Home > Leħen is-Sewwa > SE JINTLAQTU T-TFAL

SE JINTLAQTU T-TFAL


Dun Anġ Seychell

F’waħda mill-gazzetti li joħorġu bl-Ingliż kien hemm l-aħbar li l-Moviment Malti għall-Jeddijiet tal-Omosesswali għadda pubblikazzjonijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex dawn jitqassmu fl-iskejjel. Intqal li dawn il-pubblikazzjonijiet jitkellmu dwar id-diversità fil-familji u r-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess bil-għan li dawn l-ideat jibdew isiru normali fl-iskejjel.

Fi kliem ieħor se jintlaqtu t-tfal fl-iskejjel. Allura jidħlu fil-kwistjoni l-ewwelnett il-ġenituri, l-ewwel nies responsabbli minn uliedhom; jidħlu l-għalliema li jgħallmuhom u l-metodu li bih jgħallmuhom. F’dal-qasam hemm il-maġġuranza u hemm il-minoranza. It-tnejn mgħobbija b’responsabbiltajiet lejn l-ulied li jirċievu l-edukazzjoni tagħhom fl-istess klassijiet.

Il-maġġuranza żgur li tikkonsisti f’dawk it-tfal li bħala ġenituri għandhom omm u missier. Dawn iridu juru r-rispett tagħhom lejn it-tfal l-oħra tal-klassi li għandhom ġenituri ta’ sess wieħed, bla ma jgħajruhom u lesti jgħinuhom u jqisuhom daqshom f’kollox. Imma l-minoranza għandha wkoll responsabbiltà li ma tinfluwenzawx lit-tfal tal-maġġuranza b’letteratura li tmur kontra l-konvinzjonijiet reliġjużi tal-familji tagħhom.

Il-jedd tal-ġenituri

Issa li se jintlaqtu t-tfal permezz tal-kotba trid tkun ċara li f’dan il-qasam il-ġenituri għandhom il-jedd li jsiru jafu wliedhom x’qed jitgħallmu kif ukoll il-jedd li jinsistu li wliedhom ma jkunux suġġetti għal tagħlim li jmur kontra l-konvinzjonijiet tagħhom.

Qed ngħid dan għax niftakar meta fi programm televiżiv intqal mill-persuna responsabbli li issa t-tfal fl-iskejjel se jkollhom iċ-ċans jagħżlu. Jistgħu jagħżlu li jkollhom omm u missier u jistgħu jagħżlu omm 1 u omm 2 jew missier 1 u missier 2.

Għalina l-Insara din l-għażla ma teżistix. Għalina fil-pjan ta’ Alla jeżisti missier u omm imma jekk għal raġuni jew oħra ċerti tfal qed jitrabbew minn żewġ nisa jew żewġt irġiel, xorta għandhom igawdu l-benefiċċji li tagħti l-edukazzjoni basta dawn it-tfal ma jħossuhomx diskriminati għax m’għandhomx omm u missier bħall-maġġuranza tat-tfal sħabhom fil-klassi.

Il-ġenituri u l-għalliema għandhom mistoqsija x’jagħmlu – dil-letteratura se titqassam jew se tasal għand it-tfal kollha jew biss għand dawk li għandhom ġenituri tal-istess sess? L-għalliema għandhom l-union tagħhom, l-MUT, biex tagħtihom tweġiba u l-ġenituri suppost li għandhom il-Kunsill Għalliema u Ġenituri li jeżisti f’kull skola.

Mhix kwistjoni ta’ għażla

Mhix kwistjoni ta’ għażla min-naħa tat-tfal. Hi kwistjoni ta’ rispett lejn il-konvinzjonijiet differenti tal-ġenituri. Il-konvinzjoni tagħna hi li t-tfal għandhom bżonn is-sehem ta’ raġel u mara li jkunu ommhom u missierhom.

Aħna nirrispettaw lil dawk li għandhom sitwazzjonijiet differenti imma ma rridux li xi ħadd jgħallem lit-tfal tagħna li għalihom xorta waħda jekk jagħżlu bħala ġenituri omm u missier jew omm u omm jew missier u missier. Mhix kwistjoni ta’ għażla!

Tajjeb li l-pubbliku Malti jkun jaf li wara ċerti żviluppi u tibdiliet fis-soċjetà Maltija hemm lobbying qawwi fis-swali u fil-kurituri tal-Unjoni Ewropeja. Hu magħruf kemm hu qawwi l-lobby omosesswali li jfisser ikollok nies li timbuttahom biex jivvotaw mod u oħrajn li twarrabhom għax jivvotaw mod ieħor. Ifisser ikollok il-flus biex lid-Deputati Ewropej toffrilhom vjaġġi b’xejn, għajnuna fil-karriera, rigali sbieh, offerti ta’ impjieg u anke flus!

Dan il-lobbying iseħħ f’ħafna oqsma. Deher fil-qasam tat-tabakk u s-sigaretti, deher f’diversi oqsma oħrajn tal-industrija, jinħass fil-kwistjoni tal-bidla fil-klima u anki fil-qasam tal-omosesswalità. Hu kkalkulat li madwar 785 Deputat Ewropew hemm iduru magħhom mhux inqas minn 15,000 lobbyista, uħud minnhom akkreditati u reġistrati bħala lobbyisti u l-oħrajn impjegati tagħhom fi Strasbourg, fil-Lussemburgu u fi bliet Ewropej oħra.

Ma’ dawn irridu nikkumbattu u bir-rispett kollu imma b’għajnejna miftuħa.

dunangseychell@lehenisssewwa.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: