Home > Leħen is-Sewwa > Retorika u sustanza

Retorika u sustanza


J. M. Bonnici

Fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali bħalissa hawn ħafna diskors fuq it-tneħħija taċ-ċensura wara li l-Ministru Owen Bonnici ftaħar li l-Gvern wasal għaliha.

Il-gazzetta Malta Today tat-12 ta’ Lulju kellha mill-inqas sitt paġni b’artikli u intervisti dwar dan u dwar l-industrija l-ġdida tas-sex shops. Inkiteb ħafna u spikkat is-superfiċjalità fil-ħafna statements li saru fihom.

Dieqa

Meta taqra kulma nkiteb dwar dan is-suġġett, jekk tħobb lil pajjiżek u tgħożż l-identità tiegħu li tant konna niftaħru biha, ma tistax ma tħossx sentiment ta’ dieqa.

Wieħed mill-artikolisti li hu favur it-tneħħija taċ-ċensura u l-mewġa ta’ liberaliżmu sfrenat, iddeskriva l-atteġġjament tal-Gvern bħala everything goes so long as it generates money! B’kumbinazzjoni, is-Sibt ta’ wara, f’laqgħa li saret biex jitfakkar l-40 sena mill-patt ta’ Helsinki, il-Prim Ministru qal ċar u tond:“The economy is the root of everything”.

Osservazzjoni oħra f’dan l-artiklu kienet “Malta? It’s one massive sex-shop already” u ieħor tkellem fuq Maltese morality u kompla “there is a visible proof of its non-existence”.

Dawn il-kummenti flimkien joħolqu xbieha ta’ Malta li tixtieq li mhix vera. Tixtieq ma temminx li pajjiżna qed jiġi maħkum mill-idolatrija tal-flus u tas-sess bħala oġġett ta’ pjaċir biss. Tixtieq li almenu jkun hemm studju veru mneżża’ mill-bias tal-hekk imsejħa liberali u progressivi li jistħarreġ il-valuri tal-Maltin tal-lum u forsi hekk ikollna iżjed dawl fuq l-għerq veru tal-problemi ta’ pajjiżna.

Il-Gvern

“Il-Gvern mhuwiex l-għassies tal-morali”, qal il-Ministru Owen Bonnici fil-kuntest tat-tneħħija sħiħa taċ-ċensura. Hi stqarrija – bħal ħafna oħrajn li jingħadu – li fiha l-verità tagħha imma jiddependi ħafna kif tiġi interpretata.

Veru li l-Gvern m’għandux ikun l-għassies tal-moralità individwali imma l-Gvern għandu jieħu ħsieb dak li spiss jintesa llum: il-ġid komuni. Il-ġid komuni hu l-ġabra tal-kundizzjonijiet ta’ ħajja tas-soċjetà li jwasslu għall-ġid veru u għall-progress uman taċ-ċittadini kollha.

U meta ngħidu ġid u progress ma nifhmux biss ġid ekonomiku u flus fil-but.

Daż-żmien ninsistu fuq approach ħolistiku, jiġifieri sħiħ. Il-ġid tal-bniedem mhux biss riżultat tal-ekonomija imma ta’ kundizzjonijiet ta’ ħajja li jixirqu lid-dinjità tiegħu u jgħinuh biex jgħix skont din id-dinjità. Għalhekk importanti l-impatt soċjali tal-liġijiet li l-Gvern jagħmel u l-influwenza tagħhom fuq il-kultura tas-soċjetà.

Il-ftuħ legalizzat tas-sex shops għandu messaġġ għas-soċjetà u ta’ min jistudja l-impatt soċjali ta’ miżura bħal din. Il-Gvern ma jistax ikun newtrali quddiem il-valuri u n-non-valuri tas-soċjetà.

Libertà

Fil-gazzetta Kulħadd tat-12 ta’ Lulju wieħed mill-artisti interessat fuq it-tneħħija taċ-ċensura qal li l-libertà tfisser ukoll libertà li toffendi. Naħseb li hemm ukoll id-dritt ta’ kulħadd li ma jiġix offiż.

Għalhekk hemm drittijiet konfliġġenti. Anki hawn isir ħafna diskors mimli retorika dwar il-libertà imma li trid tara x’ifisser fil-prattika. Għax bl-iskuża tal-libertà ħafna drabi jiġu mkissra libertajiet u drittijiet ta’ ħaddieħor. Ġieli bid-diskors dwar id-drittijiet tal-minoranzi jiġu mittiefsa d-drittijiet u l-libertà tal-maġġoranza.

Il-Ministru Owen Bonnici ftaħar bit-tneħħija tal-artiklu dwar il-vilifikazzjoni tar-reliġjon. Skont Dr Austin Bencini, fl-artiklu tiegħu fit-Times of Malta tat-13 ta’ Lulju intitolat Vilification of Maltese Catholic Religion, hi biss miżura kosmetika għax l-artikli kienu redundant. Meta ħaġa bħal din tiġi ppreżentata bħala xi qabża kbira fil-libertà tal-espressjoni, ikun qed jintbagħat messaġġ lis-soċjetà.

Fil-prattika, fis-soċjetà tagħna issa baqa’ biss il-privileġġ tal-Membri Parlamentari u naħseb li baqa’ wkoll xi privileġġi oħra lill-President u l-Prim Ministru. Fil-fatt, fil-Qorti qed jinstema’ każ ta’ diskors mhux xieraq li ntqal fuq il-Prim Ministru.

Irridu għalhekk nagħmlu distinzjoni bejn retorika u sustanza. Ir-retorika hi biss duħħan li ma jibnix. Is-sustanza hi l-ġid veru tal-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla u li għalhekk jixraqlu l-ikbar rispett.

jmbonnici@lehenissewwa.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: