Home > Leħen is-Sewwa > Imma kemm int injoranta!

Imma kemm int injoranta!


Tanja Cilia

Darba kien hemm mara li kienet taf kollox.  U bħal ma jiġri meta jkun hemm xi ħadd li jaf kollox, kienet dejjem tkun trid tgħallem lil kulħadd. Kienet tagħmel hekk billi tuża kull metodu li jgħaddilha minn moħħha. Ħoloq għal artikli f’gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra, mistoqsijiet li kienet tkun taf li dak li jkun ma jafx iweġibhom, kummenti sarkastiċi u anki xi insult ‘il hawn u ‘l hinn.

Kienet tiftaħar li qatt m’għajret lil ħadd “injorant” imma bħala mara sew kienet fid-dmir li turi lil dak li jkun fejn ikun żbalja. Mela allura, biex turi kemm hu ikrah l-abort, erħilha ssib stampi ta’ trabi mbiċċrin u titfagħhom fuq is-siti soċjali, waħda wara l-oħra kemm fuq il-paġni ta’ dawk li jgħidu li ma jaqblux mal-abort u iżjed u iżjed fuq ta’ dawk li jgħidu li mara għandu jkollha d-dritt li “tagħżel”.

Biex turi kemm hu ikrah id-divorzju titfa’ stampi ta’ kejkijiet tat-tieġ imkissra, tfal jibku u nies irrabjati.

Biex turi kemm hi kerha l-ewtanasja titfagħlek gozz stampi ta’ xjuħ f’qiegħ ta’ sodda bil-qraba madwarhom, formoli bir-ras ta’ mewt fejn suppost ikun hemm il-letterhead u klieb imkebbin fuq l-oqbra.

Kieku qatt kienet titfa’ stampa ta’ nies ferħana. Kienet issostni li tagħmel hekk għax il-ħajja qasira u mhux ta’ min jaħli l-ħin fil-ħmerijiet. Kienet tgħid li ma kellhiex stonku tħares lejn wħud mill-istampi li kienet titfa’. Imma xorta kienet tagħmilhom għax hi kellha missjoni li teduka u tgħallem. Wara kollox li tgħallem lill-injorant hu wieħed mill-opri tal-ħniena!

Il-ħelwa hi li l-kelma injorant ġejja minn kelma Rumanza li tfisser “ma jafx” fis-sens li hu nieqes mill-għarfien jew taħriġ, li qatt ma tgħallem, mhux “ma jafx” għax moħħu ma jtihx jew hu stupidu. Filwaqt li kienet tgħid li tgħallem lill-injorant fl-ewwel sens tal-kelma kienet iġġib ruħha ma’ dawk li riedet tgħallem bħala injoranti fit-tieni sens.

L-opra spiritwali tal-ħniena “għallem lill-injorant” jinħtieġ li nħarsu lejha minn perspettiva xierqa. Meta nħosssuna fid-dmir li ngħallmu ejja ma nimmaġinawx li aħna għorrief iżjed minn ħaddieħor.

It-tfal żgħar imorru l-Kindergarten biex jitgħallmu. Imma tkun ħaġa ridikola kieku nippretenduhom jitgħallmu l-fiżika u l-eronawtika. L-iskop tal-Kindergarten hu li jitgħallmu jissoċjalizzaw, jaqsmu l-ġugarelli ma’ xulxin, jirrispettaw lil ħaddieħor u, f’xi każi, jitkellmu u jieklu wkoll.

L-għalliema għandha mnejn tiddejjaq li Jofram ma jafx jixrob minn tazza imma mhux se tgħidlu injorant. Forsi tiddejjaq li meta jaslu biex iżommu pinzell jagħmel straġi iżda żgur mhux se tgħidlu injorant għax ma jafx jagħmel il-kontijiet ta’ meta qed taparsi jixtru mill-ħanut tal-klassi.

L-istess fir-reliġjon. Nibdew billi ngħallmuhom is-Sinjal tas-Salib u mhux ngħidulhom li huma injoranti għax ma jafux l-għoxrin posta tar-Rużarju bl-amment.

U aħna kif inġibu ruħna meta “ngħallmu lill-injorant”? Bil-goff bħal dik il-mara li taf kollox jew bil-ħlewwa bħall-għalliema tal-Kindergarten u tad-Duttrina?

tanjacilia@hotmail.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: