Home > Leħen is-Sewwa > Quo Vadis, Malta?

Quo Vadis, Malta?


J.M. Bonnici

Kull min isegwi l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali – gazzetti u stazzjonijiet televiżivi – ma jistax ma jinteressax ruħu fl-ideat li jingħadu u x’qed jinħeba għas-soċjetà Maltija t’għada.  Illum hemm ħafna u ħafna artikli u xandiriet li għandhom biss motivazzjonijiet partiġġjani u li jġorru preġudizzji antiki. Ikun hemm artikli oħra dwar problemi t’attwalità, wħud miktuba minn nies ta’ esperjenza u esperti fil-qasam tagħhom. Min jemmen fil-valuri veri jagħmel sew li jagħti l-kontribut tiegħu u ma jibżax jistqarr dak li jemmen fih. Kultant jiġri li min ma jkollux ħafna x’jgħid jagħmel ħafna storbju waqt li nies li jistgħu jagħtu kontribut intelliġenti joqogħdu lura.

In-Nisrani għandu jħoss id-dmir tiegħu li jagħti kontribut biex pajjiżna jibqa’ jgħożż dawk il-valuri li sawru lil Malta tal-imgħoddi. Il-ġejjieni maqtugħ għal kollox mill-imgħoddi joħloq karikatura ta’ nazzjon u jidfen l-identità tal-pajjiż.

Artiklu

Artiklu interessanti li għandu jiftaħ l-għajnejn kien dak li deher fit-Times of Malta tas-27 ta’ Lulju. Kien jismu Civil right to objectify women miktub minn Dr. Kevin Aquilina.

L-artikolista hu d-dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u ta kontribut siewi u mhux partiġġjan f’diversi kwistjonijiet. L-artiklu jitkellem fuq l-Abbozz ta’ Liġi Nru 113 tal-2015 propost mill-Gvern. Jgħid li dan l-abbozz “kuntrarju għal-liġijiet ta’ qabel u miżuri amministrattivi li ħa dan il-Gvern biex in-nisa jieħdu sehem iżjed fil-ħajja tas-soċjetà “jiddikriminalizza l-pornografija bil-konsegwenza tad-dehumanisation of women. B’dan il-mod hu affront dirett għad-dinjità tal-mara u għad-drittijiet tan-nisa. Qed ngħixu”, jgħid l-artikolista, “f’soċjetà materjali u konsumistika li tpoġġi l-flus fil-quċċata tal-valuri. Valuri oħra bħad-dinjità umana jidhru – skont l-Abbozz 113 – ta’ importanza sekondarja”. Spiċċa l-artiklu billi stieden għar-reazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tan-nisa anki dawk fi ħdan il-partiti u staqsa jekk dawn, bis-silenzju tagħhom, jaqblux mal-Abbozz jew bl-attivitajiet tagħhom jopponuh bil-qawwa.

Dmir

Hu dmir tal-leġislatur li jisma’ u jiżen bis-serjetà opinjonijiet bħal dawn. Hu dmir tal-politiċi kollha taż-żewġ naħat li ma jimxux fuq il-linji tal-partit li ġieli jkunu ddettati mill-konvenjenza politika imma li jsegwu l-kuxjenza tagħhom iffurmata tajjeb.

Dan l-aħħar fuq l-istazzjon televiżiv TV2000 kien hemm film fuq Thomas A. Beckett: A man for all seasons. Meta rajtu, f’qalbi għedt kemm nixtieq li għandna politiċi Maltin ta’ din il-fibra u rġulija. Sfortunatament, dan l-aħħar tiltaqa’ ma’ politiċi li fil-privat jistqarru li ma jaqblux mal-liġijiet li saru imma fil-mument tal-vot ivvutaw skont il-konvenjenza politika.

Darba kien hemm xi ħadd li stqarr li fl-ewwel stadju vvutat skont il-kuxjenza u fit-tieni qari bħala politiku! Għal min jemmen verament il-kuxjenza hi l-aqwa tribunal u ma titpartax mal-voti jew mar-rispett uman quddiem pressjonijiet li jsiru.

Abort

Dan l-aħħar beda jberraq sew fuq l-abort. Ifforma ruħu grupp biex jaħdem għal proposta ta’ leġislazzjoni dwar l-abort u ħareġ l-ewwel stqarrija. Dan kien prevedibbli fil-mewġa ta’ liberalizzazzjoni li nfetħet bid-divorzju kif kienu jgħidu dawk kontra d-divorzju.

Minflok, dak iż-żmien, dawn ġew akkużati b’diżonestà għax qalu hekk. Għal din l-organizzazzjoni msejjħa Pro-choice irreaġixxa Ivan Padovani, membru ta’ Pro-Life Network b’artiklu fil-ħarġa tat-Times tad-29 ta’ Lulju. L-artiklu intitolat the puerile demand to kill ikkonfronta l-argument fl-istqarrija tal-moviment Pro-choice u jsejħilha a transparently deceptive effort li jemmen li tiġi ttrattata with the contempt it deserves. Sadattant, l-Onorevoli Deborah Schembri kitbet artiklu f’l-Orizzont tat-30 ta’ Lulju fejn stqarret bla tlaqliq li hi temmen li “l-ħajja tibda mal-konċepiment” u li hi kontra leġislazzjoni ġdida f’dan il-qasam.

Meta taqra l-artiklu tifhem li jekk xi darba – nisperaw li ma jkun qatt – tiġi proposta l-leġislazzjoni tal-abort, hi tivvota kontra, ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi.

Malta

Dan kollu juri li Malta qiegħda f’salib it-toroq. Dun Anġ Seychell fl-artiklu tiegħu f’din il-gazzetta tas-26 ta’ Lulju ikkwota l-poeżija ta’ Dun Karm Psaila u semma’ s-semm li daħal fil-ħajja tas-soċjetà tagħna u li donnu dejjem iżjed jinfirex.

Hu l-mument tal-verità. In-Nisrani f’mumenti bħal dawn jisma’ s-sejħa kontinwa Stand up and be counted. Jeħtieġ li lkoll nagħmlu l-parti tagħna bl-għodod li toffrilna s-soċjetà demokratika. Is-silenzju, il-passività u n-nuqqas ta’ interess ifissru kompliċità f’dak li qed isir fl-oqsma kollha tas-soċjetà: fil-politika, fil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, fil-ħajja soċjali u fil-ħajja tal-familja.

Irridu nistqarru b’kuraġġ dak li nemmnu fih u nagħtu sehemna biex niddifenduh. Il-mistoqsija li tiġi f’moħħok hi dik li spiss tintuża: Quo vadis Malta? Malta lil fejn miexja lejn soċjetà li qed tiżra l-qerda u twarrab kull għarfien tat-tajjeb u l-ħażin jew lejn soċjetà li fir-rispett ġenwin tal-awtonomija tal-istituzzjonijiet tgħożż il-valur ta’ dak li hu tajjeb u żżomm fiċ-ċentru d-dinjità vera tal-bniedem?

jmbonnici@lehenissewwa.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: