Home > Leħen is-Sewwa > Nieqfu ftit u nirriflettu

Nieqfu ftit u nirriflettu


Minn J.M. Bonnici

Fil-ktieb L-istejjer tal-Patri (l-ewwel ktieb), Patri Piju Sammut jirrakkonta fuq dokumentarju li ra fuq it-TV fejn grupp ta’ xjenzati marru fuq spedizzjoni fl-Amerika t’Isfel u magħhom kellhom grupp ta’ Indios biex iġorrulhom il-materjal meħtieġ: ħwejjeġ, ikel, ilma u apparat xjentifiku. Kollox mexa tajjeb skont il-pjan imfassal imma wara l-ewwel ġimgħa l-Indios neħħew it-tagħbija kollha u qagħdu bilqiegħda u ma riedux jiċċaqalqu. Minn kollox għamlu x-xjenzati bil-kelma t-tajba u bit-theddid biex jipperswaduhom ikomplu.

5. kurjaGħaddew jumejn. Imbagħad, mingħajr ħadd ma qalilhom xejn, qamu, ħadu t-tagħbija u reġgħu bdew il-mixja. Fl-aħħar tal-ispedizzjoni, ix-xjenzjati riedu jafu għaliex l-Indios kienu għamlu hekk. Qalulhom: “Konna qed ngħaġġlu wisq. Tant konna qed ngħaġġlu li ħallejna l-ispirtu tagħna warajna.  Għalhekk waqafna…ħalli l-ispirtu tagħna jilħaqna”.

Attwalità

Naħseb f’din il-ġrajja hemm messaġġ attwali ħafna għalina llum.

Illum kulħadd għandu x’jagħmel. Qed ngħixu f’dinja tal-ġenn. M’għandniex żmien biex nieqfu ftit u nirriflettu. Ikkumplikajna l-ħajja b’laqgħat, kummissjonijiet u tant affarijiet oħra u nsejna dak li hu fundamentali: ir-relazzjoni tal-bnedmin ma’ xulxin. Kulħadd irid jirriforma f’daqqa u qed jiġrilna li nħallu l-ispirtu tagħna warajna.

F’mewġa ta’ superfiċjalità kulħadd jgħid li jfettillu. Nippruvaw nikkupjaw lil ħaddieħor. Kulħadd sar espert fil-qasam tiegħu. Xi kultant ma nindunawx li the expert misses the obvious. Il-kilba għall-flus nisslet kreattività ta’ inizjattivi, il-ġirja għall-pjaċir ħakmet kull sentiment ieħor. Donnu m’aħniex kapaċi nieqfu ftit ħa naraw fejn sejrin u x’inhu r-riżultat tal-attiviżmu tagħna.

Neqsin mis-skiet u r-riflessjoni. Għandna bżonn nieqfu ftit u naraw l-ispirtu tagħna x’jgħidilna.

Parabbola

Parabbola moderna tgħidilna li turist Amerikan kien qed jara sajjied jistad bil-qasba f’idu. Resaq lejh u qallu: “Issa int bħalek ma jmissikx tieħu dgħajsa u toħroġ tistad”. “Imbagħad?”, qallu s-sajjied.

“Imbagħad taqla’ l-flus, iġġemma’ u tixtri dgħajsa kbira moderna u taqla’ iżjed flus”.

“Imbagħad?”, reġa’ qallu s-sajjied.

Imbagħad meta tixjieħ toqgħod bil-kwiet u tistad bil-kwiet bil-qasba fuq ix-xatt”.

Qallu s-sajjied: “Mhux hekk qed nagħmel Sinjur. Hemm għalfejn dax-xogħol kollu”?

Anki din il-parabbola tgħodd ħafna għalina llum. Kultant nagħmlu studji u surveys biex naslu għal konklużjonijiet li diġà kienu waslu għalihom ta’ qabilna. Per eżempju, fl-antik kien hawn dak li kien jissejjaħ riformatorju għaż-żgħażagħ taħt l-età li jinqabdu f’xi att kriminali. Naturalment, kien jeħtieġ t-tiġdid fid-dawl tal-progress li sar illum f’tant oqsma.  Minflok ma ġeddidnieh, neħħejnih biex issa qed inħossu l-bżonn tiegħu u qed noħolquh mill-ġdid.

Bħal dan tant affarijiet oħra.

Urġenti

Naħseb li ma ngħaġġlux f’kull ma nagħmlu hu urġenti. Tajjeb li jkollna Gvern li jiddeċiedi imma importanti li d-deċiżjonijiet ikunu tajbin wara konsultazzjoni u magħmulin bl-għaqal. Xi kultant ma nirrealiżżawx x’effett se jkun hemm minn ċerti deċiżjonijiet.

Il-filosofi Griegi tal-imgħoddi kellhom prinċipju: “F’kull ma tagħmel, fittex l-iskop għalfejn tagħmlu”. Li nħossu responsabbiltà tad-deċiżjonijiet tagħna hu meħtieġ biex wieħed jieħu deċiżjonijiet tajbin. Anki fil-qasam tal-Knisja hu meħtieġ iżjed riflessjoni biex il-ħafna attivitajiet li jsiru jkollhom orjentament ċar pastorali u jwasslu għall-edukazzjoni fil-fidi tal-komunità Nisranija.

Bħall-Indios tal-ispedizzjoni rridu nagħtu ċans li l-ispirtu tagħna jilħaqna, li kull ma nagħmlu jkun frott tal-ispirtu li jmexxina.

jmbonnici@lehenissewwa.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: