Home > Leħen is-Sewwa > Il-vaganzi: a good detox opportunity

Il-vaganzi: a good detox opportunity


Meta f’kull Quddiesa titolbu għall-Papa, għall-Isqof tagħkom u għall-ministri kollha tal-Mulej, itolbu li nagħmlu d-dover tagħna.    Mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Naqsam magħkom żewġ ħsibijiet ispirati mill-Vanġelu skont San Mark (kapitlu 6). Erba’ versi li jirrakuntaw ir-ritorn tal-appostli minn missjoni li għaliha bagħthom Ġesù.  Iż-żewġ mumenti jagħtuna ħjiel fuq kif jaħseb Ġesù u jiftħu tieqa fuq il-qalb tiegħu. Meta ngħidu l-Qalb ta’ Ġesù nirreferu mhux biss il-muskolu li jippompja d-demm imma għall-personalità ta’ Ġesù, il-karattru tiegħu, il-mod kif jaħseb. Din hi l-Qalb ta’ Ġesù.

7. laqgha zghazaghFil-Vanġelu, naqraw kif il-Mulej jinnota li d-dixxipli għamlu xogħol tajjeb. Qalulu kull ma għamlu imma l-preokkupazzjoni tiegħU hi l-ewwelnett għalihom. “Ejjew miegħi intom biss waħidkom f’post imwarrab u strieħu ftit” (Mk 6, 31). Imma nzerta li madwar l-għadira ta’ Ġennesaret jew Tiberijade ma kienx hemm wisq fejn taħrab.

In-nies, kif rawhom sejrin bid-dgħajsa, għamlu d-dawra fuq ix-xatt jiġru biex jilħqu qabilhom. Kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin. Lanqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. L-appostli kellhom it-tentazzjoni wkoll tal-attiviżmu minħabba l-pressjoni kbira tan-nies u din xi ħaġa li kien iħossha wkoll Ġesù.

Ġesù jgħallem lid-dixxipli lezzjoni essenzjali għalina li teħtieġ ħafna umiltà. L-umiltà li tieqaf biex tistrieħ. Ħafna drabi min hu fl-ingranaġġ tax-xogħol, tan-negozju jew tal-appostolat iħossha bi tqila jieqaf u jgħid: dil-ġurnata se tkun verament għalija. Allura tidħol faċli suppervja sottili li warajha jkun hemm l-idea li mingħajrna d-dinja ma tistax tkampa. Imbagħad xorta nispiċċaw ġo kaxxa mingħajr avviż u d-dinja tkompli.

Kemm hi ħaġa qaddisa li niftakru li meta jsejħilna l-Mulej, id-dinja se tkompli. Għalhekk tajjeb li qabel naslu għall-mistrieħ ta’ dejjem, dawk il-quiet eternal waters, nippruvaw ingawdu our quiet temporary waters li tieqaf tistrieħ biex x-xogħol tiegħek, bl-umiltà kollha imma b’entużjażmu kbir, isarraf aħjar. Dan li qed ngħid lilkom qed ngħidu qabelxejn lili nnifsi.

L-intenzjoni

Ħafna drabi jiġrilna dak li ġralu Ġesù. L-intenzjoni li jistrieħu kienet hemm imma ma rnexxietx għax in-nies antiċipawhom. Marru bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab “imma n-nies rawhom sejrin”, jgħid San Mark u waslu qabilhom. U, kif jasal f’dal-post imwarrab, il-Mulej jirrealizza li mhu mwarrab xejn. Mimli nies. Folla kbira ta’ nies!

Hawnhekk naraw it-tieni aspett tal-Qalb ta’ Ġesù. Tal-mod kif jaħdem. Ra kotra kbira nies u tħassarhom. Kważi ħarġet qalbu bil-kommozzjoni, bl-imħabba u bl-emozzjoni għal dawn in-nies. Inħallet qalbu għax ra poplu li kien qisu nagħaġ bla ragħaj. Qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

Ir-reazzjoni ta’ Ġesù dejjem timpressjonani għax il-Mulej, biex jirrispondi għall-għatx tan-nies, jgħallem. Jekk irridu nħallu lil Ġesù jkun ir-ragħaj tagħna, irridu niftħulu widnejna u meta jgħallimna nisimgħuh.

Il-Mulej jirgħana, jieħu ħsiebna u jindukrana billi jdawwal il-moħħ, il-qalb u l-kuxjenza tagħna. It-tagħlim ma jneħħilekx il-libertà imma jagħtik l-elimenti biex tagħżel.

Għalhekk il-Mulej jirgħa bil-mod, b’ħafna persważjoni u qatt bi vjolenza, għax jgħallem, idawwal il-moħħ u l-għajnejn tal-qalb. Imma l-għażla jħalliha f’idejk.

Ħafna drabi, meta jiġi s-sittax-il-Ħadd ta’ matul is-sena (Sena B), nitkellmu fuq il-Vanġelu u l-Ewwel Qari (Ġer 23, 1-6) fejn hemm ċensura tagħna r-rgħajja, naqilbu l-paġna kemm jista’ jkun malajr. Għaliex jekk hemm omelija kontra l-qassis hi l-Ewwel Qari. Hi ċensura tagħna. Hi motiv biex aħna r-rgħajja nagħmlu eżami ta’ kuxjenza. B’xi mod din accountability tajba li ġġgħalna nagħmlu l-Kelma ta’ Alla għax iċċanfar lir-rgħajja quddiem kulħadd.

“Ir-rgħajja li jeqirdu u jxerrdu l-merħla” imma jgħidilhom “gwaj għalikom”. Mela r-ragħaj ma jistax jeqred imma jmantni. Ma jistax ixerred il-merħla imma jgħaqqadha madwar Ġesù. Mhux madwar djulu. “Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi, gerrixxtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom. Araw se naħseb fikom jien minħabba l-ħażen ta’ għemilkom”.

Il-kuraġġ

Irridu nitolbu biex ir-rgħajja tagħna jkunu skont il-Qalb tal-Mulej. Aħna r-rgħajja rridu nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba, bl-eżempju ħażin tagħna, minflok ġbarna n-nagħaġ xerridnihom. Minflok għamilnilhom l-kuraġġ gerrrixnihom. Minflok ikkurajnihom ma ħadniex ħsiebhom. Irridu nitolbu maħfra quddiem il-komunità li għandha dritt tgħasses fuq ir-rgħajja f’isem il-Mulej.

Meta f’kull Quddiesa titolbu għall-Papa, għall-Isqof tagħkom u għall-ministri kollha tal-Mulej, itolbu li nagħmlu d-dover tagħna.
Il-Mulej qatt ma jabbanduna l-merħla tiegħu. Dejjem jibgħat lil xi ħadd. L-importanti li min hu ragħaj jitgħallem ikun ukoll dixxiplu.

Nixtieq nagħmlilkom kuraġġ biex f’kull ġurnata nsibu dak il-mument ta’ kwiet fejn inkunu weħidna quddiem Alla. Dak il-quiet time.

Nieqaf b’espressjoni sabiħa li uża l-Papa Franġisku s-sena li għaddiet meta tkellem fuq il-vaganzi. Il-Papa Franġisku ma tantx hu devot tal-vaganzi imma qal: kemm hi ħaġa sabiha li l-vaganzi nużawhom biex nagħmlu naqra detox. Forsi hemm xi drawwa li matul is-sena fixklitni. Il-vaganzi jiġu biex ineħħiha mis-sistema tiegħi. Tiġini f’moħħi l-pornografija. L-isbaħ vaganza tkun li tgħid li dik il-website se nieħu vaganza minnha u nagħmel ftit detox. Inkella substance abuse, nagħmlu d-detox.

Mhux faċli. Il-vaganzi kollha jqumu ħafna flus. Il-vaganzi kollha trid tfaddal għalihom. Imma l-vaganza vera hi dik li meta tispiċċa tħossok tassew refreshed, bħal meta tagħfas il-reset button. Intom tafu li r-reset button f’ħafna affarijiet trid tuża xi splengun jew labra inkella tagħfasha bi zball u jagħmillek reset mingħajr ma tkun trid. Imma r-reset trid tfittixha u tagħmel sforz biex tagħmel reset. Reset mhux resit.

Min għamel l-eżamijiet nawguralu jgħaddi u ninsew ir-resits. Imma r-reset fil-vaganzi jkunu a good detox opportunity, anki għall-Isqof.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: