Home > Leħen is-Sewwa > FID-DGĦAJSA TA’ PIETRU HEMM POST GĦAL KULĦADD

FID-DGĦAJSA TA’ PIETRU HEMM POST GĦAL KULĦADD


Mhux kompitu jew responsabbiltà tagħna li nagħżlu bejn il-ħut tajjeb u dak ħażin

L-Isqof Mario Grech

Il-ferħ fuq wiċċ il-komunità parrokkjali dakinhar tal-pussess ta’ Dun Michael Curmi bħala Arċipriet tal-Parroċċa Santa Margerita, Ta’ Sannat, deher.  Dal-ferħ tagħna mhux biss għax qed nilqgħu lill-Arċipriet il-ġdid fil-bidu tal-mandat tiegħu imma wkoll għax nemmnu li bil-preżenza ta’ dan is-saċerdot ġdid f’din il-komunità parrokkjali se jirnexxielna nkomplu niskopru lil Ġesù. It-teżor moħbi li nsibu fil-parabbola (Mt 13:44-52). Ġesù hu l-motiv tal-veru ferħ tal-bniedem. Il-ferħ l-ieħor hu tajjeb imma malajr jevapora mentri meta nsibu lil Ġesù u nitwaħħdu miegħu, il-ferħ tagħna ma jeħodhulna ħadd.

6. Pussess 3 cols 0208Fil-bidu ta’ din il-missjoni inħeġġeġ lil Dun Michael biex jagħmel ħiltu kollha ħalli jgħin lil din il-komunità ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha ma’ Ġesù. “Agħmel dak kollu li tista’ biex il-komunità ssir aktar Kristjana mhux biss fl-isem imma fil-prattika. Għinha tkompli tikxef il-preżenza moħbija ta’ Alla”.

Bħar-raġel tal-parabbola li biex sab it-teżor kellu jagħżaq fil-fond u jaħdem art iebsa ħalli ħareġ għad-dawl dak li kien fid-dlam. Ninkuraġġixxi lil Dun Michael biex ma jaqtax qalbu jaħdem art xagħrija u jaqleb l-art imballta. “Fannad kemm tista’, anki jekk ikollok ittella’ l-boqoq f’idejk għax anki fl-iebes hemm Alla. Tibżax tixref fejn hemm id-dlam għax hemm ukoll tista’ ssib sinjali tal-preżenza ta’ Alla. Ħu ħsieb l-art maħduma imma żomm għal qalbek ukoll l-art mitluqa għax hemmhekk ukoll hemm is-sorpriżi ta’ Alla”.

Kif jikteb il-Papa Franġisku fl-Evangelii Gaudium: “ħadd mhu eskluż mill-ferħ li jġib il-Mulej”. Meta ngħid li “ħadd” qed nifhem letteralment “ħadd”. Il-ferħ li jagħti Ġesù hu offrut lil kulħadd. Kemm lil dawk tal-qrib kif ukoll lil dawk tal-bogħod. Lil Dun Michael fdajtlu “għalqa” li fiha hawn moħbija ġawhra prezzjuża. Qed nirreferi għall-komunità parrokkjali. Ftit ilu għamilt il-Viżta Pastorali f’din il-parroċċa u, minn dak li nnutajt tul il-ġimgħat li “għext” magħhom, nista’ ngħid li l-predeċessur ta’ Dun Michael, Monsinjur Tarċisju Camilleri, għaddielu “għalqa” li fiha tassew hemm it-teżor: Ġesù. Fil-qalb ta’ dawn in-nies hemm ġawhra li tiswa ħafna. Hemm Alla. “Jien qed nibagħtek magħhom biex int toħroġ aktar fid-dieher dak li hemm mistur fihom”.

Qalb ta’ missier

Biex jagħmel dan infakkru f’dak li ktiblu fid-digriet tal-ħatra: “Fittex kabbar fik qalb ta’ missier biex b’ħafna mħabba, ħlewwa u miżerikordja ddewwaqhom il-kura paterna tal-Missier Alla”.

Il-bniedem tal-lum aktar għandu bżonn l-imħabba milli l-prietki. Aktar qiegħed fuq ix-xwiek biex jisma’ kelma ta’ faraġ milli lezzjoni elaborata. Aktar jixxennaq għal tgħannieqa milli għal twiddiba. Għalhekk neżortah ukoll biex bħar-raġel tal-parabbola jkun lest ibigħ kulma għandu biex jixtri din l-għalqa li fiha t-teżor moħbi. Biex jikseb din il-ġawhra!

Dan hu l-ministeru tagħna s-saċerdoti. Li ninfatmu minn dak kollu li hu “tagħna” biex verament ngħinu l-bniedem, il-familji u l-gruppi jintebħu bil-preżenza ta’ Alla fihom. Imma rridu nkunu lesti nħallu kollox. Ninsew lilna nfusna. Għax l-awtoreferenzjalità hi marda endemika fina s-saċerdoti li qed ittellifna milli nwettqu pastorali effettiva.

Għalhekk, Dun Michael irid il-kuraġġ biex jinża’ l-“jien” tiegħu, ikun aktar ħieles fl-eżerċizzju tal-ministeru tiegħu u jkompli jlaqqa’ il-komunità ma’ Ġesù. Inkella m’hemmx skop li jkun saċerdot, kappillan u Isqof. Hekk tkun komunità ferħana.

Biex jagħmel dan jeħtieġlu wkoll, kif jgħid il-Vanġelu, jitfa’ x-xibka li fiha “jinġabar kollox”. Il-ħut kollu. Ħadd mhu mwarrab jew eskluż. Fix-xibka li jifrex is-saċerdot hemm wisa’ għal kulħadd u ħadd mhu għar-rimi. Hu minnu li fil-Vanġelu naqraw li “meta x-xibka jtellgħuha x-xatt, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin” (Mt 13:48). Ġesù ma jgħidx “ħżiena” fis-sens ta’ ġudizzju morali imma dawk li tħassru u nitnu għax mietu. Għalhekk m’hemmx tama aktar għalihom. M’hemmx possibbiltà ta’ rkupru.

Post għall-midneb

Fi kliem ieħor “il-ħżiena” huma dawk li assolutament huma irreversibbli. Żgur li l-midneb mhux f’din il-kategorija. Fil-kannestru tas-sajjied hemm post għall-midneb ukoll. Fid-dgħajsa ta’ Pietru jitla’ wkoll il-midneb għax, sakemm il-bniedem hu ħaj, tibqa’ t-tama li wieħed jirrevedi ħajtu.

Fil-Knisja mgħandna naqtgħu qalbna minn ħadd. Lil Dun Michael irridu jkun konvint bħali li fil-Knisja u fis-soċjetà ma jeżisti ħadd li hu “inutli” jew “irrekuperabbli” tant li jaqta’ jiesu minnu. Hi x’inhi l-kundizzjoni tal-bniedem jew l-għażla li jagħmel, hemm postu f’din ix-xibka, fil-komunità ekkleżjali.

Mhux kompitu tagħna nagħżlu bejn ħut tajjeb u ħut ħażin. Kif jgħid Ġesù, din l-għażla hi f’idejn l-“anġli” li fi tmiem id-dinja joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti. Fi kliem ieħor, il-ġudizzju nħalluh għal Alla. Għalhekk mhux xogħol tagħna nikklassifikaw in-nies u nqegħduhom f’kategoriji: dawn tajbin u dawk ħżiena. Dawn jistgħu jiġu l-laqgħat tal-komunità u lil dawk neskluduhom u nħalluhom wara l-bieb! Aħna min aħna biex nagħmlu dawn il-ġudizzji?

Għalhekk, meta nibagħat lil Dun Michael biex, f’isem Kristu, jieħu ħsieb il-pastorali tal-komunità nagħtih il-mandat biex jifrex ix-xibka u jqis li fiha jilqa’ lil kulħadd. Ħadd eskluż għax mhawn ħadd mitluf. Ilkoll nistgħu nirrevedu l-ħajja tagħna u nikbru fl-intimità ma’ Ġesù.

Meta Ġesù jgħid li s-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil xibka li fiha jinġabar kollox, dan għandu interpretazzjoni oħra. Meta jgħid li fix-xibka jinġabar “kollox”, Ġesù jgħid li flimkien mal-ħut fix-xibka jkun hemm “imbarazz” li l-bniedem ikun difen fil-qiegħ tal-baħar. Allura meta jtella’ x-xibka fuq ix-xatt, is-sajjied inaddaf ix-xibka mhux mill-ħut imma mill-imbarazz.

Il-komunità ekkleżjali

Hekk ukoll fil-komunità ekkleżjali. Fiha hemm wisa’ għall-bnedmin kollha u mgħandna nwarrbu ebda persuna. Imma għandna “imbarazz” li mhux biss mgħandu ebda siwi imma hu ta’ xkiel.

Dun Michael jaf li nixtieq ħafna li nnaddfu x-xibka tal-Knisja mill-ħafna imbarazz li nġema’ matul is-snin. Naf li din mhix missjoni ħafifa, għax hemm ħafna mhux biss lajċi, li ma jifhmunix. Jekk inħallu din ix-xibka mgħobbija kif inhi bl-imbarazz, hemm il-periklu li tiċċarrat u nitilfu l-ħut kollu.

Għalhekk indur fuq il-poplu ta’ Alla. Filwaqt li nifraħ miegħu u napprezza li qed jilqa’ lil dan is-saċerdot biex ikun qaddej tagħhom fl-uffiċċju ta’ Kappillan, nitlobu jikkopera miegħu biex jirnexxi fil-missjoni li l-Knisja fdatlu. Is-suċċess tiegħu jiddependi minn kemm jgħin il-komunità tkompli tikber fix-xebh tagħha ma’ Ġesù. Skont kemm jagħraf ipoġġi lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajtu. Dun Michael se jinħall mill-irbit tiegħu biex iwettaq b’fedeltà u f’kollaborazzjoni miegħi l-missjoni li fdajtlu imma nitlob lill-komunità tgħinu ħalli f’din ix-xibka jħaddan lil kulħadd b’dik l-imħabba ta’ missier. Inqiegħed il-missjoni tiegħu taħt il-ħarsien ta’ Santa Margerita.

bishopmgrech@gmail.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: