Home > Leħen is-Sewwa > L-età tal-kunsens sesswali

L-età tal-kunsens sesswali


Minn Dun Joseph Mizzi

Is-sess u s-sesswalità umana huma realtà sabiħa u pożittiva maħluqa minn Alla. Alla ħalaqna raġel u mara fuq xbieha tiegħu.  Il-bniedem mhuwiex biss drive/istint/hormones li jaqsam mad-dinja animalia iżda għandu vokazzjoni ogħla. Hu maħluq biex ikun għotja, cioè don/rigal/offerta għall-ieħor. Din hi l-vera tifsira tal-imħabba: the gift of oneself.
Din l-għotja tinvolvi ħafna libertà iżda wkoll ħafna responsabbiltà. Għaldaqstant tajjeb li wieħed jeżamina sew l-motivazzjonijiet tiegħu għax il-bniedem m’għandux ikun immexxi mill-istaġuni iżda iktar mir-raġuni.

Il-bniedem min-natura tiegħu stess għandu fih din is-sejħa/vokazzjoni sponsali/matrimonjali, jiġifieri l-ġibda tal-qalb li tfisser li hu maħluq biex jgħix f’komunjoni/f’relazzjoni intima mal-ieħor/oħra.

Il-Knisja fl-esperjenza tagħha tagħmel distinzjoni bejn l-għerusija u ż-żwieġ. Il-kultura u s-soċjetà ta’ żmienna saru pjuttost indifferenti għad-delikatezza u s-serjetà ta’ dan il-passaġġ (Diskors tal-Papa Franġisku 27-05-2015).

Fid-dawl tat-tagħlim tal-Knisja, f’dinja ideali, post is-sess hu fiż-żwieġ fejn hemmhekk isseħħ l-għotja sħiħa u totali tal-persuna lill-ieħor. Din l-għotja tintegra fiha l-għotja tal-moħħ, tar-ruħ, tal-ġisem u tal-qalb. L-ebda waħda minn dawn m’għandha tkun nieqsa. Hi preċiżament il-familja: il-kuntest naturali li fih tkun irregolata l-attività sesswali.

Din l-għotja sħiħa trid tkun frott l-imħabba. Frott relazzjoni soda u b’saħħitha kif ukoll frott deċiżjoni matura. Din l-għotja titlob li tkun dejjiema u mhux momentarja. Totali u mhux bil-biċċiet. Fidila/leali u mhux infidila. Tkun fekonda, jiġifieri miftuħa għall-ħajja. Ovvjament dan irid iseħħ fid-dawl ta’ kunsens bejn il-koppja kif ukoll f’atteġġjament ta’ responsabiltà u ġenerożità.

Għalhekk is-sesswalità m’għandhiex tkun mifruda mill-imħabba u ż-żwieġ. M’għandhiex tkun imfittxa għal pjaċir u l-gost biss.  Is-sesswalità għandha dejjem tħares lejn il-persuna bħala persuna u tistmaha u tapprezzaha ta’ persuna bil-kwalitajiet kollha tagħha u mhux ta’ oġġett, uża u armi.

Soċjetà b’saħħitha trid tieħu azzjoni billi tirregola r-relazzjoni tal-bnedmin ħalli mhux biss tiddefendi lil min jista’ jisfa vittma ta’ dawn l-abbużi iżda wkoll billi tiddefendi lilha nfisha mit-tħassir u mit-tmermir tagħha stess.

Mill-banda l-oħra nifhem li ladarba qed ngħixu f’dinja imperfetta u l-bniedem hu dak li hu, f’pajjiżna nara li waqt li l-liġi ċivili tagħti l-possibbiltà li wieħed jista’ jiżżewweġ mal-età tas-sittax m’għandux ikun hemm diskrepanza jew inkonsistenza ma’ parti oħra tal-liġi li tgħid li l-età tal-kunsens sesswali hi dik ta’ tmintax.

Madanakollu, nara li meta wieħed ibaxxi l-età tal-kunsens sesswali jista’ jagħti lok u jista’ jkun hemm il-periklu li wieħed ikun qed jinċentiva u jħajjar għal aktar attività sesswali barra ż-żwieġ. Din l-attività ċertament mhux se żżommha bl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali.

Għaldaqstant, fid-dawl tad-diskussjoni li titbaxxa l-età, nemmen li l-Istat, il-Knisja, l-NGOs u l-korpi kollha konċernati m’għandhom qatt jieqfu mill-kampanja soda u intensiva ta’ edukazzjoni u formazzjoni tal-karattru tat-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. M’għandna qatt nikkuntentaw li qed nagħmlu biżżejjed għax qed noffru informazzjoni ħafif ħafif fis-suġġett tal-Personal, Social and Career Development (PSCD) fl-iskejjel tagħna.

F’soċjetà demokratika l-libertajiet għandhom jimxu pari passu ma’ formazzjoni etika u morali sħiħa.

Suġġerimenti

Kull tnaqqis fl-età kunsenswali għandu jkun akkumpanjat fost l-oħrajn minn awareness campaign fuq il-mezzi tax-xandir/bill boards, eċċ, dwar is-sens u l-valur veru tas-sesswalità, il-każijiet ta’ mard infettiv, il-possibbiltà ta’ tqala mhux mistennija barra ż-żwieġ, xi jfisser tkun single mother/father, kif ukoll kif tikber fir-responsabbiltà tal-ħajja intima u affettiva.

Soċjetà li tara fil-bogħod tkompli teduka/tifforma lill-bniedem f’dawn il-valuri nobbli, bħal interess ġenwin f’xulxin, il-valur ta’ relazzjoni monogamika u stabbli, il-kontroll tal-emozzjonijiet (self-control), is-sagrifiċċju u l-maturità. Dan irid isir mhux biss fil-ħin tal-iskola iżda wkoll wara l-iskola obbligatorja, fost l-oħrajn mill-Kunsilli Lokali, mill-Parroċċi u mill-għaqdiet l-oħra b’seminars/courses apposta u counselling speċjalizzat għaż-żgħażagħ biex ikomplu jikbru fl-iżvilupp psiko-sesswali u psiko-soċjali tagħhom.

Ma’ dawn irrid ngħid ukoll li għandna nagħtu każ aktar il-familja inġenerali għax jekk insostnuhom mill-bidu dawn se jipproduċu żgħażagħ stabbli li aktarx jagħmlu għażliet aħjar f’ħajjithom.

Meta fil-familja jkollna relazzjonijiet tajba ma’ xulxin, l-ulied se jħossuhom komdi u mhux imbarazzati li jitkellmu fuq dan is-suġġett. Jien konvint li l-ġenituri huma l-aqwa għalliema ta’ uliedhom, ħafna aħjar minn sħabhom tal-klassi, tal-vann tal-iskola jew mis-siti tal-internet.

Ir-riċerka turi, skont is-sesswolgu Matthew Bartolo, li l-pajjiżi fejn l-edukazzjoni sesswali u l-edukazzjoni fir-relazzjonijiet ssir b’mod aktar apert u bbażata fuq il-valuri, iż-żgħażagħ idumu aktar biex isiru sesswalment attivi. F’dawn il-każi, iż-żgħażagħ għandhom inqas ċans li jinqabdu tqal taħt l-età. Dan minħabba l-fatt li ladarba niksru t-tabù li s-sess mhux ta’ min nitkellmu fuqu, inkunu nistgħu niddjalogaw ferm aħjar ma’ uliedna dwar il-valur tar-rispett kemm lejn ġisimna kif ukoll lejn dak ta’ ħaddieħor.

Dawn il-ħsibijiet qed ngħidhom mhux biss abbażi tal-prinċipji reliġjużi tiegħi iżda wkoll għax huma ta’ fejda u ta’ ġid għas-soċjetà kollha biex hekk id-diskussjoni tkompli b’mod tassew sħiħ.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: