

Iżda l-iskop hu dejjem il-qbid ta’ insetti li jkunu jtiru bla ħsieb u f’daqqa waħda jsibu rwieħhom imħabblin u mwaħħlin ma’ dix-xibka tal-għaġeb u merħijin għall-ħruxija tas-sidt l-għanqbuta.

In-nasba

Imsieken id-dubbien, il-friefet, in-nemus u l-baħrijiet li jinqabdu bla ma jafu kif. Imsieken aħna l-bnedmin ukoll li ġieli jiġrilna l-istess, mhux fl-għanqbuta iżda f’nassa oħra maħduma minn bnedmin bħalna.

Nibdew minn tas-setta li jwaqqfuna fit-toroq bil-ħlewwa kollha. Ikellmuna fuq il-ħniena ta’ Alla. Iwasslulna ideat Insara li, għall-bidu, jkunu jaqblu għal kollox ma’ dawk tal-Knisja. Min jista’ jitgerrex minn għanqbuta daqshekk sabiħa?

Min qatt ma xtarr il-fidi u d-duttrina Kattolika, ħlief sal-livell tal-Griżma tal-Isqof, jista’ jitbellah wara s-sbuħija ta’ tagħlim tas-setta. Qatt ma jkun ra b’għajnejh u mess b’idejh is-sbuħija li tinsab fil-milja tagħha fil-Knisja Kattolika biss. U jixxekkel bħal dubbiena fl-għanqbuta.

Għanqbuta oħra li tidher innoċenti għal kollox hi l-ħbiberija sinċiera bejn raġel u mara li xi ħadd minnhom jew it-tnejn ikunu miżżewġin separatament. Ta’ kuljum jiflu bejniethom il-problemi personali tagħhom. Bla ma jindunaw isibu rwieħhom mgħaddsa fil-moħħ u fil-qalb ta’ xulxin b’mod romantiku.

Il-kurżità li tiġbed xi nies lejn films erotiċi bi skop li jidher innoċenti tispiċċa biex tqanqal fihom ġibdiet qawwija li qajla jkunu jistgħu jżommu r-riedni fuqhom. Meta d-dubbiena teħel fl-għanqbuta, il-brimba tibda ħidmietha.

Il-karità u l-appostolat huma dmirijiet tagħna lkoll, li kultant iwassluna wiċċimbwiċċ ma’ xi għanqbuta soda li twaħħal. Mhux kull riskju hu ġustifikat.

Hekk dak ir-raġel qaddis li spiss jiġri ma’ gruppi ta’ tfajliet u forsi jtihom ukoll il-kunfidenza li jmissuh u jimbuttawh minn hawn u minn hemm, dejjem bl-iskop sinċier li jżommhom fit-triq it-tajba, ikun qisu insett li jidħol fl-għanqbuta apposta biex iwennes il-brimba!

Inħarsu l-ambjent mitt darba u elf iżda ma ngħaddsux rasna b’mod fanatiku u nibqgħu deħlin fl-għanqbuta bħal ma jagħmel farfett. Hekk jiġrilu min ipoġġi l-annimal qabel il-bniedem jew min iħallat l-imħabba lejn l-annimali ma’ riti liturġiċi reliġjużi.

Il-brimba hi wkoll ħolqien ta’ Alla u l-għanqbuta hi xhieda tal-kobor tiegħu. Iżda l-ħażen tan-nases li jsawru l-bnedmin għall-ħsara ta’ ħaddieħor ġej mir-rieda ħielsa tal-bniedem.

Ejja mela nishru u nitolbu li ma nsibux irwieħna f’idejn xi mostru b’denbu twil, imxennaq li jkaxkar lin-Nisrani ta’ nofs kedda lejn “il-biki u t-tgħażżiż tas-snien” (Mt 8:12).

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: