Home > Leħen is-Sewwa > IL-MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU GĦAT-30 JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ (1)

IL-MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU GĦAT-30 JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ (1)


Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Il-Ħadd li għadda, waqt it-talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru, b’ġest simboliku, il-Papa Franġisku nkiteb billi kklikkja fuq tablet għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2016 li se jsir fi Krakovja, fil-Polonja. Hu stieden liż-żgħażagħ kollha biex jieħdu sehem f’din l-attività li se tibda eżatt bħall-Ħadd li għadda sena f’art twelid il-qaddis Ġwanni Pawlu II. Dan il-Jum Dinji se jkun iċċelebrat fis-Sena tal-Ħniena u se jkun f’ċertu sens Ġublew taż-Żgħażagħ imsejħa biex jirriflettu dwar it-tema: Ħenjin dawk li jħennu għax huma jsibu l-ħniena.

L-avventura tat-tiftix tal-hena

Nissoktaw il-pellegrinaġġ spiritwali tagħna lejn il-Krakovja, fejn f’Lulju 2016 se tiltaqa’ l-edizzjoni internazzjonali li jmiss tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Bħala gwida għall-mixja tagħna għażilna l-Beatitudnijiet tal-Vanġelu.

Is-sena l-oħra rriflettejna fuq il-Beatitudni tal-foqra fl-ispirtu fil-kuntest usa tad-Diskors tal-Muntanja. Skoprejna flimkien it-tifsira rivoluzzjonarja tal-Beatitudnijiet u s-sejħa qawwija ta’ Ġesù biex b’kuraġġ nintefgħu fl-avventura ta’ tiftix il-hena.

Din is-sena se nirriflettu fuq is-sitt Beatitudni: “Ħenjin is-safja f’qalbhom, għax huma jaraw lil Alla” (Mt 5:8).

  1. Ix-xewqa tal-ferħ

Il-kelma henjin, jew ferħana, tidher disa’ darbiet f’din l-ewwel prietka kbira ta’ Ġesù (Mt 5:1-12). Qisha ritornell li jfakkarna fis-sejħa tal-Mulej biex nimxu flimkien miegħU fi triq li, minkejja l-isfidi kollha, hi t-triq tal-veru ferħ.

Iva, it-tiftixa għall-hena hi komuni għall-persuni kollha ta’ kull żmien u età. Fil-qalb ta’ kull raġel u mara Alla qiegħed xewqa għall-ferħ, għal ħajja fil-milja tagħha u din hi xewqa li ħadd ma jista’ jidfinha. Ma tintebħux li qlubkom m’għandhomx kwiet u dejjem iridu jfittxu dak il-ġid li jista’ jaqta’ l-għatx tagħkom għall-infinit?

L-ewwel kapitli tal-Ktieb tal-Ġenesi jippreżentawlna l-beatitudni sabiħa li għaliha aħna msejħa u li tikkonsisti fil-komunjoni perfetta ma’ Alla, mal-oħrajn, man-natura, magħna nfusna. L-aċċess ħieles għal Alla, għall-intimità miegħu u d-dehra tiegħu kien preżenti fil-pjan ta’ Alla għall-bnedmin sa mill-bidu tiegħu u b’dan il-mod id-dawl divin seta’ jimla bil-verità u t-trasparenza r-relazzjonijiet umani kollha.

F’dan l-istat ta’ safa oriġinali ma kienx hemm “maskri”, qerq, raġuni għalfejn nistaħbew minn xulxin. Kollox kien ċar.

Meta r-raġel u l-mara ċedew għat-tentazzjoni u kissru r-relazzjoni ta’ għaqda fiduċjuża ma’ Alla, daħal id-dnub fl-istorja umana (Ġen 3). Il-konsegwenzi mill-ewwel dehru anki fir-relazzjonijiet tagħhom magħhom infushom, ma’ xulxin, man-natura. U kienu drammatiċi!

Is-safa tal-bidu donnu ġie mtappan. Minn dak il-waqt ’il quddiem ma baqax possibbli l-aċċess dirett għall-preżenza ta’ Alla. Minflok daħlet it-tendenza li wieħed jistaħba, ir-raġel u l-mara ħassew li kellhom jgħattu l-għera tagħhom. Neqsin mid-dawl li jiġi mid-dehra tal-Mulej, iħarsu lejn ir-realtà ta’ madwarhom b’mod mgħawweġ u limitat. Il-“boxxla” ġewwenija li kienet tmexxihom huma u jfittxu l-ferħ issa titlef il-punt ta’ riferiment tagħhom u l-kilba għall-poter, għall-ġid u x-xenqa għall-pjaċir, hu x’inhu l-prezz, jixħtuhom fl-abbiss tad-diqa u l-uġigħ.

Fis-Salmi nsibu l-karba li biha l-bniedem idur lejn Alla minn qiegħ qalbu: “Min jurina r-riżq? Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek!” (Salm 4:7). Il-Missier, fit-tjieba tiegħu bla tarf, iwieġeb għal din is-sejħa billi jibgħat lil Ibnu. F’Ġesù, Alla jilbes wiċċ uman. Bl-inkarnazzjoni, il-ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu Hu jifdina mid-dnub u jiftħilna orizzonti ġodda li s’issa ma konniex nistħajlu.

U hekk, fi Kristu ssibu l-milja sħiħa tal-ħolm tagħkom ta’ tjieba u hena. Hu biss jista’ jissodisfa x-xewqat tagħkom ħafna drabi mqarrqa mill-wegħdiet foloz tad-dinja. Kif qal San Ġwanni Pawlu II: “Hu l-ġmiel li jiġbidkom tant. Hu li jqanqalkom b’dak l-għatx ta’ radikalità li ma jħallikomx taqgħu għall-kompromess. Hu li jġagħilkom twarrbu l-maskri li jiffalsifikaw il-ħajja. Hu li jaqra fi qlubkom id-deċiżjonijiet l-aktar veri li oħrajn iridu jifgaw. Hu Ġesù li jqajjem fikom ix-xewqa li tagħmlu xi ħaġa kbira minn ħajjitkom” (Velja ta’ talb f’Tor Vergata, 19 ta’ Awwissu 2000: Insegnamenti XXIII/2, [2000], 212).

  1. Henjin is-safja f’qalbhom

Issa ejjew infittxu li ninżlu iktar fil-fond ta’ din il-beatitudni biex naraw kif tgħodd għas-safa tal-qalb. Qabel xejn irridu nifhmu t-tifsira Biblika tal-kelma qalb.

Għall-kultura Lhudija l-qalb hi ċ-ċentru tas-sentimenti, tal-ħsibijiet u tal-fehmiet tal-bniedem. Jekk il-Bibbja tgħallimna li Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ, imma lejn il-qalb (1 Sam 16:7), nistgħu ngħidu wkoll li mill-qalb irridu nitilqu biex nistgħu naraw lil Alla. Dan għax il-qalb tiġbor fiha l-essri uman kollu kemm hu, ġisem u ruħ, fil-ħila tiegħu li jħobb u jkun maħbub.

Min-naħa l-oħra, f’dak li jolqot id-definizzjoni ta’ safi, il-kelma Griega użata mill-evanġelista Mattew hi katharos u fundamentalment tfisser nadif, ċar, ħieles minn sustanzi kkontaminati.

Fil-Vanġelu naraw lil Ġesù jwarrab għall-ġenb kunċett tas-safa ritwali marbut ma’ dak li jidher minn barra, li ma kien jagħti lok għall-ebda kuntatt ma’ ħwejjeġ u persuni (fosthom l-imġiddmin u l-barranin), meqjusa impuri. Lill-Fariżej li, bħal ħafna Lhud ta’ dak iż-żmien, ma kinux jieklu qabel ma jkunu għamlu r-rit tat-tisfija u kienu josservaw għadd ta’ tradizzjonijiet marbuta mal-ħasil ta’ l-oġġetti, Ġesù jgħidilhom b’mod kategoriku: “Mhemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem.

“Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha” (Mk 7:15,21-22).

Mela fiex jikkonsisti l-hena li jnixxi minn qalb safja? Jekk naqbdu l-lista ta’ ħażen li lill-bniedem jagħmlu impur, kif jagħtihielna Ġesù, naraw li l-kwistjoni tmiss fuq kollox il-qasam tar-relazzjonijiet tagħna. Kull wieħed u waħda minna għandu jitgħallem jagħraf x’inhu dak li jista’ “jtebba’” lil qalbu, kapaċi “jagħraf x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rum 12:2). Jekk hemm bżonn nagħtu attenzjoni tajba lill-ħarsien tal-ħolqien, l-indafa tal-arja, tal-ilma u tal-ikel, wisq aktar jeħtieġ inħarsu s-safa ta’ dak li l-aktar hu għażiż għalina: il-qlub tagħna u r-relazzjonijiet tagħna.

Din l-“ekoloġija umana” tista’ tgħinna nieħdu n-nifs tal-arja pura li tiġi mill-ħwejjeġ sbieħ, mill-imħabba vera, mill-qdusija.

fpa234@gmail.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: