Cella Caelum!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Il-ħajja tiegħi fil-kunvent kollha stejjer. Għalkemm mhux ħrejjef! Tagħlim. Imma qatt ħela ta’ ħin!

Darba minnhom, meta kont għadni fil-bidu tal-formazzjoni tal-bidu għall-ħajja Franġiskana Kapuċċina, konna ħerġin dawra mad-Direttur tagħna filgħaxija. Ta’ żgħażagħ fl-aħjar tagħna dawra filgħaxija kienet tinżlilna għasel! Li toħroġ, speċjalment f’dawn il-jiem sħan tas-sajf, tassew hija grazzja mill-kbar nett. Mela fil-kuritur, minn fejn konna għaddejjin, ikun hemm Patri imdaħħal fiż-żmien li inzertajnieħ dieħel f’kamartu. Il-Patri, x’ħin rana ħerġin ‘il barra, sellminna bil-ħlewwa kollha u qalilna dawn il-preċiżi kelmiet bil-Latin: Cella Caelum!

Issa jien, għalkemm studjajt il-Latin, ridt inkun fiż-żgur fuq dak li naf. Għalhekk staqsejt wieħed mill-patrijiet tagħna, li l-ilsien Latin jilgħab bih, u għedtlu: “Patri! Xi tfisser eżatt din il-frażi Cella Caelum?” Il-Patri tbissem u ħmar fl-istess waqt. Naf! Moħħu u qalbu reġgħu marru fin-nostalġija tal-imgħoddi glorjuż tal-ordnijiet reliġjużi f’Malta. “Patri!”, weġibni bi ħlewwa kbira. “Din il-frażi tfisser il-kamra tal-Patri l-ġenna! Toħroġx minn ġo fiha!” Smajtu! X’biċċa għerf venven il-Patri! Iva! Għerf! Dan il-Patri fakkarni fl-istess kelma li għaref Kapuċċin ieħor kien qalli qabel dħalt mal-Patrijiet Kapuċċini. Dawn il-kelmiet għadhom isammruni sallum! Avolja għaddew tlieta u għoxrin sena minn fuqhom! “Ħobb il-kamra!” Illum nifhmu. Inbierku. U nitlob minn qalbi għal ruħu! Jekk għandu bżonn għall-ġid kbir li għamel!

Ħobb il-kamra! Għax il-kamra hija l-ġenna! Għaliex fil-kamra, fis-skiet tagħha, insib ix-xejn li hu mimli bil-Kollox. Is-skiet li għall-ewwel inikkitni. Niftakarni qisu ilbieraħ meta, għall-ewwel li dħalt mal-patrijiet, kont nixgħel ir-radju f’kamarti. Dak is-skiet ma kontx nifilħu! Int ġieli ġralek bħali? Biex tgħaxxaqha dejjem smajt il-leħen, li illum ngħidlu giddieb, jgħidli: “Is-skiet! Ommi Mà xi ħlewwa ta’ qalb!” Imma meħtieġ ħabib! Oħti! Mingħajru inkunu qisna dak il-Patri li qatt ma ssibu f’kamartu għaliex dejjem jiġġerra mal-kuritur tal-kunvent iparla fil-vojt! Biex jitkixxef ħa jtaqtaq! L-istess bħal dik il-mara li qatt ma ssibha f’darha! Mhux l-għaliex marret taħdem biex tgħajjex il-familja tagħha tafux! Imma l-għaliex moħħha fin-nies! Moħħha x’għamel dik! U x’għamlu dawk! Ħa jkollha fuqhiex tpaċpaċ! Ma toqgħodx waħedha! Is-skiet iqabbadha ħlewwa ta’ qalb! Ferneżija! Ma tridx taffaċċja lilha innifisha! Skomdu wisq ħej dak il-post! Trid tibqa’ iżżomm il-mibegħda f’qalbha lejn ommha jew oħtha! Mela oħroġ ‘il barra! Ħa tinsa’!

Le ħija! Le oħti! Ngħidlek bil-kontra. Idħol f’kamartek ta’ ġewwa! Fic-Cella Caelum! Għaliex hemmhekk se ssib lilek innifsek. U, fil-qalba tiegħek innifsek, se ssib lilU! Lill-Mulej Ġesù. Jistennik! Ħa jitħaddet naqra miegħek. Rasek u rasu! Jixtieq ikellmek. U għandu fuqhiex ikellmek! Mela jaqbillek tħalliħ ikellmek! Ħalli kliemu jinżillek balzmu fuq il-feriti li tħoss f’qalbek. Feriti qodma! Mhux tallum. Li ilek iġġorrhom! Forsi iddennewlek! Għalhekk qegħdin jibkulek bil-ħniena biex toħodhom għand xi ħadd ħalli jfejjaqhom. Għaliex għejjew imsieken ibatu! Kun qalbek tajba ma’ qalbek ġbin! Għal darba!

Wistin, l-imqareb, li llum sar Santu Wistin, hekk għamel. Ħa r-ruħ meta daħal f’qalbu. F’kamartu! Li saritlu ġenna! Cella Caelum!

Isimgħu x’jgħidli! X’jgħidlek!

“Erġa lura, erġa lura lejn qalbek! Fejn tridu tmorru ‘l bogħod minnkom infuskom? Jekk titbiegħdu tintilfu. Għaliex qegħdin tintasbu fuq toroq għerja? Idħlu lura mill-ġiri tagħkom  għal għonq it-triq li ħariġkom mit-triq; erġgħu lura lejn il-Mulej. Huwa dejjem lest għalikom. Iżda l-ewwel u qabel xejn idħol ġewwa qalbek, int li sfajt barrani għalik innifsek, minħabba l-ġiri tiegħek bla nifs ‘il barra minnek innifsek: lanqas biss taf lilek innifsek u qiegħed tfittex lil dak li ħalqek!… Erħa idħol ġewwa qalbek: … għaliex hemm ġew tinsab ix-xbieha ta’ Alla; fil-ġewwieni tal-bniedem jgħammar Kristu, u hemm, fil-ġewwieni tiegħek issib li inti ġejt imġedded fuq ix-xbieha ta’ Alla” (mit-Trattat fuq il-Vanġelu ta’ San Ġwann 18,10).

Fittex il-kwiet! Ħa ssib lil Ġesù Kristu li jgħix f’qalbek! Cella Caelum!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: