Home > Leħen is-Sewwa > IL-FESTA TA’ KEMMUNA

IL-FESTA TA’ KEMMUNA


Fr Charles Buttigieg

Kulħadd laqa’ b’entużjażmu l-aħbar li din is-sena, eżattament fit-22 t’Awwissu, se ssir bl-inizjattiva tar-residenti u b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, il-festa ta’ Kemmuna.

Il-programm jinkludi l-Quddiesa Pontifikali mmexxija mill-Isqof t’Għawdex Mario Grech flimkien mal-Kappillan ta’ Kemmuna Dun Karm Xerri. Wara jsegwi kunċert mill-Banda ta’ Għanjsielem u majjalata tradizzjonali.

kemmuna1Il-kappella bajda fuq stil Grieg ta’ Kemmuna hi ddedikata lir-ritorn lejn Nazaret tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu iżda popolarment kienet tissejjaħ Santa Marija tal-Eġittu. L-oriġini ta’ din il-kappella jmur lura fit-tnax-il seklu kif hu dokumentat f’mappa tan-navigazzjoni jew portulan fil-National Maritime Museum u l-Osservatorju ta’ Greenwich ġewwa Londra.

  1. Buhagiar jitkellem ukoll li Għar il-Ħamrija fil-Wied Aħmar kien aktarx knisja tal-qedem. G. F. Abela jitkellem minn knisja oħra ddedikata lil San Nikola qrib il-bajja ta’ Niklaw jew il-qala ta’ San Nikola.

Il-kappella tal-lum inbniet mill-ġdid fl-1618 fil-post imsejjaħ Il-Qala ta’ Santa Marija meta fi żmien il-Granmastru Wignacourt inbena t-Torri ta’ Kemmuna fir-raba’ imsejjah Il-Bosk qrib l-għar Il-Miskta u tkabbret fl-1667 u fl-1716 meta ġiet iddedikata mill-Isqof Cannaves lir-Ritorn tas-Sagra Familja f’Nazaret mill-Eġittu kif xtaqu r-raħħala tal-gżira.

Jingħad li qabel il-kappella kienet iddedikata lil-Lunzjata imma iktar probabbli lil Santa Marija li kien l-iktar titlu komuni għall-Madonna dak iż-żmien. Kienu jsiru fiha żewġ festi, waħda fis-7 ta’ Jannar meta kienet issir il-Quddiesa kantata tal-Madonna b’tifkira tar-ritorn mill-Eġittu u fid-19 ta’ Marzu f’gieħ San Ġużepp.

Ħamsin sena ilu l-popolazzjoni ta’ Kemmuna kienet madwar mitt ruħ. Kienet issir festa kbira. Diversi drabi l-Isqfijiet t’Għawdex mexxew il-Pontifikal tal-festa u amministraw is-sagrament tal-Ewwel Tqarbina u tal-Konfirmazzjoni lit-tfal ta’ Kemmuna. Illum ir-residenti ta’ Kemmuna huma erbgħa: l-aħwa Salvu u Angelo Vella, iz-zija Marija Said u l-kuġina Evangelista Buttigieg.

kemmuna2Personalment l-aħbar li se terġa’ ssir il-festa ta’ Kemmuna nisslitni diversi memorji sbieħ. Niftakar lil Dun Karm Xerri li fl-eta’ ta’ 81 sena għadu sal-lum jaqdi l-missjoni ta’ Kappillan ta’ Kemmuna. Ilu Kappillan minn Jannar 1963 meta ssuċċeda lil ħuh Monsinjur Lawrenz li laħaq Kappillan tal-Fontana. Kien jistedinna lilna t-tfal bħala abbatini tal-Qala biex nassistu għas-servizz liturġiku tal-festa.

Konna niltaqgħu ħdejn id-dar ta’ Dun Karm fi Triq il-Belveder flimkien ma’ Dun Ġużepp Vella, Monsinjur Lawrenz Xerri, l-organista Mario Portelli, Karmnu Portelli u Joseph Xerri flimkien u oħrajn u ninżlu bil-minibus tal-Familja Debono jew bit-taxi ta’ Kelinu Bartolo lejn ix-Xatt. Ix-Xatt kien jingħaqad magħna l-Isqof t’Għawdex Nikol Cauchi flimkien mal-Assistent Personali tiegħu Monsinjur Ġużeppi Bajada, maċ-ċeremonier Monsinjur Girgor Grech u  Monsinjur Jimmy Xerri u wara Monsinjur Renato Borg li  kienu s-Segretarji tiegħu. Konna nitilgħu fuq il-lanċa ta’ Dun Ġużepp Hili tan-Nadur li kien jeħodna Kemmuna fil-bajja ta’ Santa Marija qrib il-kappella ta’ Kemmuna.

Wara l-Quddiesa u xi praspura li konna nivvintaw ta’ tfal li konna, speċjalment bil-faħam u l-inċens taċ-ċensier, Dun Karm Xerri flimkien mar-residenti ta’ Kemmuna kien jagħmlilna festin kbir u ħallina nieklu, nixorbu u nilagħbu fuq iż-żuntier tal-kappella jew ngħumu fil-bajja fil-qrib. Xi ħarqa nar tal-ajru kienet tkompli żżejjen l-atmosfera ferriħija tal-festa.

Il-kappella kienet tkun mimlija bin-nies Maltin u barranin. Insomma, għalina l-abbatini l-festa ta’ Kemmuna kienet xalata ferm mistennija. U dan mhux kollox!

Dun Karm talli konna nagħmlu servizz bħala abbatini kien jagħtina lira u nofs kull wieħed. Dan tletin sena ilu! L-aħħar festa ta’ dan il-livell saret fl-1999 meta bħala saċerdot novell kont iċċelebrajt l-ewwel Quddiesa tiegħi solenni ġewwa Kemmuna. Wara, billi kemm l-Isqof t’Għawdex beda jidħol fi żmien, kemm minħabba l-ilbies tal-għum tat-turisti li kien jistona f’ċelebrazzjoni reliġjuża bħalma hi l-purċissjoni li trid tgħaddi qrib il-baħar kif ukoll minħabba l-ispejjeż li ġġib festa anki jekk hi żgħira (l-permessi u l-assigurazzjonijiet iridu isiru dejjem) ma baqgħetx issir.

Dun Karm Xerri kompla jaqdi dmiru bil-Quddies tas-Sibt u l-Ħadd, ċelebrazzjonijiet ta’ żwiġijiet, sajf u xitwa, bnazzi u maltemp.

Il-festa kienet issir dejjem Ħadd qabel il-festa ta’ San Ġużepp tal-Qala u għalhekk kienet issir fl-aħħar Ħadd ta’ Lulju u l-purċissjoni kienet issir bl-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesù.

doncharles99@yahoo.it

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: