Home > Leħen is-Sewwa > Riżorsa umana li pajjiżna għandu bżonn Charlie Mifsud, Chairperson Fondazzjoni RISe

Riżorsa umana li pajjiżna għandu bżonn Charlie Mifsud, Chairperson Fondazzjoni RISe


Fit-22 ta’ Lulju l-Fondazzjoni RISe fetħet paġna ġdida fl-istorja tas-socjetà tagħna.  Dar Sister Maria Adele Baldacchino lesta biex tibda l-mixja tagħha fi proġett.  Il-Fondazzoni RISe ilha dawn l-aħħar sentejn tibni l-istrutturi neċessarji għal dal-proġett. Fl-ewwel sena ħadmet fuq awareness u strutturi għall-programm residenzjali u fit-tieni sena, filwaqt li komplejna nikkonsultaw ma’ individwi, għaqdiet u organizzazzjonijiet anki barranin, żidna x-xogħol biex nirranġaw ir-residenza mgħoddija lilna mill-Gvern ħalli fiha jibda jingħata programm residenzjali għal dawk ir-residenti fil-Faċilità Korrettiva biex, sena qabel it-tmiem tas-sentenza, jibdew jippreparaw ruħhom għal meta  jerġgħu  jkunu fis-soċjetà.

L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. jaqra t-TALBA TA’ BARKA FUQ ID-DAR, IR-RESIDENTI U L-ħADDIEMA ta’ DAR SISTER MARIJA ADELE BALDACCHINO, SORU TAL-KARITà TA’ SANTA GIOVANNA ANTIDA THOURET, li nfetħet fIL-BELT VALLETTA mill-Fondazzjoni RISe L-ERBGħA 22 TA’ LULJU. Jidhru (mix-xellug għal-lemin) Fr. Martin Micallef, il-Provinċjal tal-Patrijiet Kappuċini; il-Ministri Carmelo Abela u Michael Farrugia; Fr Franco Fenech OFM Cap u s-Sur Charlie Mifsud, Direttur u Chairperson, rispettivamnt, tal-Fondazzjoni RISe u Sister Marija Adele Baldacchino.

F’din is-sena r-resident se jaħdem bl-għajnuna ta’ persuni professjonali biex jinqala’ mill-ambjent ta’ istituzzjoni u rutina kontinwa u jibda jippjana għaż-żmien li ġej. Forsi mhux kulħadd jirrealizza kemm hi diffiċli l-bidla minn ambjent għall-ieħor, minn post magħluq għal post fil-beraħ u minn istituzzjoni u rutina li tkun għext fihom għal żmien.

Din mhix bidla diffiċli biss għal min ikun ħiereġ mill-ħabs  iżda hi bidla kbira u diffiċli għal dawk ta’ madwarhom ukoll. Jekk din hi bidla kbira għal dawk li se jsibu familja tilqgħhom kemm hi iebsa iżjed għal dawk li mhu se jsibu lil ħadd jew  għal dawk li se jħabbtu l-bibien għax-xogħol u se jsibuhom magħluqin f’wiċċhom.

Dawn huma ftit eżempji li s-soċjetà trid taħseb fuqhom għax  jekk wieħed jaħseb li min ikun il-ħabs jitlef biss il-libertá ma jkunx qed jara u jifhem il-konsegwenzi kollha.

Tpattija

Ħafna jaraw biss iż-żmien. Is-snin kemm wieħed weħel ħabs. B’dan l-aġir, is-soċjetà tkun biss qed tikkuntenta bi tpattija li ma twassal imkien. Is-soċjetà trid tifhem, bħalma qed jifhmu ħafna oħra, li bit-tpattija biss ma naslux. Trid tifhem li jekk mat-tpattija ma jingħaqadx l-eliment ta’ riabilitazzjoni nissugraw li l-individwu jerġa’ jagħmel reati ġodda. Dan ifisser li se jkollna vittmi ġodda.

Dawn l-individwi, għaqdiet, entitajiet governattivi u privati  qed jifhmu li ġustizzja lejn is-soċjetà mhix biss li tintbagħat persuna l-ħabs imma li naħdmu biex ma terġax tidħol. Għalhekk inħeġġeġ biex is-soċjetà tagħna tkun iżjed miftuħa għal min jiżbalja u jħallas tal-iżball filwaqt li juri ħeġġa u motivazzjoni ta’ bidla.

Inħeġġeġ lill-media biex tkun iżjed responsabbli fil-mod kif ixxandar l-aħbar. Mhux biżżejjed jissemma l-isem u l-kunjom tal-persuna? Hemm bżonn jissemma’ ukoll il-laqam? Hemm bżonn nerġgħu nsemmu kemm-il reat għamel fil-passat wara li jkun ħallas ta’ għemilu? Ma’ dik il-persuna hemm marbuta familja, mara u tfal, li ħafna drabi huma wkoll jisfaw vittmi tar-reat u jieħdu fuqhom il-konsegwenzi u t-toqol tal-istigma.

Appell

Nappella l-Gvern biex ma jagħlaqx il-bibien kollha,  speċjalment tax-xogħol, lil persuni li jkunu l-ħabs. Inħeġġeġ biex naraw il-ħiliet u t-talenti ta’ dawn il-persuni (mhux waqt li jkunu l-ħabs biss), għax dawn ukoll huma riżorsa umana li pajjiżna tant għandu bżonn.

Hemm il-bżonn li jiġu mogħtija iżjed sentenzi ta’ xogħol fil-komunità u mhux inbiegħdu n-nies mix-xogħol b’konsegwenza li ma jaħdmu qatt iżjed u għalhekk ikunu f’riskju ta’ faqar, piż fuq is-soċjetà u jiddependu mis-servizzi soċjali. Forsi wasal iż-żmien li nerġgħu nevalwaw is-sistema tal-parole biex naraw jekk hix qed tilħaq l-iskop tagħha u jekk l-istrutturi marbuta magħha humiex jaħdmu kif meħtieġ.

Tajjeb nevalwaw is-sentenza ta’ għomor il-ħabs mingħajr iċ-ċans li wieħed japplika għall-parole. Dan l-aħħar, f’diskors li l-Papa Franġisku għamel, iddiskriva s-sentenza ta’ għomor il-ħabs bħala mewt moħbija. Is-sentenza ta’ għomor il-ħabs hi f’kontradizzjoni mal-isem ta’ Faċilità Korrettiva. Hi sentenza bbażata biss fuq tpattija u mhux fuq riabilitazzjoni.

Ix-xogħol hu dritt u jagħti d-dinjità lill-persuna u għalhekk il-Fondazzjoni se taħdem biex kemm jista’ jkun, bl-appoġġ tas-socjetà inġenerali, waqt il-programm ir-residenti jsibu x-xogħol.

Kif wieħed jiftaħ il-bieb tal-ewwel residenza tagħna se jara l-kapaċitajiet u l-ħila ta’ nies fil-Faċilità Korrettiva. Nistqarr li hekk kif dħalt l-ewwel darba f’din id-dar rajt mixja twila u spejjeż kbar. Din id-dar riedet tiġi rranġata biex tkun konformi  mal-iskop u s-servizz li se toffri. Dan żied l-ispejjeż għax tajna attenzjoni mhux biss fuq il-binja iżda wkoll lill-għamara u l-aspett ta’ sigurtà.

Illum il-Fondazzjoni RISe lestiet ix-xogħol kollu b’responsabbiltà u flimkien mal-amministrazzjoni tal-Faċilità  Korrettiva u l-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali se tibda l-proċess tal-għażla biex il-proġett ma nħalluhx biss fuq il-karti.

Kull att kriminali jħalli l-vittmi warajh u għalhekk għandna r-responsabbiltà li naħdmu biex nipproteġu lis-soċjetà. Irridu nipproteġu l-vittmi mhux biss billi nagħtu l-kastig lil min wettaq ir-reat jew li nagħtu l-għajnuna wara li xi ħadd ikun safa vittma iżda li naħdmu ma’ dawk li, għal raġunijiet diversi, qed ikunu kostretti jwettqu reati kriminali.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: