Home > Leħen is-Sewwa > L-AMBJENT

L-AMBJENT


Fl-inzjattivi li qed jittieħdu mhux qed ikun ikkunsidrat  il-bniedem fil-karatteristiċi u l-aspetti kollha tiegħu

Charles Magro

L-Enċiklika Laudato Sì, ippubblikata dan l-aħħar mill-Papa Franġisku, għamlet ħoss qawwi mad-dinja kollha għax l-ambjent tittrattah b’mod li juri ċar kemm s’issa sar paroli fil-vojt. Kemm ittieħdu azzjonijiet li ma wasslu mkien.

Kemm saru wegħdiet fiergħa b’interess ta’ dawk li jgħixu biex iħaxxnu bwiethom u jagħmlu tagħhom dak li jappartjeni lill-umanità kollha.

Għal min jgħodd dal-kliem? Jgħodd għal kulħadd anki għalina fil-gżejjer Maltin. B’din l-Enċiklika l-Papa rresponsabbilizza lil kull wieħed u waħda minna.  Mhumiex il-fabbriki l-kbar biss li jniġġsu l-ambjent.  Mhumiex l-intrapredituri l-kbar biss li jarmu l-iskart fil-baħar.

Il-problema tal-qerda tal-ambjent illum iggravat ħafna.  Ir-raġuni ewlenija għal dan id-diżastru li bih il-bniedem qed jeqred bil-mod il-mod lilu nnifsu hi li fl-inzjattivi mhux qed ikun ikkunsidrat il-bniedem fil-karatteristiċi u l-aspetti kollha tiegħu. Kull bniedem għandu d-dritt jgħix f’ambjent b’saħħtu u f’dan l-ambjent il-bniedem għandu dritt li jsib dak kollu li jgħinu jgħix ħajja diċenti.

Kull bniedem għandu d-dritt jgħix f’ambjent sigur (bla gwerer). Il-bniedem għandu dritt jgħix f’ambjent fejn isib l-affarijiet essenzjali bħall-ilma u amenitajiet oħrajn biex jgħix b’saħħtu hu u l-familja tiegħu. Fost drittijiet oħra, kull bniedem għandu l-jedd għal ambjent li fih jingħata xogħol diċenti, li bih jaqla’ l-għajxien għalih u għall-familja tiegħu.

Biex jittaffew dawn il-problemi d-dinja għamlet ftit li xejn tant li d-differenza bejn il-ftit li għandhom ħafna u l-ħafna li m’għandhom xejn kibret b’mod insostenibbli.  Hu tal-mistħija kif, f’Malta Kattolika u Nisranja, meta morna nżuru ż-żewġ trade fairs li saru dan l-aħħar, fid-dħul kien hemm min kien qed jiġbor il-firem biex dawk li qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet fejn il-bniedem hu sfruttat b’kull mod u fejn il-ħajja saret infern sħiħ, ma nħalluhomx jiġu integrati fis-soċjetà Maltija!

Iktar milli kwistjoni ta’ razziżmu, billi ħafna minn din l-attitudni hi mmirata lejn nies ta’ razez differenti minn tagħna, din hi kwistjoni ta’ egoiżmu sfrenat. Mentalità ta’ min għandu geddumu fix-xgħir u ma jafx x’jiġifieri għajxien f’biża’ kontinwa għall-ħajja. Il-ħala li għandna hi fenomenali minkejja t-twissijiet kontinwi dwar kemm għad inpattu qares għaliha. Il-kwantità ta’ skart li niġġeneraw hi enormi u qed toħolqilna ħafna problemi.  Dak kollu li ma jogħġobniex – u dan jinkludi wkoll lil bnedmin u tfal li jkunu għadhom ma tweldux – sar skart u rridu naraw kif niddisponu minnu malajr u fejn ġie ġie. Basta ma nibqgħux imdejqin bih.

L-ambjent tahulna Alla l-Imbierek. Tah lil kulħadd, biex kulħadd jgħix komdu fih u mhux biex jiġi sfruttat għall-interessi ta’ wħud. L-ambjent Malti qed jinbiegħ għall-voti. Qed jingħata biex jissodisfa l-ħafna wegħdiet li saru qabel u wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013. Qed jingħata lil individwi li qed isiru miljunarji mil-lum għal għada.

Il-politiċi u l-istituzzjonijiet tagħna li suppost qegħdin hemm biex iħarsu l-ambjent ilhom li tilfu l-kredibbiltà.

X’se nagħmlu? L-ambjent hu tagħna lkoll u jeħtieġ li lkoll kemm aħna flimkien inħarsuh billi niddenunzjaw il-ġideb u l-iskandli li llum saru l-ordni tal-ġurnata. Hemm il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna fin-nofs. Għalhekk ħadd m’għandu jibqa’ sieket.

charmon@go.net.mt    

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: