Home > Leħen is-Sewwa > Lejn il-kanonizzazzjoni tal-ġenituri ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù

Lejn il-kanonizzazzjoni tal-ġenituri ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù


Il-ġnien qaddis li kabbar fjura qaddisa

Fr Charles Buttigieg

Smajna u qrajna ħafna dwar il-ħajja qasira ta’ 24 sena biss, imma ħajja kbira u qaddisa ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux jew Santa Tereza tal-Bambin Ġesù. Soru Tereżjana fil-kunvent ta’ Lisieux fin-Normandija fi Franza u fuq kollox Duttur tal-Knisja u Patruna tal-Missjunarji u ta’ Franza.

26. Il-genituri dc 2607Hi saret qaddisa proprju disgħin sena ilu fis-17 ta’ Mejju tal-1925 mill-Papa Piju XI li sejħilha ‘il-kewkba tal-Pontifikat tiegħu’.

Illum se nikteb dwar il-qdusija tal-ġenituri ta’ ‘din il-fjura żgħira’ ta’ Ġesù, li se jsiru qaddisin fit-18 ta’ Ottubru 2015 fl-okkażjoni tas-Sinodu tal-Familja f’Ruma.

Fit-18 ta’ Marzu 2015 ġie rikonoxxut il-miraklu li sar bl-interċessjoni tagħhom u għalhekk din il-ġrajja se tkun messaġġ qawwi tal-qdusija tal-familja li jixtieq jwassal is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja.

Huma saru Venerabbli mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-24 ta’ Marzu 1994, u Beati mill-Papa Benedittu XVI fid-19 ta’ Ottubru 2008. Huma se jkunu l-ewwel koppja miżżewġa li kellhom it-tfal u li se jsiru qaddisin flimkien. Hemm però koppji oħra miżżewġin li huma beati.

Missier Santa Terezina, hu l-Beatu Louis, kunjomu Martin, twieled fl-1823 u miet fid-29 ta’ Lulju tal-1894 wara li sofra żewġ attakki ta’ puplesija u sofra wkoll mid-dimensja. Hu kien ġojjellier u arluġġar u kien għamel żmien fil-militar bħala żagħżugħ. Omm Santa Terezina hi l-Beata Marie Zelie li kunjomha xebba kien Guerin. Hi twieldet fl-1831 u mietet fit-28 ta’ Awwissu 1877 fl-età ta’ 45 sena wara l-marda kiefra tal-cancer li damet fuqha 12-il sena. Dakinhar Tereża kellha erba’ snin biss. Hi kienet taħdem il-bizzilla.  Jingħad li qabel ma għażlu l-ħajja tal-familja, it-tnejn li huma individwalment ikkonsidraw il-vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża imma Alla urihom t-triq tal-familja bħala s-sejħa tagħhom. Fil-fatt bħala żagħżugħ Louis kien iħobb imur fil-monastru San Bernard fuq l-Alpi minn fejn kien ġab fjura żgħira bajda li żammha għandu.

Huma żżewġu fit-13 ta’ Lulju tal-1858 wara tliet xhur ta’ għerusija u kellhom disat itfal li erbgħa minnhom mietu żgħar: Joseph miet ta’ sena, Joseph Jean Baptiste li kellu sena, Helene li kellha ħames snin u nofs u Melanie li mietet ta’ xahrejn. Minkejja din l-esperjenza kerha ħafna huma baqgħu dejjem sodi fil-fidi tagħhom u baqgħu dejjem jafdaw f’Alla. Il-ħamsa l-oħra, kollha bniet, Pauline, Celine, Leonie, Marie u ż-żgħira Tereża saru reliġjużi. Din hi xhieda oħra sabiħa kemm il-familji jistgħu jkunu verament benniena ta’ vokazzjonijiet.

Ta’ min jgħid ukoll li l-ewwel sena taż-żwieġ tagħhom huma għexuha f’kastità matrimonjali u ħadu ħsieb tifel orfni fil-bidu taż-żwieġ tagħhom. Bħala miżżewġin dejjem attendew għall-Quddiesa ta’ kuljum filgħodu kmieni, kienu jitolbu ir-rużarju kuljum u jsumu ta’ spiss waqt li kienu jwettqu ukoll diversi opri ta’ ħniena fosthom kienu jżuru l-morda u jgħinu l-foqra.

Huma kienu jgħixu f’Rue Saint-Blaise f’Alencon u wara l-mewt ta’ Zelie marru joqogħdu f’Lisieux. Santa Tereża tikteb lil Abbè Belleiere li Alla kien taha ġenituri tas-sema u qaddisa. Hi baqgħet tiftakar it-tbatijiet ta’ ommha meta mietet u baqgħet tiftakar kemm missierha ħa ħsiebha wara l-mewt ta’ ommha. Missierha kien taha l-fjura bajda meta wara kienet marret Ruma u ltaqgħet mal-Papa Ljun XIII hi qaltlu li kienet se ssir soru tal-Karmelu. U għalhekk il-fjura żgħira ta’ Louis Martin inqatgħet mill-ġnien tal-qaddis tal-familja tiegħu biex titħawwel fil-ġnien reliġjuż tal-Karmelu.

Iż-żwieġ ta’ dawn iż-żewġ ġenituri qaddisa kien ispirat mill-barka taż-żwieġ li nsibu fl-Antik Testment bejn Sara u Tobija. Huma tassew xhieda straordinarja tal-spiritwalità tal-familja għall-familja tal-lum.

doncharles90@yahoo.it

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: