Id f’id


Patri Mario Attard OFM Cap

Kien jum ta’ festa. L-Isptar kien kwiet aktar mis-soltu. Ġurnata mill-isbaħ. Xemx taqli l-ġrieden! Għall-erwieħ! L-AC!

Mort fis-sala. Staqsejt għalih. Kien għadu fejn poġġewh. Dħalt. Rajtu fis-sodda ta’ ġewwa. Miegħu kien hemm tlieta oħrajn. Qaluli li kien bħali, Franġiskan Kapuċċin. Iżda, fir-rejaltà, ma kienx. Kien li kien. Mhux importanti. Imma mportanti għal ħaġa waħda. Ħaġa li bqajt inġorr. Ħaġa li baqgħet f’qalbi biex tgħinni noħroġ b’qalbi kollha għal min ikollu tassew bżonn il-ħniena ta’ Alla bija.

Rajtu fis-sodda. Kien jidher ċar li l-friex li kien fuqu kien il-ħabs tiegħu. Xtaq ħafna joħroġ minnu. Imma l-mard u x-xjuħija tassew li ma jħallukx tmur fejn tixtieq. Sewwa kien qallu lil Pietru: “Imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!” (Ġw:21:18). Fi żmienu kien itajjar in-nar. Ħadem. Mingħajr ħafna daqq tat-trombi. Qarar ma nafx kemm-il persuna. Għamel li seta’ biex jibqa’ ixerred imħabbet il-Missier Ħanin lejn il-midneb.

Imma l-mard ma jagħmilx distinzjoni. Jieħu lil min irid. Jaħtaf l-ewwel priża li jsib. Ma joqgħodx iħabbel rasu min. Xi rwol għandu fis-soċjetà jew fil-Knisja. La l-ewlenin ġenituri tagħna fetħu l-bieb għall-Għadu ta’ ruħna dan daħal u għamel letteralment massakru mid-dinja tagħna. Fejn il-Mulej ifejjaq permezz tal-barka tiegħu l-Għadu ta’ ruħna jisħet bil-mard li jikkawżalna. Mard fuq mard. Tbatija fuq tbatija.

U hu wkoll, anki jekk fih hemm il-preżenza ħajja ta’ Kristu Saċerdot, ma setax jeħles minn din il-biċċa xogħol kiefra li l-ewlenin ġenituri tagħna, sforz bluhathom, ġabu fuqna. Spiċċa marid. Ma jiċċaqlaqx. Madankollu ma stajtx ma mmurx ħdejh. Aktar u aktar meta ntbaħt li hu ħija l-għażiż fis-saċerdozju mqaddes.

Mort ħdejh. Ħriġtlu idi l-leminija. U, bil-mod il-mod, ressaq idu lejn tiegħi. Żammejtlu idejh f’tiegħi. Idu kienet kiesħa silġ. Kważi bajda karti. Id mimlija bl-għomor. Id li minn fuqha għaddew l-għexieren tas-snin. Mal-medda tal-ħin beda jagħfasli idi. Qisu ried jgħidli xi ħaġa. Għalkemm din il-ħaġa minn fommu ma ħarġitx. Ma jimpurtax! Il-Mulej ħanin! Jaf x’hemm moħbi fil-qalba tal-qalb il-bniedem. Jaf x’hemm preżenti fis-santwarju tas-santwarji tal-umanità. Għalhekk bqajt inħares lejh. Bil-ħlewwa. U b’widnejja miftuħa.

Il-pipe fi mnieħru wrieni t-tbatija li kien għaddej minnha! Qalbi weġġgħet x’ħin ratu jbati. It-tbatija iebsa fuq kulħadd. Emmnuni li m’għaraftx ngħidlu kelma għajr li nibqa’ inżommlu idu. B’idu f’idi beda jistrieħ. Ħarstu ma baqgħitx iktar iebsa. Bdiet iċċedi. Iċċedi. Iċċedi… Sakemm fl-aħħar minn għajnejh kważi ċassi leħħ id-dmugħ.

Is-skiet ta’ bejnietna qalli bosta ħwejjeġ. Dawk l-idejn li kelli f’idi kienu idejn li bihom l-Mulej ġie fostna bħala bniedem! U hawnhekk, mis-skiet tal-kamra, smajt għajta qawwija u ħelwa li ilha issa tidwi mal-elf u sitt mitt sena sħaħ! Santu Wistin, l-għaref Wistin, għajjatha biex tifqa’ l-bibien tal-qlub xettiċi u bla fidi. Anki ta’ dawk li suppost jgħallmu l-fidi. “O idejn qaddisa u venerabbli! O funzjoni ferħana tas-saċerdot! Dak li ħalqek tani l-qawwa biex noħolqu. U hu li ħalaqni mingħajri huwa nnifsu maħluq minni!”

Għal dawn il-kelmiet ma stajtx ma ngħożż bil-ħerqa idejh! Dawk l-idejn li ġabu l-grazzja ta’ Alla fostna. Ġabu l-ħniena ta’ Alla fina. Ġabu l-fejqan ta’ Kristu fil-qlub u l-imħuħ tagħna. Bis-sagramenti mqaddsa ta’ Kristu permezz tal-Knisja tiegħu! Fis-skiet! Għall-ħamsin sena sħaħ. Fil-bard. Fix-xita. Fil-kesħa. Fis-sħana. Fid-dubju. Fil-qtiegħ il-qalb. Fid-dlam. Fin-nawfraġji li toffrilna l-ħajja.

Għożżejthom dawk l-idejn. U l-għafsa dgħajfa u b’saħħitha tagħhom nibqa’ inġorrha f’qalbi. L-għaliex dawk l-idejn fakkruni li jekk inpoġġi idi f’idejĦ m’għandix għalfejn nibża’! IdejH sodi! Għax idejH huma hu: Kristu Saċerdot. Bihom itella’ lill-ħuti mill-ġerħat tad-dnub. Jaħsilhom, idewwihom u jagħtihom saħħet ruħhom u ġisimhom mill-ġdid. U magħhom, abbli wara kulħadd, jogħġbu jtella’ lili stess! Basta f’idejja nara idejH!

Żommli jdejja Mulej f’idejk! Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: