Home > Leħen is-Sewwa > IL-FIGURA TAS-SAĊERDOT FIT-TAGĦLIM TAL-PAPA FRANĠISKU

IL-FIGURA TAS-SAĊERDOT FIT-TAGĦLIM TAL-PAPA FRANĠISKU


Fi żmien meta f’diversi nħawi tad-dinja l-figura tas-saċerdot ġiet imtebbgħa minn każi ta’ skandli ta’ pedofilija, il-Papa Benedittu XVI xandar Sena Saċerdotali.  Fid-diskorsi tiegħu kif ukoll f’diskorsi tal-Kardinal Hummes li dak iż-żmien kien Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kleru, tfisser ċar l-iskop ta’ dik is-sena: li tkun okkażjoni speċjali biex is-saċerdoti jirriflettu fuq is-sejħa u l-missjoni tagħhom u li jġeddu l-grazzja tas-sagrament tal-Ordni Sagri li rċivew.

Mela kellha tkun “okkazjoni għal tagħrif aktar profond teologiku u spiritwali” tas-saċerdozju (il-Kardindal Hummes).

Tul il-pontifikat tiegħu, l-Papa Benedittu tkellem f’bosta okkażjonijiet fuq il-ħtieġa li mhux biss is-saċerdoti iżda wkoll l-Isqfijiet ikunu ministri denji tal-ministeru nobbli li ġie fdat lilhom. U tul is-sentejn tal-pontifikat tiegħu l-Papa Franġisku ma naqasx jisħaq fuq din il-ħtieġa. Anzi drabi uża lingwaġġ pjuttost iebes.

F’din is-sensiela ktibt fil-qosor fuq seba’ kwalitajiet li skont il-Papa Franġisku jeħtieġ li jżejnu l-ħajja ta’ kull saċerdot.

  1. IĦOBB IL-KNISJA

L-Isqof Ġorġ Frendo O.P.

Dwar din il-karatteristika tas-sacerdot il-Papa tkellem fil-Katidral ta’ Napli: “Ma tistax tħobb lil Ġesù jekk ma tħobbx lill-Għarusa”. U fl-udjenza generali tas-26 ta’ Marzu 2014 qal: “Karatteristika oħra li dejjem tkabbar l-għaqda sagramentali ma’ Ġesù hi mħabba mħeġġa għall-Knisja.

Bis-saħħa tal-Ordni Sagri l-ministru jikkonsagra ruħu totalment għall-komunità tiegħu u jħobbha b’qalbu kollha għax hi l-familja tiegħu. L-Isqof u s-saċerdoti jħobbu b’imħabba kbira l-Knisja fil-komunitajiet tagħhom”.

Iżda Franġisku jippreżenta din l-imħabba għall-Knisja bħala okkażjoni biex naqdu lill-poplu bil-ferħ: “Mhemmx identità – allura lanqas il-ferħ tal-ħajja – mingħajr appartenenza attiva u ddedikata għall-poplu ta’ Alla. Il-ferħ saċerdotali hu ferħ bħall-ubbidjenza. Ubbidjenza lejn il-Knisja u l-ġerarkija. Iżda hi ubbidjenza lejn il-Knisja wkoll biex taqdi: tkun dispost u ħafif biex taqdi lil kulħadd” (Quddiesa tal-Griżma, 2014).

Fid-diskors li kien ħejja għal-laqgħa mal-kleru u r-reliġjużi fil-Katidral ta’ Napli (21 ta’ Marzu 2015) irrifera għal ċertu individwaliżmu pastorali “li jinkludi t-tentazzjoni biex timxi ’l quddiem waħdek jew ma’ grupp ċkejken ta’ dawk li jaħsbuha bħalek. Iżda nafu li lkoll huma msejħa jgħixu f’għaqda ma’ Kristu fil-presbiterju madwar l-Isqof. Tistgħu, anzi għandkom, tfittxu dejjem forom konkreti adattati għaż-żmien u r-realtà taż-żona iżda tiftix bħal dan pastorali u missjunarju għandu jsir bi spirtu ta’ għaqda, umiltà u fraternità”.

Ftit jiem ilu nħsadna bl-aħbar li l-Irlanda, f’referendum, ivvutat b’maġġoranza kbira favur iż-“żwieg” gay. Kif inhu possibbli li l-Irlanda, l-Irlanda Kattolika, l-Irlanda tal-qaddisin, ċaħdet verità hekk fundamentali u prinċipju hekk naturali fuq iż-żwieġ bħala essenzjalment eterosesswali u mxiet fuq l-eżempju ta’ pajjiżi aktar sekularizzati? Jien naħseb li l-vot f’dan ir-referendum kien parzjalment vot ta’ protesta kontra Knisja li tilfet il-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu konsegwenza ta’ diversi skandli li xxukkjaw is-soċjetà Irlandiza. Biżżejjed insemmu l-iskandlu tal-Isqof Casey mikxuf fl-1992, l-iskandli mikxufa fl-1993 ta’ trattament ħażin ta’ tfal f’istituti u skejjel tar-reliġjużi rġiel u nisa u ħafna skandli ta’ pedofilija minn ħafna saċerdoti.

Ma ninsewx kliem Pawlu VI fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi: “Il-bniedem tal-lum aktar jisma’ mix-xiehda milli mill-għalliema u, jekk jisma’ minn dawn, jismagħhom għax huma wkoll xiehda”. Ħalli nħeġġu l-poplu tagħna biex jitlob għall-vokazzjonijiet saċerdotali iżda ħalli jitlob ukoll biex ikollna saċerdoti qaddisin.

frendoge@gmail.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: