Home > Leħen is-Sewwa > Il-karità mhix sempliċi assitenza u lanqas hi għajnuna biex wieħed iraqqad il-kuxjenza.

Il-karità mhix sempliċi assitenza u lanqas hi għajnuna biex wieħed iraqqad il-kuxjenza.


L-għajnuna mogħtija mill-Papa taħdem bla mistrieħ l-aktar fis-sajf. Dan qalu Monsinjur Konrad Krajewski, l-elemożinier tal-Papa, li fakkar li għall-karità mhemmx vaganzi u l-impenn favur il-foqra jibqa’ għaddej bla waqfien.  Il-Papa Franġisku jsostni li l-karità mhix sempliċi assitenza u lanqas hi għajnuna biex wieħed iraqqad il-kuxjenza. Le, dik mhix imħabba. Dak hu negozju!

L-imħabba, jisħaq il-Papa, hi mogħtija bil-gratwità. Il-karità, l-imħabba, huma għażla tal-ħajja, mod kif wieħed iġib ruħu u jgħix. Hi t-triq tal-umiltà u tas-solidarjetà. Mhemmx triq oħra għal imħabba bħal din.

Il-Papa qal dan id-diskors waqt il-vjaġġ li għamel f’Cagliari, l-Italja, fit-22 ta’ Settembru 2013 u huma l-gwida ta’ min qatta’ jew qed jagħti ħajtu għall-foqra.

Monsinjur Krajewski flimkien mal-voluntiera, mas-sorijiet ta’ Madre Tereża u l-Gwardji Żvizzeri qed ikompli jwassal it-tmellisa tal-Papa. Ta’ kuljum fix-showers li nbnew ħdejn il-kolonnat ta’ San Pietru madwar 140 ruħ mingħajr dar jitolbu biex jinħaslu. Il-foqra, jirrakkonta l-Arċisqof, żdiedu minħabba dis-sħana. Minn xi xhur ‘il hawn ix-showers qed jibqgħu miftuħa kuljum mis-7 a.m. sas-6 p.m. Nhar ta’ Erbgħa jinfetħu fis-1 p.m. wara li tintemm l-udjenza ġenerali. Il-Ħadd imbagħad jingħalqu għal madwar sagħtejn f’ħin marbut mal-Angelus.

Il-voluntiera jagħtu l-meħtieġ għall-iġjene personali – xugamani, sapun u deodorant – u tibdila nadifa. Ikunu preżenti wkoll il-barbiera biex jaqdu l-ħtiġiet tal-foqra.

Monsinjur Krajewski afferma li huma joħorġu kuljum filgħaxija għax ħafna mir-rifettorji pubbliċi ma jagħtux servizz regolari fis-sajf u għalhekk huma jmorru fejn l-istazzjon ewlieni tal-ferroviji, Stazione Termini jew fl-istazzjon Tiburtina biex jieħdu l-ikel li jinxtara mill-flus li jinġabru mill-offerti tal-parċmini tal-barkiet tal-Papa.

Kull ġimgħa jinxtara l-ikel biex imbagħad jitqassam lil min għandu bżonnu. Aħna, qal l-Arċisqof, l-assistenza immedjata tal-Papa meta nissejħu f’xi emerġenza kif ġara lill-Eritrej fiż-żona Romanina, immorru mill-ewwel.

Sadattant, fi Triq il-Penitenzieri, passejn bogħod minn Via della Conciliazione u mill-knisja Santu Spirtu f’Sassia, id-dormitorju għal min m’għandux saqaf, kważi lest. Ix-xogħol wasal fl-aħħar u mbagħad anki din l-istruttura tkun qiegħda għad-dispożizzjoni ta’ min ikollu bżonnha.

Din hi karità skont l-istil tal-Papa Franġisku. Mhix newtra, steriliżżata, indifferenti, bierda jew imparzjali. Il-karità, qal il-Papa Franġisku fil-15 ta’ Frar li għadda waqt l-omelija fil-Quddiesa flimkien mal-Kardinali l-ġodda, tniġġes, tqanqal, tirriskja u ssaħħar li dak li jkun.

Ragħaj skont il-qalb ta’ Alla

Il-Knisja ċċelebrat it-tifkira ta’ San Ġwann Marija Vianney, patrun tal-kappillani kollha tad-dinja, it-Tlieta. Dakinhar ukoll, 150 sena wara mewtu, il-Qaddis Kurat ta’ Ars jibqa’ persuna ta’ attwalità kbira għas-saċerdoti u f’ħafna aspetti jfakkar l-istil pastorali tal-Papa Franġisku.

Ġannmari Vianney twieled ħdejn Lyons, Franza, fl-1786, tliet snin qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Ta’ 13-il sena rċieva l-Ewwel Tqarbina bil-moħbi fir-razzett ta’ missieru waqt li l-ħaddiema baqgħu jaħdmu bħas-soltu biex ma jiġbdux l-attenzjoni tal-Awtorita’ Rivoluzzjonarja.

Fl-1804, meta kellu 18-il sena, wera lil missieru x-xewqa li jsir qassis. Sa dak iż-żmien kien jaħdem fir-razzett ta’ missieru. Sentejn wara beda jattendi skola żgħira li Abbè Balley kien fetaħ għall-abbatini.

Fl-1809 sejħulu bil-lieva u sentejn wara daħal is-Seminarju biex jibda l-filosofija u imbagħad it-teoloġija. Fl-istudju ma kien tajjeb xejn iżda fil-qdusija kien jgħaddi lil kulħadd. Kien mudell ta’ żagħżugħ tajjeb. Fl-1815, ta’ 29 sena, ġie ordnat saċerdot u mar bħala assistent ta’ Abbè Balley.

Fl-1817 inbagħat bħala Kappillan tar-raħal ta’ Ars bi 370 ruħ li kellhom antipatija kbira lejn ir-reliġjon. Ħafna minnhom ma kienux jisimgħu Quddies. Kienu mehdijin wisq bil-ħwejjeġ tad-dinja. Fir-raħal kien hemm numru ta’ ħwienet tax-xorb u tad-divertiment.

Bil-mod, bit-talb, bil-viżti lill-familji u b’attivitajiet reliġjużi, hu rnexxielu jikkonverti ħafna minnhom u l-ħwienet tax-xorb u tad-divertiment bdew jagħlqu.

Fl-1824, bil-għajnuna ta’ żewġ xebbiet, fetaħ skola b’xejn għall-bniet li wara saret l-istitut La Providence għat-tfal orfni u abbandunati. Dawk li kienu jieħdu ħsiebu ma kellhomx salarju.

Il-fama qaddisa ta’ dan il-qassis ħarġet barra mir-raħal u nxterdet fil-bogħod saħansitra barra Franza. Ars sar ċentru tal-pellegrinaġġi.

Wasal żmien meta kienu jaslu f’Ars iktar minn 300 pellegrin kuljum, għonja u foqra, qaddisin u midinbin, kbarat u mhumiex. Kien iqatta’ tnax-il siegħa kuljum fil-konfessinarju fix-xitwa u sittax-il siegħa fis-sajf.

Il-Kurat ta’ Ars, kif kien sar magħruf, għamel 42 sena f’din il-ħajja sakemm miet fl-4 ta’ Awissu 1859. Ġie kkanonizzat fl-1925.

Nhar it-Tlieta l-Knisja ħeġġet l-Insara kollha biex jitolbu għas-saċerdoti kollha b’mod speċjali għal dawk li għandhom f’idejhom it-tmexxija tal-parroċċi. Nitolbu biex il-kappillani jkunu rgħajja skont il-qalb ta’ Alla li juru ħniena u jgħixu qrib il-poplu tagħhom.

Saru l-ewwel funerali tat-traġedja tat-trakkijiet li fiha nqatlu 27 pellegrin.

Il-Papa Franġisku bagħat il-kondoljanzi tiegħu wara t-traġedja li seħħet l-Erbgħa fil-belt ta’ Mazapil.

F’messaġġ lill-Isqof ta’ Zacatecas, Sigifredo Noriega Barceló, is-Segretarju tal-Istat għall-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, qal li l-Papa Franġisku tnikket meta sema’ bl-aħbar tal-inċident traġiku u  “offra t-talb għall-mistrieħ ta’ dejjem lil dawk li mietu”.

43 persuna għadhom qed jinżammu fl-isptarijiet. Għaxra minnhom jinsabu f’qagħda gravi filwaqt li persuna minnhom tinsab f’qagħda kritika.
L-inċident seħħ fil-belt ta’ Mazapil fl-istat fit-Tramuntana ta’ Zacatecas l-Erbgħa b’uħud mill-vittmi diġà indifnu. L-awtoritajiet qalu li l-brejkijiet tat-trakk li kien qed iġorr materjal tal-bini ma bdewx jiffunzjonaw u t-trakk baqa’ dieħel fil-purċissjoni tal-pellegrini.

Il-pellegrini kienu qed jiċċelebraw il-festa tal-qaddis patrun tagħhom, Ġesù ta’ Nazzaret.

It-trakk li tilef il-kontroll baqa’ dieħel b’saħħa kbira f’għexieren ta’ devoti u imbagħad f’ħajt farrku qabel ma nqaleb fuq ġenb minnhom.

Ix-xufier ħarab mix-xena ta’ terrur u dmija u għadu qed jiġi mfittex. Ikun biss meta dan ix-xufier jinstab, jiġi arrestat u interrogat li tkun tista’ toħroġ il-verità kollha ta’ x’ġara eżattament.

Il-persuni midruba qed jiġu kkurati fil-bliet Saltillo u Concepción de Oro.

L-awtoritajiet statali u federali qed jikkollaboraw ma’ xulxin biex jgħinu u jippruvaw isabbru l-familji tal-mejtin u l-midruba.

Bħalissa għaddejja investigazzjoni biex jinstab x’wassal għal din it-traġedja bla preċident li se ttappan għal dejjem l-aktar jum devot u għażiż tas-sena tal-belt ta’ Mazapil.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: