Home > Leħen is-Sewwa > IL-LAJK HU Lajk

IL-LAJK HU Lajk


Spazju għall-qdusija tal-lajk

Joe Galea

Fl-ewwel u fit-tieni parti ta’ dan l-artiklu tkellimna dwar ir-rwol u r-responsabbiltà tas-Saċerdot, kif il-lajċi jħarsu lejn is-Saċerdot u kif il-lajċi għandhom sehem daqstant importanti fil-ħajja tal-Knisja. Inkomplu dwar il-ħidma siewja li jagħtu l-lajċi fil-ħajja tal-Knisja.  Imma l-lajk jgħix f’nofs l-istorbju, imdawwar mill-folla, mgħattan taħt il-ħidmiet li huma parti minn ħajtu. Dejjem għaddej.

Jaħdem f’uffiċċju mdawwar minn impjegati u mitluf fil-kolonni tal-accounts. Jaħdem f’fabbrika, skjav ta’ magna li ssir parti minnu. Hu marsus f’karrozza tal-linja, jiffolla biex jgħaddi. Hu parti mill-ħajja. Jgħix f’akkwata tal-lokal.

Joqgħod fi flat li l-ħitan irqaq tiegħu jġibulu l-ħsejjes tal-familja ta’ ħdejh. Qiegħed f’xatt il-baħar, f’ristorant. Jagħmel parti minn familja u minn dak li jissejjaħ il-milieu soċjali. Hu parti minn union ta’ ħaddiema.

F’kull ġurnata tal-ħajja tiegħu, jinduna li mhuwiex waħdu, hu f’ambjent, hu f’fabbrika, hu f’xi klassi soċjali, f’kelma waħda hu membru tal-komunità tal-bnedmin. Hu mdawwar min-nies dejjem għaddejjin u hu f’kumpanija magħhom u huma dawk in-nies li jridu jiltaqgħu ma’ Alla.

Madankollu ssib min jgħidlek biex tinfired mid-dinja jekk trid issib lil Alla. Jekk tassew li Alla jeżisti biss fid-deżert u fis-silenzju, allura mhuwiex aċċessibbli għall-parti l-kbira tan-nies tal-lum. U jekk l-iskop tal-Inkarnazzjoni hi li Alla jingħaqad mal-bniedem fil-ħajja kollha tiegħu, kieku nistgħu ngħidu li fallejna f’dan l-iskop.

Imma mhux hekk. Naraw b’għajnejna li l-Ispirtu s-Santu hu fil-proċess li jgħallimna llum li, għalkemm id-doni u l-vokazzjoni huma differenti fil-bnedmin, kull bniedem hu msejjaħ biex jiltaqa’ ma’ Ġesù u jingħaqad miegħu f’dak il-qafas ta’ ħajja li l-Providenza assenjatlu. L-Ispirtu s-Santu qed jgħidilna li l-ħajja mhix “kastig” imma hi rigal mill-Ħallieq. Mhix xkiel għall-għaqda ma’ Alla. Il-bniedem mhux ikkundannat biex jgħix bħala “eżiljat” f’dan il-“wied tad-dmugħ”. Il-bniedem hu mistieden biex jipparteċipa, bħala ħabib u wieħed mill-aħwa ta’ Ġesù, fil-familja, fil-missjoni li Alla fada lil Ibnu.

Impenn

Aktar milli jħares lejn toroq oħra, il-lajk li qed jaqdi missjoni jrid iħares lejn Ġesù u jimpenja lilu nnifsu f’din is-sejħa kollu kemm hu. Mhix is-sejħa tiegħu li jgħix ħajja mbandal f’xewqat inutli, li jedha fl-emozzjonijiet u fil-burdati, li minn jum għal ieħor jistenna sodisfazzjon, li jibki bid-diżappunti u li jitwennes b’konsolazzjonijiet. La hu konvint li qed jgħix vokazzjoni sħiħa, il-lajk irid jersaq dejjem iżjed lejn Alla permezz ta’ Ġesù.

Miegħu jwettaq il-ħidma mitluba minnu, jistudja biex itemmha bl-aħjar mod, juża sew il-ħin liberu tiegħu, ir-relazzjonijiet u l-imħabbiet tiegħu.

Il-lajk għandu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ Kristu fit-triq. Kristu li hu hemm għal kulħadd u f’kulħadd. Iħoss il-preżenza ta’ dak li mhu indifferenti għal xejn. Iħares lejn Ġesù, li mhux assenti mill-ħajja tan-nies. Alla qiegħed hemm u qed iħobb kull ħin lill-bniedem u jistenna li l-bniedem jagħraf din l-imħabba kbira ta’ Alla u jaħdem id f’id miegħu. Il-milja tal-vokazzjoni tiddependi minn kemm wieħed isib lil Alla.

Il-Knisja teħtieġ qaddisin lajċi u dawn, immexxija mill-Ispirtu s-Santu, għad jagħtu lill-Knisja qaddisin ġodda li tant jagħmlu sens illum. Sadanittant, flimkien ma’ ħutna l-lajċi, irridu niskopru iżjed id-don tal-vokazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna u nitolbu l-grazzja li ngħixu l-avventura tal-qdusija f’għamliet ġodda.

josephgaleam@gmail.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: