Home > Leħen is-Sewwa > Qatt messitek xorti kbira f’ħajtek? Din ix-xorti messet lili

Qatt messitek xorti kbira f’ħajtek? Din ix-xorti messet lili


Dun Ġużepp Camilleri jikteb mill-Gwatemala

Xahar u nofs ilu irċevejt telefonata mingħand ir-Rettur tas-Seminarju Asuncion fi Guatemala City fejn staqsieni jekk nixtieqx infakkar il-55 sena tas-saċerdozju tiegħi mas-seminaristi. Aħbar li mlietni bil-ferħ u dritt aċċettajt l-istedina tiegħu.

L-aħbar tar-Rettur irċevejtha tard filgħaxija, kważi kont lest għar-raqda. U x’torqod, torqod! Għalkemm għajnejja marru bija, moħħi nqatagħlu l-ħabel. F’għamża ta’ għajn, mexxejt is-snin lura u sibt ruħi fis-Seminarju Qalb ta’ Ġesù Għawdex. Hawn rajt lili nnifsi madwar sħabi, inlestu ruħna biex niġu ordnati saċerdoti.

Flimkien magħhom rajt lili nnifsi fit-telgħa lejn il-Katidral tal-Assunta, f’idejja kont qed inżomm alba kollha rakkmu, mgħoddija b’idejn ferħana bl-istess ferħ li kont qed inħoss jien. Hawn ilmaħt madwari lil ommi u lil missieri, tnejn min-nies li qatt ma warrbu minn ma’ ġenbi. Ħolma li sal-lum qatt u qatt ma nsejt.

Mal-qawmien mill-ġdid sibt ruħi fil-Gwatemala, b’wiċċi mkemmex biż-żmien iżda b’qalb żagħżugħa li qatt wara tant snin ma tilfet is-sbuħija tas-saċerdozju. Ippruvajt ngħatti s-snin li għaddew minn fuqi. Għal ftit mumenti rnexxieli iżda l-għejja tal-vjaġġ lejn Gwatemala City reġa’ tefagħni lura fiż-żmien.

“Irridu nħaffu”, għedt lix-xufier, “bħalma taf, fil-5.30 p.m. irrid inkun is-Seminarju”.

“Dalwaqt naslu”, kienet t-tweġiba tiegħu.

 

Bienvenido

Eżatt fil-5.15 p.m., wara sagħtejn u nofs karozza, sibna ruħna resqin lejn is-Seminarju. “Wasalna”, qalli x-xufier.

Ersaqna lejn il-bieb u hemm dritt rajna lir-Rettur tas-Seminarju Maġġuri, Padre Celestino Miranda, jistenniena: “Bienvenido”, qalli, “adelante”. “Merħba, idħol”.

Flimkien imxejna lejn il-kappella, poġġejt fuqi alba differenti minn dik li lbist fl-ewwel Quddiesa tiegħi kollha rakkmu. Din kienet inqas tqila u iktar sempliċi iżda ħassejt li kienet l-istess libsa li dejjem ilbist f’dawn l-aħħar 55 sena. Eżatt fil-5.30 p.m.  wieħed mis-seminaristi ħa f’idejh qanpiena żgħira, xengilha darba, darbtejn u bdejna l-mixja tagħna lejn l-artal.

Kor mill-isbaħ. 95 seminarista vuċi waħda, qalb waħda, ilkoll b’intenzjoni waħda. Il-miġja ta’ Kristu fostna.

Queridos Seminaristas: Hoy tenemos con nosotros al Padre Jose para recordar sus 55 anos de vida sacerdotal”. “Hawn iż-żewġ idejn ta’ kull seminarista faqqgħu ma’ xulxin b’sinjal ta’ mħabba. Fuq kull wiċċ innutajt tbissima li diffiċli tesprimiha. Kien applaws mhux biss ta’ żewġ idejn iħabbtu ma’ xulxin. Kienet il-qalb li bdiet tħabbat bil-ferħ.

Hawn żgur li bdew jirriflettu fuq iż-żmien li se jmiss lilhom bħala saċerdoti.

 

It-tmun kien dejjem f’idejh

Fl-omelija fissirtilhom fil-qosor is-snin li għaddejt minnhom, snin ta’ prova, ġranet mgħobbija bit-toqol tal-ħajja, mixjiet twal biex intemm xi żjara ’l bogħod f’xi raħal, waqgħat f’xi ħofra mhux mistennija iżda dejjem rajt il-Mulej iħaddanni miegħu, biex ngħid hekk jgħannaqni madwaru, kultant b’xi bewsa li kienet tħalli marka fuq wiċċi.

Għajnejn kull seminarista kienu ffissati fuqi. “Qatt taqtgħu qalbkom mill-imħabba ta’ Alla, żommu ħarsitkom ’il quddiem. Ngħid għalija”, komplejt ngħidilhom “mhux dejjem żammejt b’imħabba dak li wegħdt jew dak li xtaqt inkun. Dejjem ħassejt li dak li sejjaħli, silifli d-dgħajsa tiegħu, poġġieni fiha u ħalla f’idejja żewġ imqadef. Iżda t-tmun kien f’idejh. Kien hu li dejjem wassalni fil-port għall-kenn. Kuraġġ!”

Hawn mill-ġdid idejn ta’ kull seminarista ħassejthom jaħbtu ma’ xulxin b’iktar ħeffa. Fuq wiċċhom mill-ġdid dehret tbissima ta’ ferħ, din id-darba mhux moħbija bħal qabel. Illum għarfu ftit mit-toqol li għaddejt minnu iżda rriflettew iktar dwar l-idejn li dejjem żammewni fuq wiċċ l-ilma.

Wara li lkoll imtlejna bil-qawwa ta’ Kristu, żammejna ftit skiet quddiem Kristu ħaj fostna. Għalaqt għajnejja ma’ xulxin u mill-ġdid ħassejtni tiela’ t-telgħa lejn il-Katidral tal-Assunta fi gżiritna b’alba mgħoddija bl-imħabba. Fis-skiet, mill-ġdid, ġeddidt dak li mhux dejjem żammejt bil-qalb iżda dejjem fiduċjuż li idejn il-Mulej dejjem ħassejthom madwari.

pjosecamilleri@yahoo.es

 

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: