Home > Editorjal, Leħen is-Sewwa > Mistoqsijiet bażiċi li jridu jiġu mwieġba

Mistoqsijiet bażiċi li jridu jiġu mwieġba


L-Editorjal

Kollox jiddependi min-nuċċali li bih inħarsu lejn il-bniedem u l-ġrajjiet tal-ħajja. Jekk l-ideali tagħna huma l-flus, il-pjaċir bla rażan u s-setgħa, allura tifhem x’qed jiġri fis-soċjetà tal-lum. Jekk l-ideal tagħna hu l-bniedem u r-rispett tad-dinjità tiegħu, allura hemm ħafna affarijiet li hemm bżonn jiġġeddu fid-dinja ta’ madwaru. 

Għalhekk jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet importanti: is-soċjetà li qed ngħixu fiha fejn se twassalna? Il-progress – li għall-grazzja ta’ Alla għandna f’tant oqsma – qed jgħin lill-bniedem jgħix aħjar? U biex il-bniedem jgħix aħjar qed jegħleb is-solitudni li tant taħkem fid-dinja tal-lum?

Ir-relazzjonijiet bejn il-membri tas-soċjetà huma l-qofol tal-veru progress. X’jiswa jekk ikollna ħafna affarijiet u mbagħad m’aħniex kapaċi ngħixu bejnietna u nibnu soċjetà li fiha nħossuna lkoll aħwa?

Dan jgħodd għall-oqsma kollha tal-ħajja. Nieħdu l-politika. Sfortunatament, il-politika lokali spiċċat taqtigħa bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Min jikxef l-iżjed skandli u allegazzjonijiet fuq l-ieħor. Flok diskorsi li juru lejn fejn irridu nimxu, fl-interventi tal-Ħadd il-mexxejja politiċi ħafna drabi mhumiex ħlief jattakkaw lil xulxin.

Anki hawn hemm bżonn nistaqsu mistoqsijiet bażiċi.

Il-politika ma tfissirx biss proġetti u żvilupp li jissejjaħ sostenibbli għalkemm mhux dejjem ikun. Il-politika għandha tkun konfront b’rispett lejn is-soċjetà li rridu noħolqu. X’pajjiż irridu nagħtu lill-ġenerazzjoni ta’ warajna?

L-istess għall-media. Ħafna drabi f’gazzetti, fi stazzjonijiet tat-TV u tar-radju u fuq siti elettroniċi jkun hemm aħbarijiet li joħolqu sensazzjoni u oħrajn manipulati skont l-aġenda tal-mezz li jkun. Isir ħafna diskors fuq il-libertà tal-ġurnalisti u d-drittijiet tagħna iżda mhux tant fuq ir-responsabbiltà li nġorru fil-mod kif nittrasmettu l-aħbar. Anki hawn, tajjeb li kieku nieqfu u nirriflettu fuq il-missjoni tal-media u tal-ġurnalisti. Anki hawn hemm bżonn nistaqsu mistoqsijiet bażiċi!

Categories: Editorjal, Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: