Home > Leħen is-Sewwa > Ragħaj skont il-qalb ta’ Alla

Ragħaj skont il-qalb ta’ Alla


Il-Knisja ċċelebrat it-tifkira ta’ San Ġwann Marija Vianney, patrun tal-kappillani kollha tad-dinja, it-Tlieta. Dakinhar ukoll, 150 sena wara mewtu, il-Qaddis Kurat ta’ Ars jibqa’ persuna ta’ attwalità kbira għas-saċerdoti u f’ħafna aspetti jfakkar l-istil pastorali tal-Papa Franġisku.

Ġannmari Vianney twieled ħdejn Lyons, Franza, fl-1786, tliet snin qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Ta’ 13-il sena rċieva l-Ewwel Tqarbina bil-moħbi fir-razzett ta’ missieru waqt li l-ħaddiema baqgħu jaħdmu bħas-soltu biex ma jiġbdux l-attenzjoni tal-Awtorita’ Rivoluzzjonarja.

Fl-1804, meta kellu 18-il sena, wera lil missieru x-xewqa li jsir qassis. Sa dak iż-żmien kien jaħdem fir-razzett ta’ missieru. Sentejn wara beda jattendi skola żgħira li Abbè Balley kien fetaħ għall-abbatini.

Fl-1809 sejħulu bil-lieva u sentejn wara daħal is-Seminarju biex jibda l-filosofija u imbagħad it-teoloġija. Fl-istudju ma kien tajjeb xejn iżda fil-qdusija kien jgħaddi lil kulħadd. Kien mudell ta’ żagħżugħ tajjeb. Fl-1815, ta’ 29 sena, ġie ordnat saċerdot u mar bħala assistent ta’ Abbè Balley.

Fl-1817 inbagħat bħala Kappillan tar-raħal ta’ Ars bi 370 ruħ li kellhom antipatija kbira lejn ir-reliġjon. Ħafna minnhom ma kienux jisimgħu Quddies. Kienu mehdijin wisq bil-ħwejjeġ tad-dinja. Fir-raħal kien hemm numru ta’ ħwienet tax-xorb u tad-divertiment.

Bil-mod, bit-talb, bil-viżti lill-familji u b’attivitajiet reliġjużi, hu rnexxielu jikkonverti ħafna minnhom u l-ħwienet tax-xorb u tad-divertiment bdew jagħlqu.

Fl-1824, bil-għajnuna ta’ żewġ xebbiet, fetaħ skola b’xejn għall-bniet li wara saret l-istitut La Providence għat-tfal orfni u abbandunati. Dawk li kienu jieħdu ħsiebu ma kellhomx salarju.

Il-fama qaddisa ta’ dan il-qassis ħarġet barra mir-raħal u nxterdet fil-bogħod saħansitra barra Franza. Ars sar ċentru tal-pellegrinaġġi.

Wasal żmien meta kienu jaslu f’Ars iktar minn 300 pellegrin kuljum, għonja u foqra, qaddisin u midinbin, kbarat u mhumiex. Kien iqatta’ tnax-il siegħa kuljum fil-konfessinarju fix-xitwa u sittax-il siegħa fis-sajf.

Il-Kurat ta’ Ars, kif kien sar magħruf, għamel 42 sena f’din il-ħajja sakemm miet fl-4 ta’ Awissu 1859. Ġie kkanonizzat fl-1925.

Nhar it-Tlieta l-Knisja ħeġġet l-Insara kollha biex jitolbu għas-saċerdoti kollha b’mod speċjali għal dawk li għandhom f’idejhom it-tmexxija tal-parroċċi. Nitolbu biex il-kappillani jkunu rgħajja skont il-qalb ta’ Alla li juru ħniena u jgħixu qrib il-poplu tagħhom.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: