Home > Leħen is-Sewwa > Sinodu tal-familji għall-familja

Sinodu tal-familji għall-familja


Il-Knisja tbierek il-koppja raġel u mara – Minn Joe Farrugia

“U beda jibgħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu”. Dan kien il-mandatt ta’ Ġesù lill-evanġelista Marku jagħtihulna fil-kuntest tat-tnax (6:70). Għalhekk bir-raġun kollu din is-silta aktarx norbtuha mal-ħidma tal-Isqfijiet, warajhom tas-saċerdoti u aktarx nieqfu hemm. Iżda Luqa, fIl-Vanġelu tiegħu jagħmel pass ieħor u juri kif dan l-istess kmand Ġesù tah ukoll lit-72 dixxiplu li emmnu fih (10:1)

14. zwiegFl-aħħar 50 sena, mill-Konċilju ‘l hawn, bdejna nsiru aktar konxji dwar sehem il-lajċi fil-missjoni tal-Knisja u llum drajna nitkellmu dwar il-membri tal-għaqdiet u d-diversi kategoriji ta’ operaturi pastorali fil-parroċċi jew fid-djoċesi.  Spiss nisimgħu dwar dawk ‘l hekk imsejħa outreaches fejn persuni li jkunu mibgħuta tnejn tnejn, iduru mat-toroq tar-raħal, iħabbtu bieb bieb u joffru li jwasslu l-Kelma ta’ Alla lil dawk li jiftħulhom.

Imma fil-Knisja hemm ministeru ieħor li nqisu bil-wisq importanti u li matul is-sekli tal-istorja tagħha l-Knisja dejjem fdatu f’idejn koppji, f’idejn raġel u mara, u lilhom, wara li tberikom tafdalhom il-mandat li jservu bħal ministri tagħha tul ħajjithom kollha fil-komunità żgħira tal-familja tagħhom. Dawn huma l-koppja raġel u mara.

L-ewwel koppja fdata b’mandat minn Alla

Fil-bidu tal-patt divin mal-bniedem naqraw kif l-ewwel mandat mogħti minn Alla nnifsu kien propju lil kopja, raġel u mara.  “Nisslu, oktru, imlew l-art u aħkmuha u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art” (Ġen.1:28).  Il-futur kollu tal-pjan ta’ Alla għall-opra tal-ħolqien li kien għadu kif lesta fdahulhom f’idejhom.

Għalih, il-koppja raġel u mara ma kenitx l-oġġett ta’ missjoni li Hu kellu jwettaq magħhom imma kienu kollaboraturi importanti fil-ħidma tiegħu ta’ Ħallieq.  Dan ma nsibuhx miktub biss fil-Bibbja imma naqrawh ukoll fil-ktieb il-kbir tan-natura, ktieb li bħall-Kotba Mqaddsa kien minqux minn Alla nnifsu.

Il-Knisja minn dejjem tat importanza kbira lill-koppja miżżewġa. Tant hu hekk li l-għaqda tagħhom kienet istitwita bħala sagrament li permezz tiegħu taħtarhom bħala ministri tagħha mhux biss għall-ħin ta’ waqt iċ-ċerimonja imma għal tul ħajjithom kollha.

Hekk kif il-Knisja tordna Isqfijiet, presbiteri u djakni biex ikunu ministri tagħha fost il-poplu ta’ Alla. Hekk ukoll hi tbierek iż-żwieg tar-raġel u tal-mara u taħtarhom biex ikunu ministri tagħha fil-familja tagħhom.

Bħall-Isqof fid-djoċesi u s-saċerdot fil-parroċca, huma wkoll  mibgħuta tnejn tnejn fil-familji tagħhom biex ikunu l-ewwel li jħabbru l-miġja tal-Mulej Ġesù kemm lil xulxin kif ukoll lill-familja li jiffurmaw.

Attitudni żbaljata

Mill-banda l-oħra wisq nibża’ li fil-pastorali tagħna spiss qed nadottaw attitudni żbaljata u allura metodi skoretti. Filwaqt li hi ta’ kuraġġ kbir il-ħidma mwettqa mill-ġerarkija u minn diversi entitajiet tal-Knisja mal-familji spiss qed ninsew li l-koppja raġel u mara mhumiex biss l-oġġett tal-evanġelizzazzjoni imma flimkien ma’ ministri oħra huma kollaboraturi importanti fit-twettiq tal-missjoni.

Huma wkoll għandhom sejħa divina li l-mandatt tagħha rċevewh individwalment fil-Magħmudija u bħala koppja fiż-żwieġ.

Imma jekk inqallbu ftit l-pjanijiet pastorali li kellna tul l-aħħar għaxriet ta’ snin, jekk neżaminaw il-ħidma ta’ tant entitajiet ekkleżjali li jaħdmu mal-familja, jekk niflu l-kontenut ta’ prietki, diskorsi u kitbiet indirizzati lejn il-miżżewġin, mill-ewwel nintebħu li fil-parti l-kbira tagħhom lill-miżżewġin għandna nqisuhom bħala l-għalqa tad-dwieli li trid tinħadem imma mhux bħala l-ħaddiema li jridu jaħdmuha.

Żmien ta’ grazzja kbira

Il-Knisja bħalissa għaddejja minn żmien tal-għaġeb. Forsi aħna li qed ngħixuh m’aħniex napprezzaw biżżejjed il-kobor u l-importanza tiegħu. Għad ikunu dawk ta’ warajna li japprezzawh ferm aktar minna. U fost l-aktar elimenti li qed jagħmlu żmienna hekk speċjali hemm bla dubju ta’ xejn il-familja.

Hu minnu li ż-żwieġ u l-familja llum qed ikunu mhedda minn kull front tas-soċjetà u tal-kultura moderna b’attakki feroċi u fl-istess waqt sottili. Hu minnu li l-problemi u d-diffikultajiet li l-familja qed tħabbat wiċċha magħhom illum huma hekk kbar li bi sfortuna bosta qed jaqgħu vittmi u jikkrollaw taħt il-piż.

Imma hi propju l-intensità ta’ dawn l-attakki kontra l-familja li turi u tikkonferma l-kobor u l-importanza tagħha. Fuq kollox jien ċert li hekk kif il-persekuzjonijiet kontra l-Insara dejjem kabbru u saħħu l-Knisja, hekk ukoll illum, l-attakki kontra l-familja se jqawwu u jissudaw din iċ-ċellola tas-soċjetà li spiss tidher tant dgħajfa.

jf.emailbox@gmail.com

F’ħarġa oħra:- Is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: