Home > Leħen is-Sewwa > Happy Day mal-Kor Joy Gospel Singers u l-Kor Liederkor fil-Bavarja

Happy Day mal-Kor Joy Gospel Singers u l-Kor Liederkor fil-Bavarja


Therese Caruana

Wieħed mill-korijiet gospel ewlenin ta’ Malta għadu kif reġa’ lura Malta wara mawra fil-Bavarja fejn kien il-mistieden tal-kor Liederkor minn Aichach. Il-kor Joy Gospel Singers twaqqaf tnax-il sena ilu minn Michelle Abela. Tul dawn is-snin, b’ħila professjonali hi ħadet ħsieb l-arraġamenti mużikali u d-direzzjoni tal-kor filwaqt li Carmel Abela, koordinatur u direttur tekniku, irnexxilu jwassal  lill-udjenzi l-armonija tal-vuċijiet u l-akkumpanjament tal-orkestra fl-aħjar tagħhom. 

korIr-repertorju gospel tal-kor jifrex minn mużika spiritwali tradizzjonali għal dik kontemporanja dejjem b’tema Nisranija.  Il-korjografija sinkronizzata li takkumpanja l-vuċijiet toħloq spettaklu li jpaxxi l-għajn u jwassal il-messaġġ tal-Aħbar it-Tajba b’mod aktar effettiv.

Minn kemm ilu li twaqqaf il-kor, Joy Gospel Singers ħadu sehem f’funzjonijiet reliġjużi f’Santa Luċija fejn huma bbażati u ukoll f’parroċċi oħra f’Malta u Għawdex. Ħadu sehem f’attivitajiet nazzjonali u tellgħu kunċerti li permezz tagħhom setgħu jinġabru fondi biex jgħinu l-ħidma ta’ Richmond Foundation, Hospice Movement, St. Jeanne Antide Foundation u Suret il-Bniedem. Ferrħu r-residenti fid-Djar tal-Anzjani u ħadu sehem fi programmi televiżivi.

Il-Kor kellu wkoll il-opportunità li jwassal l-għanjiet tiegħu gospel barra minn xtutna. Tmien snin ilu flimkien mal-kor Lucan Gospel Singers mill-Irlanda gewwa Newbridge Riverbank Arts Centre fl-Irlanda tella’ kunċert fejn inġabru fondi b’risq ir-Red Cross Ambulance Appeal. Għal sentejn konsekuttivi ħa sehem f’kunċert f’Porto San Giorgio l-Italja fejn inġabru fondi għas-seminaristi ta’ Macerata li jwettqu xogħol missjunarju fid-dinja kollha.

Joy Gospel Singers kellhom esperjenzi kommoventi ħafna meta animaw Quddiesa fil-Bazilka San Franġisk t’Assisi u fil-kappella fil-Vatikan ddedikata lil San Piju X , patrun ta’ Santa Luċija.

kor2Għalhekk il-kunċert ta’ din is-sena fil-Bavarja ma kienx l-ewwel wieħed tagħhom barra minn Malta u lanqas ma kien l-ewwel darba li Liederkor u l-Joy Gospel Singers kantaw flimkien.  F’Marżu tas-sena li għaddiet il-kor mill-Bavarja kien ġie Malta u ħa sehem f’kunċert flimkien mal-kor Malti fil-Knisja Kolleġġjata San Lawrenz fil-Birgu, kunċert li ra attendenza numeruża u li kien apprezzat ħafna mill-udjenza preżenti.

Kienet din l-imħabba għall-mużika li għal darb’ohra laqqat liz-żewġ korijiet, din id-darba ġewwa Aichach fil-Bavarja.  Il-koristi Maltin ingħataw merħba sabiħa minn Liederkor u mis-Sindku ta’ Aichach u ġew akkumpanjati jżuru l-partijiet storiċi ta’ din il-belt qadima. Iżda l-qofol ta’ din iż-żjara fil-Bavarja kien il-kunċert f’Aichacher Pfarrzentrum fit-18 ta’ Lulju li ra l-parteċipazzjoni ta’ Leiderkor, il-kor Bavarjan taħt it-tmexxija ta’ Josef Putz, Joy Gospel Singers taħt it-tmexxija ta’ Michelle Abela u Bauernmusi, banda Bavarjana.

Għalkemm il-korijiet u l-banda kellhom l-istili speċifiċi tagħhom il-kumbinazzjoni ta’ tlett elementi flimkien ħolqu effett tant brijuz. L-udjenza li ġiet issegwi dan l-avveniment malajr iddakkret mill-entużjażmu u l-ferħ li ħolqu Joy Gospel Singers u bdiet iċċapċap mar-ritmu tal-mużika u tkanta wħud mill-versi popolari. Kienu sagħtejn tassew pjaċevoli li ħadd ma xtaq li jispiċċaw.

L-applaws wara kull interpretazzjoni kien qawwi u spontanju u wara standing ovation u encore, dawk preżenti kienu ħerqana għal aktar. Għall-Maltin l-interess u l-apprezzament li wriet l-udjenza għall-għanjiet bl-ilsien Malti bħal Tigi Saltnatek kienu tassew il-quċċata tas-suċċess tagħhom. Kienet  ukoll esperjenza sabiħa għall-membri tal-korijiet minħabba li kantaw flimkien xi għanjiet kemm fuq stil gospel kif ukoll fuq stil aktar klassiku.

Joy Gospel Singers ħadu sehem f’Quddiesa fil-Knisja Tal-Pjetà Mirakuluża f’Sielenbach.  Fi  knisja mballata nies għall-Quddiesa u b’akkustika kif taf toħloq knisja Barokka, l-innijiet li kantaw Joy Gospel Singers biex animaw din il-Quddiesa ħolqu ġabra spiritwali profonda u emozzjonijiet qawwija tant li, meta wasal it-tmiem taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika,  il-kongregazzjoni infexxet f’applaws twil u spontanju u baqgħet hemm f’postha għax xtaqet tisma’ aktar mill-innijiet tal-koristi  Maltin.

Tabilħaqq nistgħu niddiskrivu din l-esperjenza bħala Happy Day, l-isem ta’ waħda mill-għanjiet li l-kor interpreta fl-art Bavarjana, għax din iż-żjara ta’ Joy Gospel Singers kienet tassew ċelebrazzjoni ta’ ferħ bejn il-membri taż-żewġ korijiet.  Fuq kollox, dawn il-jiem fil-Bavarja taw l-opportunità lil Joy Gospel Singers li jfaħħru lil Alla, ixerrdu l-Bxara T-Tajba permezz ta’ kant ferrieħ u jħeġġu lil min jismagħhom b’kelma ta’ kuraġġ u b’raġġ dawl ta’ tama fejn il-fidi bdiet tnin. B’hekk għal darb’ohra il-kor Malti wettaq fil-milja kollha tiegħu il-mission statement li fuqu bena s-sisien tiegħu.

tescascar@gmail.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: