Home > Leħen is-Sewwa > Flok il-moffa daħal is-semm

Flok il-moffa daħal is-semm


Dun Anġ Seychell

Jekk uħud mill-qarrejja ma jafux xi tfisser “semm” tajjeb ikunu jafu li dil-kelma tfisser velenu. Qed nużaha għax gazzetta lokali bil-Malti kitbet editorjalment dwar it-tibdil propost mill-Ministru tal-Ġustizzja fil-kodiċi kriminali u qalet li b’dawn it-tibdiliet “qed inneħħu l-moffa”.

Jien ma naqbilx u qed ngħid li bit-tibdiliet flok inneħħu l-moffa qed indaħħlu s-semm. Miniex wieħed li kulma jagħmel dan il-Gvern narah ikrah. Kif jafu l-qarrejja ma kontx kuntrarju għall-iżvilupp tal-Ponta ta’ Żonqor f’Università Amerikana.

Lanqas ma jien wieħed li niddefendi l-moffa la fl-Istat u lanqas fil-Knisja. Imma ħadd mhu se jikkonvinċini li għandi nsejjaħ progress it-twaqqigħ għar-ridikolu tar-reliġjon Kattolika u reliġjonijiet oħra jew li l-ilsien Malti jaqbillu jekk fil-kitbiet tiegħu jibda dieħel il-kliem ħażin u doppju sens jew li l-ekonomija Maltija tmur ’il quddiem jekk ikollha l-ħwienet tas-sess u l-każini tal-irġiel!

L-istess gazzetta tagħlaq hekk l-editorjal tagħha: “Għall-bidu l-bidliet imħabbra din il-ġimgħa jistgħu jkunu interpretati minn uħud bħala traġedja morali iżda fil-verità, meta jgħaddi ż-żmien, nindunaw li dawn kienu biss bidliet fuq il-karta li, għalkemm kuraġġużi, qed jirriflettu l-fatt li mxejna, immaturajna u m’għadniex ngħixu fi żmien id-dlam u l-biża’.”

Naħsibha mod ieħor

Jien naħseb li ż-żgħażagħ tagħna għandhom bżonn rimedji oħra għal dak li għaddejjin minnu: dipressjoni, problemi ta’ saħħa mentali quddiem it-tkissir tal-familji u tas-soċjetà. Għalihom dawn il-proposti se jkunu parti minn dak il-velenu li jsemmi l-Poeta Nazzjonali f’waħda mill-aqwa poeziji li kiteb u li jien se nġib bħala parti mill-kitba tiegħi biex fuqha l-Ministru Owen Bonnici kif ukoll il-Prim Ministru jkunu jistgħu jagħmlu riflessjoni dwar il-motto li ilhom ma jsemmu: Progressivi u Moderati!

LIL MALTA

Kont il-warda tad-dinja u sirt bħall-miżbla;

Minn kull xorta ta’ qżież dieħel ġo fik;

Int tilqgħu u tifraħ, mara belha!

U d-dinja tidħak bik.

Fejn hu l-għaqal tar-rġiel? Fejn hi tan-nisa

l-mistħija fil-ħars, fil-kliem, fl-ilbies?

X’sar minnha l-warda tax-xbubija? Ahi qada!

Kollox irmejt bla qies.

Għax ruħek mardet. Mingħajr ebda rażan

u s-semm barrani dieħel ġol-ibliet

u ż-żgħażagħ tiegħek jixorbuh u jiskru

Jitkasbru bid-dnubiet.

U s-semm joktor u jiġri u miexja l-pesta

fir-rħula wkoll u jmut quddiemha s-sliem:

ma fadallek lil ħadd min jilqa’ l-ħsara,

għax ma baqax ħlief kliem.

U qalbek birdet, għax m’għadhiex issaħħnek

dik l-Emmna mqaddsa li fil-jum tal-hemm

kissret l-għodda tal-għira u fuq Sant’Jiermu

kitbet storja tad-demm.

U rebħet għadu li ħadd ma kien rebaħ:

int kollox niġġist, djar u triqat,

sa fis-satra tal-Knisja ddaħħal miegħek

il-kesħa tal-frugħat.

Oh! meta jasal bit-tifkira mqaddsa

Settembru mbikki u fl-oqbra minsijin

Jitħarrek bi tnehida twila l-għadam

Ta’ dawk il-qalbenin.

Isma’ minni, tersaqx bit-tifħir f’fommok,

bir-rand f’idejk quddiem il-Monument:

jien ngħidlek: Gidba sar tifħirek

u gidba l-Monument.

Għax jien rajthom lil missirijietna,

erwieħ ħosbiena, iduru mal-iswar,

ħarsithom miksura, marbuta dirgħajhom

fuq isdra  tal-azzar.

Ifittxu, ifittxu l-wirt li ħallew huma

u jxenglu rashom għax ma rawh imkien

u reġgħu niżlu ġo qabarhom, ħiemda,

bħal min tilef iż-żmien.

Malta! Jekk għadu ma nkitibx fis-sema

Il-ħaqq li mess lil Babilon,

arġa’ lura fuq triqtek: Min ifejqek

jistenniek ġo Sijon.

dunangseychell@lehenis-sewwa.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: