Home > Ġenerali > Sinodu tal-Familji dwar il-Familja

Sinodu tal-Familji dwar il-Familja


“U beda jibgħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu..” 

Dan il-mandatt ta’ Ġesù, l-evanġelista Marku jagħtihulna fil-kuntest tat-Tnax (6:70), u għalhekk bir-raġun kollu, din is-silta, aktarx norbtuha mal-ħidma tal-isqfijiet u warajhom is-saċerdoti.  Imma San Luqa jagħmel pass ieħor u juri kif dan l-istess kmand Ġesù tah ukoll lit-tnejn u sebgħin dixxiplu li kienu emmnu fih (10:1).

Aktar ‘l isfel f’din il-kitba …

  • L-ewwel koppja fdata b’mandatt minn Alla
  • Anke l-Knisja tbierek il-koppja raġel u mara u taħtarhom
  • Attitudni żbaljata
  • Żmien ta’ grazzja kbira
  • Is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja
  • Sinodu tal-Familji dwar il-Familja

vatiiFl-aħħar 50 sena mill-Konċilju ‘l hawn, bdejna insiru aktar konxji dwar sehem il-lajċi f’din il-missjoni tal-Knisja, u għalhekk drajna nitkellmu dwar il-membri tal-għaqdiet u d-diversi kategoriji ta’ operaturi pastorali fil-parroċċi jew fid-djoċesi.  Spiss isiru dawk l-hekk imsejħa outreaches, fejn persuni jduru tnejn tnejn mat-toroq kollha tar-raħal, iħabbtu kull bieb u joffru li jwasslu kelma ta’ Alla lil dawk li jiftħulhom. Imma jkollna b’onestà nistqarru li f’din  il-missjoni li Ġesù fdaħilhom “tnejn tnejn”, l-aħħar li jiġu f’moħħna huma l-koppji fil-familji.

L-ewwel koppja fdata b’mandatt minn Alla

Fil-bidu nett tal-patt Divin mal-bniedem naqraw kif l-ewwel mandatt mogħti minn Alla nnifsu kien lil kopja raġel u mara.  ““Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr ta’ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq  l-art” (Ġen. 1:28).  Il-futur kollu tal-pjan ta’ Alla għall-opra tal-ħolqien li kien għadu kif lesta, fdahulhom f’idejhom.  Għalih, il-koppja raġel u mara ma kienux l-oġġett ta’ missjoni li Hu kellu jwettaq magħhom, imma kienu kollaboraturi importanti fil-ħidma tiegħu ta’ Ħallieq.  Dan ma nsibuhx miktub biss fil-Bibbja, imma naqrawh ukoll fil-ktieb il-kbir tan-natura, ktieb li bħall-Kotba Mqaddsa kollha huwa minqux minnu stess.

Anke l-Knisja tbierek il-koppja raġel u mara u taħtarhom

zwiegIl-Knisja sa minn dejjem tat importanza kbira lill-koppja miżżewġa. Tant hu hekk li l-għaqda tagħhom kienet istitwita bħala sagrament li permezz tiegħu taħtarhom bħala Ministri tagħha mhux biss għal waqt iċ-ċerimonja, imma għal tul ħajjithom kollha.  Hekk kif il-Knisja tordna isqfijiet, presbiteri u djakni biex ikunu ministri tagħha fost il-poplu ta’ Alla, hekk ukoll hija tbierek iż-żwieg tar- raġel u tal-mara u taħtar biex ikunu ministri tagħha fil-familja.  Bħall-isqof fid-djoċesi u s-saċerdot fil-parroċca, huma wkoll  mibgħutin tnejn tnejn fil-familji tagħhom biex huma jkunu l-ewwel li jħabbru l-miġja tal-Mulej Ġesù kemm lil xulxin kif ukoll lill-familja tagħhom.

Attitudni żbaljata

Mill-banda l-oħra wisq nibża’ li fil-pastorali tagħna spiss qed attitudnu żbaljata u allura metodi skoretti. Filwaqt li hija ta’ kuraġg kbir il-ħidma mwettqa minn diversi entitajiet tal-Knisja mal-familja, iżda spiss qed ninsew li l-koppja raġel u mara mhumiex biss l-oġġett tal-evanġelizazzjoni, imma flimkien ma’ ministri oħra huma kollaboraturi importanti fit-twettiq tal-missjoni. Huma wkoll għandhom sejħa divina li l-mandatt tagħha irċevewh individwalment fil-Magħmudija u bħala koppja fiż-Żwieġ.

Jekk inqallbu ftit l-pjani pastorali li kellna tul l-aħħar għaxriet ta’ snin, jekk neżaminaw il-ħidma ta’ tant entijiet ekkleżjali li jaħdmu mal-familja, jekk niflu l-kontenut ta’ priedki, diskorsi u kitbiet indirizzati lejn il-miżżewġin, mill-ewwel nintebhu li fil-biċċa l-kbira tal-każi, il-miżżewġin għadna nħarsu lejhom bħala l-għalqa tad-dwieli, imma mhux il-ħaddiema li jridu jaħdmuha.

Żmien ta’ grazzja kbira

Il-Knisja bħalissa għaddejja minn żmien tassew tal-għaġeb. Forsi aħna li qed ngħixuh m’aħniex napprezzaw biżżejjed il-kobor u l-importanza tiegħuQegħdin nġhixu fi żmien.  Għad ikunu dawk ta’ warajna li japprezzaw dan iż-żmien ferm aktar minna.  Fost  l-aktar elementi li qed jagħmlu żmienna hekk speċjali hemm bla dubju ta’ xejn il-familja.

Minnu li ż-żwieġ u l-familja llum qed ikunu attakkati minn kull front tas-soċjetà u l-kutura moderna, imma dan qed isir propju minħabba l-importanza kbira tagħhom.  Fuq kollox jiena ċert li hekk kif il-persekuzjonijiet kontra l-insara dejjem kabbru u saħħu l-Knisja, hekk ukoll illum, l-attakki kontra l-familja se jqawwu u jissudaw din iċ-ċellola tas-soċjetà li spiss tidher tant dgħajjfa.

Is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja

F’Ottubru 2014, il-Papa Franġisku sejjaħ Sinodu Straordinarju tal-Isqfijiet dwar il-familja.  Kien straordinarju għax sar bi tħejjija għal Sinodu ieħor, dak li ser issir Ottubru li ġej.  Mhux soltu li l-Papa jsejjaħ sinodu biex jipprepara għal sinodu ieħor. U dan juri l-importanza kbira li l-Knisja qed tagħti lill-familja.

Catholic bishops take place for a session of a synod on the theme of

Bejn Ottubru tas-sena l-oħra u dak ta’ din is-sena, ix-xogħol ma waqfx.   Tkompla fil-Vatikan  u tkompla wkoll fil-Knejjes lokali fejn il-bażi ta’ ħidma ma tibqax konċentrata biss fuq l-isfqijiet sinodali u l-ftit esperti ta’ madwarhom, imma tista’ tinfirex fost il-poplu ta’ Alla kollu, fil-familji u mal-koppji, li f’din il-materja huma l-esperti tassew.

Fis-sinodu li ġej, bħal f’kull sinodu ieħor, l-isqfijiet se jmorru biex jitkellmu u biex jisemgħu.  Il-ħidma tagħhom ma jagħmluhiex biss waqt il-laqghat, anzi aktarx li l-akbar ħidma ssir bejn laqgħa u oħra.  Hemm ukoll il-Papa Franġisku li ninsab ċert li mhu se jħalli l-ħadd bi kwietu u jkun irid jaċċerta ruħu li ma jintemmx kollox mal-aħħar laqgħa li ser issir fil-Vatikan. Imma nemmen li l-magna vera wara kull inizjattiva dwar il-familja trid tiġi mill-Ispirtu s-Santu.  Huwa biss dak li jdawwal l-ideat u jiggwida fit-toroq li kultant jistgħu jidhru skabrużi u mwegħra.  Hu biss l-assigurazzjoni tagħna u tal-familji tagħna.

Sinodu tal-Familji dwar il-Familja

Għax nemmen fl-Ispirtu s-Santu, nemmen ukoll li għad jasal iż-żmien, forsi mhux daqshekk fil-bogħod li s-Sinodu dwar il-Familja jkun magħmul mill-familji nfushom.  U għax ikunu miġbura mal-Knisja u f’isem il-Knisja, allura dakinhar anke huma jkunu mdawwla u gwidati mill-Ispirtu s-Santu.

SinoduMaltaL-esperjenza tas-Sinodu Djoċesan li l-Knisja f’Malta għaddiet minnha ħmistax-il sena ilu kienet waħda posittiva ħafna u ħalliet warajha frott kotran li għadna ngawdu mminu anke llum.   F’dak s-Sinodu l-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li ħadu sehem fih konna lajċi.  Dakinhar it-tema diskussi kien varji u jolqtu diversi aspetti tal-ħajja tal-Knisja f’pajjiżna.   Jista’ jkun li wasal il-waqt ta’ Sinodu Djoċesan ieħor fejn it-tema tkun il-familja u fejn dawk li jieħdu sehem ikunu fil-maġġoranza tagħhom il-familji?  Min jaf għadx ikun l-istess Sinodu tal-Isqfijiet li ser isir fil-Vatikan f’Ottubru li ġej li ġahd jagħmel din il-proposta lill-Knejjes lokali.

Sakemm dan iseħħ, jinħtieġ inkunu kuraġġużi u nikkonvertu fl-attitudnijiet u l-metodi tagħna.  Dażgur li l-pastorali li ssir għall-familja hija importanti, forsi llum aktar minn qatt qabel.  Imma l-pastorali għall-familja trid issir ukoll mal-familja.  Il-familji nsara ma jistgħux jibqgħu biss l-oġġett tal-ħidma tal-Knisja, imma jridu jsiru huma wkoll suġġetti li jaħdmu flimkien mal-isqfijiet, saċerdoti u entijiet ekkleżjali relatati.  Huma jridu jkunu kollaboraturi f’ħidma li tolqot qabel xejn lilhom stess.

joe farrugia – jf.emailbox@gmail.com

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: