Home > Leħen is-Sewwa > Damiġġani ġodda

Damiġġani ġodda


Dun David Muscat

Ftit ilu erġajt mort f’kappella li l-aħħar darba li qaddist fiha kien bejn wieħed u ieħor għaxar snin ilu. Tabilħaqq iż-żmien ma jistenna lil ħadd. Kont ferm ħerqan li nqaddes mill-ġdid f’dal-post iżda hekk kif frixt minn wara l-purtiera tas-sagristija, riesaq lejn l-artal wara d-daqq ta’ qanpiena ċkejkna, qalbi mtliet swied ta’ qalb. In-numru ta’ nies li kien hemm għal Quddies kien biss sebgħa u ħamest itfal li l-ikbar wieħed minnhom għandu tnax-il sena. L-adulti mdaħħlin sew fil-għomor u jien li issa ġa ngħodd fuq l-erbgħin kont l-iżgħar wieħed jekk tħalli barra t-tfal.

DamiganiKienu eżatt l-istess sebgħa minn nies ta’ għaxar snin ilu imma iżjed milwijin, aktar imkemxin u j’Alla qaddisin.  Kienu bilqiegħda eżatt fl-istess postijiet ta’ għaxar snin ilu. Xejn ma nbidel ħlief li tgħakksu aktar.

Jekk nibqgħu sejrin hekk il-Quddiesa ferjali nistgħu ninsewha. Tgħiduli ma kienx hemm dawk it-tfal li huma tama għall-ġejjieni? Iva u le għax dawn kif jitfarfru naqra oħra jtiru mill-bejta bħall-bqija. Barra minnhekk hemm spjega għaliex inżertaw hemm u din hi li kważi kollha huma minn familja waħda numeruża ta’ tmien ulied. Il-bqija kienu ħbieb tagħhom għax it-tfal ifittxu t-tfal.

Għarfuni mill-ewwel għax anki jien immur u tant fraħna b’xulxin. Staqsewni meta erġajt sejjer hemm imma tweġiba ma stajtx intihom ħlief is-silenzju. It-tfal mhumiex se jifhmu l-ispjegi tagħna l-kbar dwar kif u x’fatta tqassamna ‘l hawn u ‘l hinn fl-erbat irjieħ ta’ Malta qiesna ruħ tal-purgatorju.

Milli jidher minn dak li nitkellem ma’ qassisin oħra din il-qagħda taqta’ x’imkien ‘hawn u ‘l hinn hi l-istess f’Malta kollha. Kullimkien hekk. Staġnar u għejja. Meta nitħaddet x’nistgħu nagħmlu bħala saċerdoti ssib li fejn nimmanuvraw hu ftit għax spiċċa ż-żmien fejn kull qassis kellu t-taqsima ċkejkna tiegħu hi x’inhi fejn tista’ tgħid din il-bejta tiegħi, dan id-domus tiegħi, din il-kappella tiegħi, din l-għaqda l-mimmi t’għajnejja.

Kollox f’idejn il-kappillan jew l-arċipriet. Imbagħad x’jiswa jekk nintefa ruħi u ġismi f’xi post jekk naf li ħabta u sabta jistgħu jsejħuli u jitfawni parroċċa oħra?  Id-diskors ikompli b’iżjed qtiegħ il-qalb imħallat ma rabja. Nisma’ min jgħidli x’jimpurtani jekk kif inqaddes l-aħħar Quddiesa ndabbar rasi lejn id-dar. Kważi kulħadd hekk jgħidli.

Tiġi dahrek mal-ħajt. Nipprova ninkoraġġihom u ngħidilhom ma jaqtgħux qalbhom u jibżgħu.  Madankollu naf li l-kliem iqanqal imma hu l-eżempju li jkaxkar. Ngħidilhom kif jien bqajt attiv fl-għaqdiet bħal tal-armar tal-festa fejn fis-sajf kważi kuljum inkun hemm u niltaqa’ ma’ żgħażagħ u rġiel tax-xogħol. Nispjega kif ngħin fis-soċjetà tan-nar speċjalment lis-sezzjoni taż-żgħażagħ. Imbagħad fuq kollox il-Mixja Neokatekumenali li hi tabilħaqq impenjattiva għax ma tinvolvix biss l-Ewkaristija tas-Sibt fl-għaxija imma l-liturġija tal-kelma nhar ta’ Tlieta jew l-Erbgħa skont liema komunit̀a tkun. Jekk imbagħad teħodha bis-serjetà jkollok biżibilju ta’ konvivenzi (jixbħu rtiri ta’ tlett ijiem jew ġurnata), tħejjija għal-liturġija fid-djar, penitenzjalijiet eċċ.

Fil-ħarifa li jmiss għall-grazzja ta’ Alla se tibda l-Post Cresima Neocatecumenale anki f’Malta wara li saret b’suċċess barra minn Malta. Is-saċerdoti se jkollhom sehem fiha. B’dan kollu lanqas ġurnata waħda ma jkolli libera għax inkun impenjat kuljum fil-vera pastorali jiġifieri dik mal-għaqdiet li tibda wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija.

Meta tara dan kollu kif tista’ taqta qalbek? Għalhekk, saċerdot li sibt ħin taqra dawn il-ftit vrus, ħallik mid-dwejjaq, ħallik mill-pjanijiet pastorali, ħallik mill-policies skaduti li mhuma xejn għajr manuvrar.  Tmewwitx leħen is-Sinjur Alla f’qalbek u ftakar fis-sejħa li tak f’żgħożitek. Żomm quddiem għajnejk li l-qaddisin li ħadmu fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Mhux dejjem sabu xkiel ma’ wiċċhom? Bosta drabi mhux mill-għedewwa tan-Nazzarenu jew mill-Frammażuni iżda minn ġewwa stess. Huma b’għajnuna mis-sema ħolqu strutturi ġodda u ħarġu mix-xibka.

Hekk għamel San Ġwann Bosco, San Ġorġ Preca, Santa Teresa ta’ Kalkutta, San Ġużepp Calasanzio, San Franġisk, San Filippu Neri u tant u tant oħra. Ħallu d-dwejjaq warajkom. Ħallu l-biża’. Dak ħalluh lil dawk tas-sagristija li jifhmu f’kollox u jgħidu bħal Don Bosco “Mulej ħudli kollox imma tini l-erwieħ”.

dmus_@hotmail.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: