Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Nilqgħu lil xulxin!

Nilqgħu lil xulxin!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Ħaġa li taffaxxinani fil-Patrijiet Kapuċċini hija l-kelma Merħba bik! Niftakarni tfajjel fil-grupp vokazzjonali. Kull darba li kont immur il-kunvent tagħna ta’ Santa Liberata inkella nċempel il-kunvent kemm id-direttur vokazzjonali ta’ dak iż-żmien u kif ukoll il-Postulanti u l-Patrijiet ilkoll kienu jilqgħuni bl-istess awgurju: Merħba bik!

Kemm timlik b’ferħ hux il-kelma Merbħa bik! Kemm tagħtik kuraġġ! Min ma jixtiequx li jkun milqugħ? Mhux kulħadd tad-demm u l-laħam x’kull waħda? Issa ejja ma nirraġunawx kif tridna nirraġunaw id-dinja li ħlief tkisser lin-nies ma tagħmilx. Għax l-hena tagħha iġġarraf u mhux tibni! Kulħadd huma importanti. Kulħadd għandu dinjità. Kulħadd għandu qalb. Il-ħati u l-vittma. L-innoċenti u l-aggressur. Għaliex kulħadd ħareġ minn qalb waħda qabel ix-xitan għamel festa bih u biha. Jiġifieri l-qalb impekkabbli u li ma titbiddel qatt tal-Missier tas-Sema. Kemm int għaref Franġisku li quddiem l-Isqof Gwido ta’ Assisi għedt lil Missierek Pietru minn Bernardone: “Minn issa ‘l quddiem nista’ ngħid: ‘Missieri li int fis-Smewwiet?’” Kemm int għaref Franġisku u kemm hu belhani tassew min jaħsbek sempliċjott!

Dan l-aħħar tassew għaġġibni l-kliem li Papa Franġisku, dak il-Papa li l-qaddis prottetur tal-pontifikat tiegħu hu San Franġisk t’Assisi (tgħid b’kumbinazzjoni?), għamel f’omelija mill-isbaħ u mimlija bl-Ispirtu s-Santu li qasam minn qalbu quddiem folla ta’ aktar minn miljun persuna fil-Paragwaj. Dakinnhar Papa Bergoglio qal hekk:

“Il-Knisja hija bħal omm li għandha qalbha miftuħa. Hija taf kif għandha tilqa’ u taċċetta, speċjalment lil dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna. Dawk l-aktar fil-bżonn. Il-Knisja hija dar tal-ospitalità. Kemm ġid nistgħu nagħmlu jekk biss nippruvaw nitħaddtu l-ilsien tal-ospitalità! Tal-merħba! Kemm uġiegħ jittaffa! Kemm disprament jiġi imnaqqas f’post fejn inħossuna f’darna! Nilqgħu lill-imġewwaħ, lill-għatxan, lill-barrani, lill-għarwien, lill-marid, lill-ħabsi (Mt 25:34-37), lill-imġiddem u lill-paralitiku. Nilqgħu lil dawk li ma jaħsbuhiex bħalma naħsbuha aħna. Nilqgħu lil dawk li m’għandhomx il-fidi jew li tilfuha. Nilqgħu lill-ippersegwitat, lil min m’għandux xogħol. Nilqgħu d-diversi kulturi li bihom id-dinja tagħna hija mbierka b’tant abbundanza. Nilqgħu lill-midinbin”.

X’ritornell dan ħej! Nilqgħu! Nilqgħu! Nilqgħu! Imma l-għaliex għandi nilqa’ lil min jiksirli rasi? L-għaliex għandi nilqa’ lil min idejjaqni? Lil min meta narah l-istonku tiegħi jibda’ tiela’? Lil min li meta jarawni nitħaddet miegħu jew magħha ilsien in-nies jibda’ għaddej itaqtaq ġmielu? Għaliex ħija u oħti? Jiena ngħidlek minn qalbi l-għaliex. Għaliex it-tweġiba taf li qiegħdha fik bħalma qiegħdha fija.

Għidli int kemm-il darba kont wieħed u waħda minn dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna? Kemm-il darba kellek bżonn min itaffilek l-uġiegħ kbir li ġġorr fis-skiet f’qalbek? Inkella kemm-il darba ħassejtek barrani/ja f’darek stess? Jew imġewwaħ/ha għall-imħabba u l-attenzjoni ta’ dawk ta’ madwarek? Għaxtan/a għall-kelma ta’ apprezzament ta’ min taqdi mill-koxxa? Kemm-il darba ħassejtek għarwien/a l-għaliex il-fiduċja li tfajt f’xi ħadd każbruhielek? Ftaħt ħalqek magħhom u għedtilhom bl-għomma tiegħek biex issa jaf b’għommtok kulħadd l-għaliex xebgħu ixerrduk mal-erbat irjieħ? Kemm-il darba ħassejtek marid/a? Mhux biss fiżikament imma l-għaliex il-widnejn tan-nies ta’ madwarek ittarrxu għall-uġiegħ tiegħek? Ħallewk tinżel sakemm tegħreq fil-ħama fond tat-tbatija? Kemm-il darba għidli ħassejtek ħabsi l-għaliex tgħid x’tgħid u tagħmel kif tagħmel arak taqlagħha bla ħniena ta’ xejn? Inkella imġiddem/a l-għaliex issa la qalgħu storja fuqek tmur fejn tmur se jħarsu lejk b’dak il-misħut lenti? Kemm-il darba ħassejtek paralitiku/a? Ridt tagħmel pass għall-ġid imma ta’ madwarek żammewk li ma jmurx tiskomodhom?

Ħija u oħti! Dan ngħidulek l-għaliex ngħaddu minnu jiena wkoll. L-għaliex bħalek jiena wkoll inġarrab il-persekuzzjonijiet tiegħi għalkemm midneb bħalek. Biss f’ħajti ħaġa waħda tgħallimt: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21). Għaliex hekk jirraġuna Missierek u Missieri tas-Sema. Dak li ġurnata, jiena u int, iridu nħarsu fl-għajnejH.

Nippreferi għajnejn oħra iberrquli l-għaliex ma ninżlilhomx. Basta ninżel tajjeb f’għajnejH! Huwa dak veru Missier sieħbi! Mela ħa nilqgħu lil kulħadd! Anki lil dawk li għall-livell tagħhom aħna lanqas nibdew… U mhux min jidħak l-aħħar jidħak l-aħjar sieħbi?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: