Home > Leħen is-Sewwa > Il-kobor taż-żgħar

Il-kobor taż-żgħar


It-Tabib Carmelo Palmier Cecy

Siġra kbira li għandha ’l fuq minn elfejn sena għadha qawwija u sħiħa f’wieħed mill-parks ta’ Kalifornja.

Hi tip ta’ sequoia magħrufa bħala General Sherman.

Titla’ lejn is-sħab għal iżjed minn 80 metru b’zokk li jibda b’wisa’ (dijametru) ta’ iżjed minn għaxar metri. Minkejja l-kobor tagħha, din kienet għadha daqs nitfa għall-ħabta tal-ewwel Milied u forsi ħafna qabel. U llum saret waħda mill-għeġubijiet tad-dinja.

9Tfal

 

Kollox u kulħadd għandu bidu (ħlief Alla l-Imbierek) u, f’dak iż-żmien bikri, is-siwi tal-ħaġa jew tal-persuna ftit li xejn ikun jidher. It-tfal tal-lum huma l-kbar ta’ għada u minħabba f’hekk huma importanti mil-lum stess. Jgħaddu 25 sena u ssib li kollox hu mmexxi minn dawk li llum għadhom qed jissawru fil-karattru u f’ġisimhom.

 

Kbar sa mit-tfulija

Madanakollu, ħafna tfal laħqu wrew il-kobor tal-ġenju tagħhom qabel ma saru rġiel u nisa. Hekk, ngħidu aħna, Mozart kien mużiċista Awstrijak li beda jikkomponi fl-età ta’ sitt snin.

L-Ispanjol Picasso kien diġà artist tajjeb fl-età ta’ 15-il sena. Is-Sudkorean Ung-Yong beda jistudja fl-università meta kien għadu m’għalaqx l-erba’ snin. Shakuntala Devi, bħala tifla, diġà kellha l-ħila li taħdem aritmetika komplikata ħafna bl-amment fi ftit sekondi u, bħala adulta, tat wirjiet f’Malta fl-aħħar tal-ħamsinijiet.

 

Fil-Bibbja

Fil-Bibbja jissemmew għadd ta’ tfal li għandna nsejħulhom ‘kbar’ għax il-Mulej tefa’ fuqhom ħarsa speċjali u lestihom għal ħatra kbira u qaddisa. Bħalma jiġri dejjem, il-kobor tagħhom ġie minn Alla, għax Hu biss hu kbir. Hu biss “irieġi d-dinja fil-keffa ta’ idu” (Sir. 18, 3).

Alla għamel li Mosè, għalkemm imwieled fiż-żmien tal-qtil tas-subien bl-ordni tas-sultan, jiġi salvat minn bint l-istess sultan. Għax il-Mulej, kien diġà għażel lit-tarbija biex f’irġulitu jħarrab il-poplu tiegħu mill-jasar tal-Eġittu (Eż. 2).

Samwel, iben Elkana, ġie fid-dinja bil-miraklu li l-Mulej għamel m’ommu Anna meta din kienet qagħtet qalbha li se titqal. Bħala tifel, sema’ l-Mulej isejjaħlu u hu wieġbu: “Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qed jisma” (1Sam. 3, 9). F’irġulitu sar Imħallef t’Iżrael.

Ġwanni l-Għammiedi kien għadu f’ġuf ommu meta qabeż “bil-ferħ” tal-Ispirtu s-Santu kif sab ruħu qrib it-tarbija Ġesù. Ġesù nnifsu kien għadu fil-ġuf ta’ Marija u kien sitt xhur iżgħar minn Ġwanni.

Fit-Testment il-Ġdid naraw lis-Sinjur tagħna juża lit-tfal għall-glorja ta’ Alla u għall-ġid tal-bniedem. Hekk għamel meta fejjaq lit-tifel “marid b’tal-qamar” (Mt. 17, 15) u meta qajjem lil xi tfal mill-mewt (Lq 7, 11; 8, 41).

Ġesù Kristu saħaq fuq il-kobor taż-żgħar meta stqarr li “ta’ min hu bħalhom hi s-Saltna tas-Smewwiet” (Mt. 19, 14). Għax min hu akbar fost il-bnedmin kollha minn dawk li jistħoqqilhom jidħlu fis-Saltna tas-Smewwiet? Mela minn fomm Alla nafuha: li ż-żgħar huma kbar.
Nota tal-Editur

Fl-artiklu “Nafu Naqraw”?, ippubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda, wara s-sentenza “Santu Wistin, f’mixjietu spiritwali sema’ ilħna jkantaw: Ħu f’idejk u aqra” (L-Istqarrijiet tiegħu pġ 226) bi żvista tħalla barra l-isem tat-traduttur Val V. Barbara.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: